LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w02 8/15 pp. 10-14
  • “Jien Tajtkom Eżempju”

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • “Jien Tajtkom Eżempju”
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Imħabba sa minn Żmien Twil Ilu għall-​Veritajiet Divini
  • Imħabba għall-​Veritajiet li Għallem
  • Ġesù Ħabb lin-​Nies li Kien Jgħallem
  • Kien Lest li Jaqdi lin-​Nies
  • Imita lil Ġesù—Għallem bl-Imħabba
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2009
  • Se Twieġeb Int Għall-Imħabba taʼ Ġesù?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1992
  • Ġesù Kristu—L-Aqwa Missjunarju
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2008
  • “Ejja Kun Segwaċi Tiegħi”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2009
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
w02 8/15 pp. 10-14

“Jien Tajtkom Eżempju”

“Imisskom sa daż-żmien sirtu għalliema.”—Lhud 5:​12, Karm Żammit.

1. Il-​kliem taʼ Lhud 5:12 kif jistaʼ jġiegħel lil Kristjan b’mod naturali jħossu xi ftit inkwetat?

INT u taqra l-​kliem imnebbaħ taʼ l-​iskrittura li għandna bħala tema, tħossok xi ftit inkwetat dwarek innifsek? Jekk inhu hekk, m’intix waħdek. Bħala segwaċi taʼ Kristu, aħna nafu li għandna nkunu għalliema. (Mattew 28:​19, 20) Nafu li minħabba ż-​żminijiet li ngħixu fihom huwa urġenti li ngħallmu bl-​aħjar mod li nistgħu. U nafu li t-​tagħlim tagħna jistaʼ jkun kwistjoni taʼ ħajja jew mewt għal dawk li ngħallmu! (1 Timotju 4:16) Naturalment, allura, għandna mnejn nistaqsu lilna nfusna: ‘Qiegħed inkun l-​għalliem li suppost inkun? Kif nistaʼ nkun aħjar?’

2, 3. (a) Ċertu għalliem kif spjega l-​pedament għal xogħol tajjeb taʼ tagħlim? (b) Ġesù ħallielna liema eżempju fix-​xogħol tat-​tagħlim?

2 Tħassib bħal dan m’għandux għalfejn jiskuraġġina. Jekk naħsbu li biex ngħallmu jrid ikollna biss xi abbiltajiet tekniċi speċjali, nistgħu naqtgħu qalbna li xi darba għad nagħmlu xi titjib. Iżda l-​pedament biex wieħed jgħallem tajjeb m’huwiex li jkollu xi metodu speċjali imma xi ħaġa bil-​wisq iktar importanti. Innota x’kiteb ċertu għalliem t’esperjenza fi ktieb dwar dan is-​suġġett: “Xogħol tajjeb taʼ tagħlim m’huwiex kwistjoni taʼ metodi jew stili, pjanijiet jew azzjonijiet speċifiċi. . . . Ix-​xogħol tat-​tagħlim primarjament huwa kwistjoni taʼ mħabba.” M’għandniex xi ngħidu, hu kien qed iqis l-​affarijiet minn ħarsa t’għalliem sekulari. Madankollu, il-​punt tiegħu jistaʼ japplika iktar għax-​xogħol taʼ tagħlim li nagħmlu aħna bħala Kristjani. Kif?

