Mistoqsijiet mill-Qarrejja
X’inhu l-“mistrieħ” li ssir referenza għalih f’Lhud 4:9-11, u wieħed kif ‘jidħol f’dan il-mistrieħ’?
Lill-Kristjani Lhud taʼ l-ewwel seklu, l-appostlu Pawlu kitbilhom: “Għad baqaʼ mistrieħ tas-Sibt għall-poplu taʼ Alla. Għax min jidħol fil-mistrieħ taʼ Alla jistrieħ hu wkoll mix-xogħol kif Alla strieħ minn tiegħu. Infittxu mela li nidħlu f’dan il-mistrieħ.”—Lhud 4:9-11.
Meta tkellem dwar li Alla straħ mix-xogħol Tiegħu, Pawlu milli jidher kien qed jirreferi għal dak li jingħad f’Ġenesi 2:2, fejn naqraw: “Fis-sebaʼ jum Alla temm ix-xogħol tiegħu kollu li kien għamel, u waqaf fis-sebaʼ jum mix-xogħol tiegħu li kien għamel.” Jehovah għala “waqaf fis-sebaʼ jum”? Żgur li mhux għax kellu bżonn jiġi f’tiegħu ‘mix-xogħol li kien għamel.’ Il-vers li jmiss jagħtina ħjiel: “Bierek Alla s-sebaʼ jum u qaddsu, għax fih waqaf mix-xogħol kollu tiegħu li kien għamel fil-ħolqien.”—Ġenesi 2:3; Isaija 40:26, 28.
Is-“sebaʼ jum” kien differenti mis-sitt ijiem taʼ qablu għaliex kien jum li Alla bierku u għamlu qaddis, jiġifieri, jum li ġie mwarrab apparti, jew dedikat, għal skop speċjali. X’kien dan l-iskop? Iktar kmieni, Alla kien irrivela l-iskop tiegħu rigward il-bnedmin u l-art. Lill-ewwel raġel u lil martu, Alla qalilhom: “Nisslu u oktru, u imlew l-art, u aħkmuha; u saltnu fuq il-ħut tal-baħar u t-tajr taʼ l-ajru u l-ħlejjaq kollha li jitkaxkru fuq l-art.” (Ġenesi 1:28) Għalkemm il-bnedmin u l-art kienu ngħataw bidu perfett minn Alla, kellu jgħaddi ż-żmien biex l-art kollha tiġi mrażżna u mibdula f’ġenna taʼ l-art mimlija b’familja umana perfetta, fi qbil maʼ l-iskop t’Alla. B’hekk, fis-“sebaʼ jum,” Alla straħ, jew waqaf, milli jkompli joħloq affarijiet fuq l-art sabiex dak li kien diġà ħalaq ikun jistaʼ jiżviluppa fi qbil mar-rieda tiegħu. Sat-tmiem taʼ dak il-“jum,” dak kollu li Alla kellu l-iskop li jsir se jkun sar realtà. Kemm se jkun twil dan il-mistrieħ?
Waqt li mmorru lura lejn dak li qal Pawlu lil-Lhud, ninnotaw li hu indika li “għad baqaʼ mistrieħ tas-Sibt għall-poplu taʼ Alla,” u ħeġġeġ lil sħabu l-Kristjani biex jagħmlu l-almu tagħhom ħalli ‘jidħlu f’dan il-mistrieħ.’ Dan juri li meta Pawlu kiteb dan il-kliem, is-“sebaʼ jum” tal-mistrieħ t’Alla, li kien beda xi 4,000 sena qabel, kien għadu għaddej. Mhux se jintemm qabel ma l-iskop t’Alla għall-bnedmin u għall-art jitwettaq kompletament fi tmiem ir-Renju t’Elf Sena taʼ Ġesù Kristu, li hu “sid is-Sibt.”—Mattew 12:8; Apokalissi 20:1-6; 21:1-4.