3 Ix-​Xempju tagħna t’għalliem m’hu ħadd ħlief Ġesù Kristu, li qal lis-​segwaċi tiegħu: “Jien tajtkom eżempju.” (Ġwann 13:15) Hu kien qed jirreferi għall-​eżempju tiegħu bħala wieħed li juri l-​umiltà, imma l-​eżempju li tana Ġesù żgur li jinkludi x-​xogħol prinċipali tiegħu bħala bniedem fuq l-​art—dak li jgħallem lin-​nies l-​aħbar tajba tas-​Saltna t’Alla. (Luqa 4:43) Allura, kieku kellek tagħżel kelma waħda biex tiddeskrivi l-​ministeru taʼ Ġesù, x’aktarx li kont tagħżel il-​kelma “mħabba,” m’hux hekk? (Kolossin 1:15; 1 Ġwann 4:8) L-​imħabba taʼ Ġesù għal Missieru tas-​sema, Jehovah, ma kien hemm xejn x’jisboqha. (Ġwann 14:31) Bħala għalliem, però, Ġesù wera mħabba b’żewġ modi oħra. Hu ħabb il-​veritajiet li għallem, u ħabb lin-​nies li għallem. Ejja niffokaw iktar mill-​qrib fuq dawn iż-​żewġ aspetti taʼ l-​eżempju li ħallielna.

Imħabba sa minn Żmien Twil Ilu għall-​Veritajiet Divini

4. Ġesù kif żviluppa mħabba għat-​tagħlim taʼ Jehovah?

4 L-​attitudni t’għalliem lejn is-​suġġett tiegħu jkollha effett mhux ħażin fuq il-​kwalità tat-​tagħlim tiegħu. Jekk ikun hemm xi indifferenza min-​naħa tiegħu x’aktarx li din se tidher u tolqot lill-​istudenti tiegħu wkoll. Ġesù ma kellu l-​ebda apatija lejn il-​veritajiet prezzjużi li għallem dwar Jehovah u s-​Saltna Tiegħu. L-​imħabba taʼ Ġesù għal dan is-​suġġett kienet profonda. Hu kien żviluppa din l-​imħabba bħala student. Matul iż-​żmien twil taʼ l-​eżistenza tiegħu qabel sar bniedem, l-​Iben uniġenitu kien wieħed li kellu ħerqa biex jitgħallem. Isaija 50:​4, 5 jniżżel dan il-​kliem addattat: “Sidi l-​Mulej tani lsien taʼ wieħed jitgħallem, biex nagħraf ngħin lill-​għajjien b’xi kelma. Taʼ kull filgħodu jqajjimli ’l widinti, biex nismaʼ bħal wieħed jitgħallem. Sidi l-​Mulej fetaħli widinti, u jiena ma webbistx rasi, ma rġajtx lura.”

5, 6. (a) Milli jidher liema esperjenza kellu Ġesù fil-​magħmudija tiegħu, u liema effett ħalliet fuqu? (b) Liema kuntrast insibu bejn Ġesù u Satana inkwantu għal kif użaw il-​Kelma t’Alla?

5 Hu u jikber bħala bniedem fuq l-​art, Ġesù kompla jħobb l-​għerf divin. (Luqa 2:52) Imbagħad, fil-​ħin tal-​magħmudija tiegħu, hu għadda minn esperjenza unika. “Is-​smewwiet infetħu,” jgħid Luqa 3:21. Milli jidher, Ġesù mbagħad setaʼ jiftakar l-​eżistenza tiegħu qabel sar bniedem. Wara dan, hu qattaʼ 40 ġurnata jsum fid-​deżert. Żgur li sab għaxqa kbira hekk kif qagħad jimmedita dwar il-​ħafna sessjonijiet taʼ istruzzjoni li kien irċieva fis-​sema mingħand Jehovah. Iżda, l-​imħabba tiegħu għall-​veritajiet t’Alla ma damitx wisq m’għaddiet mill-​prova.

6 Meta Ġesù kien għajjien u bil-​ġuħ, Satana fittex li jittantah. X’kuntrast insibu bejn dawn iż-​żewġ ulied t’Alla! It-​tnejn li huma kkwotaw mill-​Iskrittura Ebrajka—imma bi spirtu kompletament differenti. Satana għawweġ il-​Kelma t’Alla, u użaha b’diżrispett għall-​iskopijiet egoistiċi tiegħu. Fil-​fatt, dak ir-​ribell ma kellu xejn ħlief stmerrija għall-​veritajiet divini. Mill-​banda l-​oħra, Ġesù kkwota mill-​Iskrittura b’imħabba li kienet tidher ovvja u uża l-​Kelma t’Alla b’attenzjoni f’kull risposta li ta. Ġesù kien ilu jeżisti ħafna qabel ma nkiteb dan il-​kliem ispirat, iżda kellu rispett kbir lejh. Kienu veritajiet prezzjużi mingħand Missieru tas-​sema! Hu qal lil Satana li kliem bħal dan mingħand Jehovah kien iktar vitali mill-​ikel. (Mattew 4:​1-11) Iva, Ġesù ħabb il-​veritajiet kollha li kien għallmu Jehovah. Iżda kif urieha din l-​imħabba bħala għalliem?

Imħabba għall-​Veritajiet li Għallem

7. Ġesù għala żamm lura milli jivvinta t-​tagħlim tiegħu stess?

7 L-​imħabba taʼ Ġesù għall-​veritajiet li għallem dejjem kienet tidher. Wara kollox, setaʼ faċilment żviluppa l-​ideat tiegħu stess. Hu kellu minjiera kbira taʼ għarfien u għerf. (Kolossin 2:3) Minkejja dan, darba wara l-​oħra hu fakkar lis-​semmiegħa tiegħu li kulma kien jgħallem ma kienx ġej minnu, imma minn Missieru tas-​sema. (Ġwann 7:​16; 8:​28; 12:49; 14:10) Il-​veritajiet divini kien iħobbhom wisq biex jibdilhom mal-​ħsibijiet tiegħu stess.

8. Meta beda l-​ministeru tiegħu, Ġesù kif ħalla eżempju bħala wieħed li jistrieħ fuq il-​Kelma t’Alla?

8 Meta Ġesù beda l-​ministeru pubbliku tiegħu, hu malajr wera kif kellhom isiru l-​affarijiet. Ikkunsidra l-​mod kif għall-​ewwel darba ddikjara lill-​poplu t’Alla li hu kien il-​Messija mwiegħed. Qabad hu u deher quddiem il-​folol, qal li kien Kristu, u mbagħad għamel mirakli spettakolari biex juri li dak li kien qal kien minnu? Le. Mar f’sinagoga, fejn in-​nies t’Alla kienu mdorrijin jaqraw mill-​Iskrittura. Hemmhekk qara jgħajjat il-​profezija taʼ Isaija 61:​1, 2 u spjega li dawn il-​veritajiet profetiċi kienu japplikaw għalih. (Luqa 4:​16-22) Il-​ħafna mirakli tiegħu għenuh jistabbilixxi l-​fatt li hu kellu l-​appoġġ taʼ Jehovah. Xorta waħda, hu dejjem straħ fuq il-​Kelma t’Alla fix-​xogħol tiegħu tat-​tagħlim.