B’dan il-prospett meraviljuż quddiem il-Kristjani, Pawlu spjega kif wieħed setaʼ jidħol fil-mistrieħ t’Alla, billi kiteb: “Min jidħol fil-mistrieħ taʼ Alla jistrieħ hu wkoll mix-xogħol.” Dan jgħidilna li għalkemm kellhom bidu perfett, il-bnedmin b’mod ġenerali ma kinux daħlu fil-mistrieħ t’Alla. Ir-raġuni kienet li Adam u Eva ma damux iħarsu l-mistrieħ t’Alla “fis-sebaʼ jum” billi jaċċettaw l-arranġament li kellu għalihom. Minflok, huma rribellaw u riedu li jsiru indipendenti minn Alla. Fil-fatt, huma qablu mal-mod kif Satana fassal l-affarijiet minflok m’aċċettaw il-gwida taʼ mħabba mingħand Alla. (Ġenesi 2:15-17) B’riżultat taʼ dan, huma tilfu l-prospett li jgħixu għal dejjem fuq l-art magħmula ġenna. Minn dakinhar ’l hawn, il-bnedmin kollha saru lsiera tad-dnub u l-mewt.—Rumani 5:12, 14.
Għalkemm il-bnedmin irribellaw, dan ma fixkilx l-iskop t’Alla. Il-jum taʼ mistrieħ tiegħu jkompli. Madankollu, Jehovah għamel provvediment taʼ mħabba—il-fidwa—permezz taʼ Ibnu, Ġesù Kristu, sabiex dawk kollha li jaċċettaw dan il-provvediment fuq il-bażi tal-fidi jistgħu jħarsu ’l quddiem lejn ħelsien u mistrieħ mill-piż tad-dnub u l-mewt. (Rumani 6:23) Huwa għalhekk li Pawlu ħeġġeġ lil sħabu l-Kristjani biex ‘jistrieħu mix-xogħol’ tagħhom. Kien meħtieġ li jaċċettaw il-provvediment t’Alla għas-salvazzjoni u mhux jipprovaw ifasslu l-futur tagħhom kif riedu huma, bħalma kienu għamlu Adam u Eva. Riedu jevitaw ukoll li jiġġustifikaw ruħhom bix-xogħlijiet tagħhom stess.
Huwa tabilħaqq rifreskanti u taʼ mistrieħ li wieħed iwarrab fil-ġenb il-ġiri wara l-affarijiet egoistiċi jew materjali sabiex jagħmel ir-rieda t’Alla. Ġesù lissen din l-istedina: “Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom. Ħudu fuqkom il-madmad tiegħi u tgħallmu minni, għaliex jiena taʼ qalb ħelwa u umli, u intom issibu l-mistrieħ għal ruħkom. Għax il-madmad tiegħi ħelu u t-toqol tiegħi ħafif.”—Mattew 11:28-30.
Id-diskussjoni taʼ Pawlu dwar il-mistrieħ t’Alla u kif wieħed jistaʼ jidħol fih żgur li kienet sors taʼ inkuraġġiment għall-Kristjani Lhud f’Ġerusalemm, li kienu ssaportew ħafna persekuzzjoni u twaqqigħ għaċ-ċajt minħabba l-fidi tagħhom. (Atti 8:1; 12:1-5) B’mod simili, il-kliem taʼ Pawlu jistaʼ jkun sors taʼ inkuraġġiment għall-Kristjani llum. Billi nirrealizzaw li t-twettiq tal-wegħda t’Alla li l-art jagħmilha ġenna taħt is-Saltna taʼ tjieba tiegħu huwa qrib ferm, aħna wkoll għandna nistrieħu mix-xogħlijiet tagħna u nagħmlu l-almu tagħna biex nidħlu f’dan il-mistrieħ.—Mattew 6:10, 33; 2 Pietru 3:13.
[Stampi f’paġna 31]
Il-wegħda t’Alla li jagħmel Ġenna taʼ l-art se titwettaq fi tmiem il-jum taʼ mistrieħ tiegħu