9. Fil-​mod li bih ittratta mal-​Fariżej, Ġesù kif wera l-​imħabba leali tiegħu għall-​Kelma t’Alla?

9 Meta l-​għedewwa reliġjużi kienu jisfidaw lil Ġesù, hu ma kienx jipprova juri min kien jilħaqlu l-​iktar, għalkemm setaʼ faċilment iħallihom l-​art f’kompetizzjoni bħal din. Minflok, hu kien iħalli l-​Kelma t’Alla turihom li kienu żbaljati. Per eżempju, ftakar meta l-​Fariżej akkużaw lis-​segwaċi taʼ Ġesù li kienu kisru l-​liġi tas-​Sabat għax huma u għaddejjin minn ġo għalqa qatgħu ftit sbul u kiluh. Ġesù wieġeb: “Ma qrajtux x’għamel David meta kien bil-​ġuħ, hu u dawk li kienu miegħu?” (Mattew 12:​1-5) M’għandniex xi ngħidu, dawk l-​irġiel li f’għajnejhom stess kienu tajbin forsi veru kienu qrawh dak ir-​rakkont imnebbaħ taʼ l-​1 Samwel 21:​2-7 (21:​1-6, NW). Jekk inhu hekk, huma kienu naqsu li jifhmu t-​tagħlima importanti li kien fih. Madankollu, Ġesù ma qrahx biss dan ir-​rakkont. Hu kien ħaseb dwaru u niżżel il-​messaġġ f’qalbu. Hu ħabbhom il-​prinċipji li Jehovah għallem permezz taʼ din is-​silta. Għalhekk uża dan ir-​rakkont, kif ukoll eżempju ieħor mil-​Liġi Mosajka, biex jikxef l-​ispirtu bilanċjat tal-​Liġi. B’mod simili, l-​imħabba leali taʼ Ġesù qanqlitu jiddefendi l-​Kelma t’Alla kontra l-​isforzi tal-​mexxejja reliġjużi biex jgħawġuha għall-​iskopijiet tagħhom stess jew jidfnuha taħt it-​tgħaffiġ tat-​tradizzjonijiet umani.

10. Ġesù kif wettaq il-​profeziji rigward il-​kwalità tal-​mod kif għallem?

10 L-​imħabba taʼ Ġesù għas-​suġġett tiegħu qatt ma kienet se tħallih jgħallem sempliċement bl-​amment, b’manjiera li kienet mekkanika jew ixxabbaʼ lil dak li jkun. Il-​profeziji mnebbħin kienu ssuġġerew li l-​Messija kellu jitkellem bil-​‘ħlewwa fuq xufftejh,’ u juża “kliem li jgħaxxaq.” (Salm 45:3 [45:​2, NW]; Ġenesi 49:​21, Saydon) Ġesù wettaq dawk il-​profeziji billi l-​messaġġ tiegħu żammu interessanti u ħaj, u uża “kliem mimli ħlewwa” hekk kif għallem il-​veritajiet li tant kien iħobb. (Luqa 4:22) Bla dubju l-​entużjażmu tiegħu ta l-​ħajja lill-​fattizzi tiegħu, u għajnejh kienu jixegħlu bl-​interess kbir li kellu fis-​suġġett tiegħu. Kemm żgur li kien pjaċevoli li tisimgħu, u x’eżempju mill-​aħjar ħallielna biex insegwuh meta nkellmu lil oħrajn dwar dak li tgħallimna!

11. L-​abbiltajiet taʼ Ġesù bħala għalliem għala qatt ma ġagħluh jimtela bih innifsu?

11 Imtela bih innifsu Ġesù minħabba l-​fehma kbira li kellu dwar il-​veritajiet divini u minħabba li kien jaf jitkellem sabiħ? Dan taʼ spiss jiġri fil-​każ t’għalliema umani. Iżda, ftakar li Ġesù kellu għerf divin. Għerf bħal dan ma jħallix post għall-​kburija, għax “l-​umli jkollhom l-​għerf.” (Proverbji 11:2) Kien hemm xi ħaġa oħra li żammet lil Ġesù milli jitkabbar jew jintefaħ.

Ġesù Ħabb lin-​Nies li Kien Jgħallem

12. Ġesù kif wera li ma riedx iġiegħel lis-​segwaċi tiegħu jħossuhom imbeżżgħin minnu?

12 L-​imħabba profonda taʼ Ġesù għan-​nies dejjem kienet tidher mill-​mod kif kien jgħallem. Qatt ma ġagħal lin-​nies iħossuhom imbeżżgħin minnu minħabba l-​mod kif għallimhom, kuntrarju għall-​bnedmin imkabbrin. (Koħèlet 8:9) Wara li ra b’għajnejh wieħed mill-​mirakli taʼ Ġesù, Pietru baqaʼ mbellah, u nxteħet f’riġlejn Ġesù. Imma Ġesù ma riedx li s-​segwaċi tiegħu jitkexkxu minnu bil-​biżaʼ. Hu qallu bil-​ħlewwa, “Tibżax” u mbagħad qal lil Pietru bix-​xogħol eċċitanti li kellu jieħu sehem fih biex jintgħamlu dixxipli. (Luqa 5:​8-10) Ġesù ried li d-​dixxipli tiegħu jitqanqlu mill-​imħabba tagħhom stess għall-​veritajiet prezzjużi dwar Alla, u mhux għax kienu mwerwrin mill-​għalliem tagħhom.

13, 14. Ġesù b’liema modi wera empatija għan-​nies?

13 L-​imħabba taʼ Ġesù għan-​nies li kien jgħallem kienet tidher ukoll mill-​empatija li kien iħoss għalihom. “Ra n-​nies u tħassarhom, għax kienu mdejjqa u mitluqa bħal nagħaġ bla ragħaj.” (Mattew 9:36) Hu ħass għalihom minħabba l-​kundizzjoni miżerabbli li kienu jinsabu fiha u tqanqal biex jgħinhom.

14 Innota l-​empatija taʼ Ġesù f’okkażjoni oħra. Meta waħda mara bi tnixxija tad-​demm resqet lejh qalb il-​folla u messet il-​frenża tal-​mantar tiegħu, din tfejqet b’mod mirakoluż. Ġesù ħass qawwa ħierġa minnu, imma ma rax min kien ġie mfejjaq. Hu ried bilfors isib lill-​mara. Għala? Mhux biex iċanfarha talli kisret il-​Liġi jew ir-​regoli taʼ l-​iskribi u l-​Fariżej, bħalma forsi kienet qed tibżaʼ hi. Minflok, hu qalilha: “Binti, . . . il-​fidi tiegħek fejjqitek; mur bis-​sliem, u kun imfejjqa mill-​marda tiegħek.” (Mark 5:​25-34) Innota kemm fih empatija dan il-​kliem. Hu ma qalilhiex biss, “Fiq.” Minflok, hu qal: “Kun imfejjqa mill-​marda tiegħek.” Mark hawnhekk juża kelma li letteralment tistaʼ tfisser “flaġell,” tip taʼ swat bil-​frosta li taʼ spiss kien jintuża bħala tortura. B’hekk, Ġesù għaraf li l-​marda tagħha kienet ġagħlitha tbati ħafna, forsi b’uġigħ fiżiku u emozzjonali qawwi. Hu ħass għaliha.

15, 16. Liema ġrajjiet fil-​ministeru taʼ Ġesù juru li hu kien ifittex it-​tajjeb fin-​nies?

15 Ġesù wera wkoll imħabba għan-​nies billi fittex it-​tajjeb fihom. Ikkunsidra x’ġara meta ltaqaʼ maʼ Natanjel, li iktar tard sar appostlu. “Meta Ġesù ra lil Natanjel riesaq lejh qal għalih: ‘Ara, dan tassew wieħed minn Iżrael li jixraqlu dan l-​isem; ma hemm ebda qerq fih.’” Mirakolożament, Ġesù fittex f’qalb Natanjel, u b’hekk sar jaf ħafna dwaru. M’għandniex xi ngħidu, Natanjel żgur li ma kienx perfett. Kellu d-​difetti tiegħu, bħalma għandna aħna lkoll. Fil-​fatt, meta semaʼ dwar Ġesù hu għadda rimarka daqsxejn goffa għax qal: “Tistaʼ toħroġ xi ħaġa tajba minn Nazaret?” (Ġwann 1:​45-51) Madankollu, fost l-​affarijiet kollha li setaʼ jgħid dwar Natanjel, Ġesù għażel li jiffoka fuq xi ħaġa pożittiva, fuq l-​onestà taʼ dan ir-​raġel.

16 B’mod simili, meta ċenturjun—x’aktarx Ġentil, Ruman—resaq fuq Ġesù u talbu jfejjaq ilsir marid, Ġesù kien jaf bid-​difetti tas-​suldat. Dak iż-​żmien ċenturjun x’aktarx li kien ikollu passat mimli b’ħafna atti taʼ vjolenza, dmija, u qima falza. Madankollu, Ġesù ffoka fuq xi ħaġa tajba—il-​fidi tar-​raġel li kienet tant tispikka. (Mattew 8:​5-13) Iktar tard, meta Ġesù kellem lir-​raġel ħażin li kien imdendel ħdejh fuq iz-​zokk tat-​tortura, Ġesù ma ċanfarx lir-​raġel għad-​delitti li kien wettaq imma inkuraġġieh b’tama għall-​futur. (Luqa 23:43) Ġesù kien jaf tajjeb li, jekk iħares lejn oħrajn b’mod negattiv u bil-​kritika, kulma kien se jagħmel kien li jiskuraġġihom. Bla dubju l-​isforzi tiegħu biex isib it-​tajjeb f’oħrajn inkuraġġew lil ħafna biex isiru saħansitra aħjar.

Kien Lest li Jaqdi lin-​Nies

17, 18. Billi aċċetta l-​inkarigu li jiġi fuq l-​art, Ġesù kif wera li kien lest li jaqdi lil oħrajn?

17 Evidenza qawwija oħra li turi li Ġesù kien iħobb lin-​nies li għallem hija l-​fatt li kien lest li jaqdihom. Fil-​ħajja tiegħu qabel sar bniedem, l-​Iben t’Alla kien dejjem jitgħaxxaq bil-​bnedmin. (Proverbji 8:​30, 31) Bħala l-​“Verb,” jew il-​kelliemi, taʼ Jehovah hu għandu mnejn kellu x’jaqsam ħafna mal-​bnedmin. (Ġwann 1:1) Madankollu, parti mir-​raġuni għala ġie fuq l-​art kienet biex jgħallem lill-​bnedmin iktar direttament, u kien għalhekk li “xejjen lilu nnifsu billi ħa n-​natura taʼ lsir,” waqt li ħalla l-​pożizzjoni għolja tiegħu fis-​sema. (Filippin 2:7; 2 Korintin 8:9) Waqt li kien fuq l-​art, Ġesù ma ppretendiex li ħaddieħor iseftirlu u jaqdih. Għall-​kuntrarju, hu qal: “Bin il-​bniedem, ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jaqdi u biex jagħti ħajtu b’fidwa għall-​kotra.” (Mattew 20:28) Ġesù għex eżatt skond dan il-​kliem.

18 Ġesù bl-​umiltà qeda l-​bżonnijiet taʼ dawk li għallem, u ta minnu nnifsu għan-​nom tagħhom bla ma qagħad jaħsibha darbtejn. Kien iterraq maʼ kullimkien fl-​Art Imwiegħda għal mijiet taʼ kilometri fuq vjaġġi taʼ ppridkar, bi sforz li jilħaq kemm jistaʼ jkun nies. Hu baqaʼ persuna umli u li faċli tersaq lejha, mhux bħall-​Fariżej u l-​iskribi kburin. Nies taʼ kull xorta—dawk f’pożizzjonijiet għoljin, suldati, avukati, nisa, tfal, il-​foqra, il-​morda, saħansitra dawk imwarrbin mis-​soċjetà—resqu lejh bil-​ħerqa u bla biżaʼ. Għalkemm kien perfett, Ġesù kien bniedem li kien jegħja u jaqbdu l-​ġuħ. Madankollu, anki meta kien għajjien jew kellu bżonn il-​mistrieħ jew ħin fil-​kwiet biex jitlob, hu poġġa l-​bżonnijiet taʼ l-​oħrajn qabel tiegħu.—Mark 1:​35-39.

19. Ġesù kif ta eżempju meta ttratta mad-​dixxipli tiegħu bl-​umiltà, bil-​paċenzja, u bil-​ħlewwa?

19 Bl-​istess mod, Ġesù kien lest li jaqdi lid-​dixxipli tiegħu stess. Dan għamlu billi għallimhom bil-​ħlewwa u bil-​paċenzja. Meta kienu jdumu ma jifhmu xi lezzjonijiet vitali, hu ma kienx jaqtaʼ qalbu, jitilgħulu, jew jgħajjat magħhom. Hu kompla jsib modi ġodda kif jgħinhom jifhmu. Per eżempju, aħseb ftit kemm-il darba d-​dixxipli kkustinjaw bejniethom dwar min kien l-​akbar fosthom. Darba wara l-​oħra, sal-​lejl qabel ġie maqtul, Ġesù sab modi ġodda kif jgħallimhom jaġixxu bejniethom bl-​umiltà. F’din il-​kwistjoni taʼ l-​umiltà, bħal fl-​affarijiet l-​oħrajn kollha, Ġesù setaʼ bix-​xieraq jgħid: “Jien tajtkom eżempju.”—Ġwann 13:​5-15; Mattew 20:25; Mark 9:​34-37.

20. Liema metodu taʼ tagħlim għamel lil Ġesù differenti mill-​Fariżej, u l-​metodu għala kien effettiv?

20 Innota li Ġesù mhux sempliċement qal lid-​dixxipli x’għandhom jagħmlu; hu ‘tahom eżempju.’ Għallimhom bil-​fatti. Ma kellimhomx bħal wieħed li jara ’l kulħadd dubbien u li jaħseb li hu aqwa minn ħaddieħor, bħallikieku kien iqis dak li kien qed jgħid lilhom bħala li ma kienx jgħodd għalih. Il-​Fariżej kienu hekk. “Kliem biss għandhom imma fatti xejn,” qal dwarhom Ġesù. (Mattew 23:3) Ġesù bl-​umiltà wera lill-​istudenti tiegħu eżatt x’kien ifisser it-​tagħlim tiegħu billi għex fi qbil miegħu, u pprattikah. Għalhekk, meta ħeġġeġ lis-​segwaċi tiegħu biex jgħixu ħajja sempliċi ħielsa mill-​materjaliżmu, ma kellhomx għalfejn jipprovaw jaqtgħu x’ried jgħid biha. Setgħu jaraw ir-​realtà taʼ kliemu: “Il-​volpijiet għandhom l-​għerien tagħhom, u l-​għasafar tas-​sema l-​bejtiet; iżda Bin il-​bniedem ma għandux fejn imidd rasu.” (Mattew 8:20) Ġesù qeda lid-​dixxipli tiegħu billi bl-​umiltà wriehom kif kellhom isiru l-​affarijiet.

21. X’se jiġi kunsidrat fl-​artiklu li jmiss?

21 Bla ebda dubju, Ġesù kien l-​aqwa Għalliem li qatt mexa fuq l-​art! Dawk l-​uħud taʼ qalb onesta li rawh u semgħuh setgħu jaraw biċ-​ċar imħabbtu għal dak li għallem u mħabbtu għan-​nies li għallem. Daqshekk ieħor jistgħu jarawhom biċ-​ċar dawk fostna llum li jistudjaw l-​eżempju li ħallielna. Iżda kif nistgħu nsegwu l-​eżempju perfett taʼ Kristu? L-​artiklu li jmiss se jiddiskuti din il-​mistoqsija.

Int Kif Twieġeb?

• X’inhu l-​pedament għal xogħol tajjeb taʼ tagħlim, bħalma hu muri minn min?

• Ġesù b’liema modi wera mħabba għall-​veritajiet li għallem?

• Ġesù kif wera mħabba għan-​nies li għallem?

• Liema eżempji juru li Ġesù bl-​umiltà kien lest li jaqdi lil dawk li għallem?

[Stampi f’paġna 12]

Ġesù kif wera li ħabb il-​prinċipji misjubin fil-​Kelma t’Alla?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja