Bliet taʼ Refuġju—Il-Provvediment Mimli Ħniena t’Alla
“Dawn is-sitt ibliet tal-kenn [“refuġju,” Karm Żammit] iservu . . . biex fihom jistkenn kull min ikun qatel lil xi ħadd bla ma ried.”—NUMRI 35:15.
1. X’inhi l-ħarsa t’Alla dwar il-ħajja u l-ħtija taʼ demm?
ALLA JEHOVAH iqis il-ħajja umana sagra. U l-ħajja hija fid-demm. (Levitiku 17:11, 14) Kajjin, l-ewwel bniedem li twieled fuq l-art, għalhekk ġab ħtija taʼ demm meta qatel lil ħuh Abel. Konsegwentement, Alla qal lil Kajjin: “Leħen id-demm taʼ ħuk qiegħed jagħjatli mill-art.” Id-demm li tebbaʼ l-art fil-post tad-delitt ta testimonjanza siekta, iżda elokwenti, għall-ħajja li kienet ġiet imqassra brutalment. Id-demm t’Abel għajjat lil Alla għall-vendetta.—Ġenesi 4:4-11.
2. Ir-rispett taʼ Jehovah lejn il-ħajja kif ġie enfasizzat wara d-Dilluvju?
2 Ir-rispett t’Alla lejn il-ħajja umana ġie enfasizzat wara li t-twajjeb Noè u l-familja tiegħu ħarġu mill-arka bħala wħud li salvaw mid-Dilluvju globali. F’dak iż-żmien Jehovah espanda d-dieta taʼ l-umanità biex tinkludi laħam taʼ l-annimali imma mhux demm. Hu ta wkoll id-digriet: “Jien nitlob kont taʼ demmkom, li hu ħajjitkom; nitolbu minn għand kull bhima, minn għand kull bniedem; minn għand kull wieħed nitħallas tal-ħajja taʼ bniedem ieħor bħalu. Kull min ixerred demm taʼ bniedem, minn bniedem ieħor jixxerred demmu. Għax skond ix-xbieha tiegħu, ħalqu lill-bniedem Alla.” (Ġenesi 9:5, 6) Jehovah irrikonoxxa d-dritt tal-qarib l-iktar viċin tal-vittma li jagħti l-mewt lill-qattiel meta jiltaqaʼ miegħu.—Numri 35:19.
3. Il-Liġi Mosajka liema enfasi poġġiet fuq il-qdusija tal-ħajja?
3 Fil-Liġi mogħtija lil Iżrael permezz tal-profeta Mosè, il-qdusija tal-ħajja ġiet enfasizzata ripetutament. Per eżempju, Alla kkmanda: “La toqtolx.” (Eżodu 20:13) Rispett lejn il-ħajja kien ukoll evidenti f’dak li l-Liġi Mosajka qalet dwar xi fatalità li tinvolvi lil xi mara tqila. Il-Liġi speċifikat li jekk hi jew it-tarbija mhix imwielda tagħha sofriet inċident fatali bħala riżultat taʼ ġlieda bejn żewġt irġiel, imħallfin kellhom jiżnu ċ-ċirkostanzi u jekk dan kienx sar deliberatament, imma l-piena setgħet tkun ruħ għal ruħ, jew “ħajja b’ħajja.” (Eżodu 21:22-25) Madankollu, setaʼ qattiel Iżraelit b’xi mod jaħrab il-konsegwenzi taʼ l-att vjolenti tiegħu?
Kenn Għall-Qattelin?
4. Minbarra f’Iżrael, liema postijiet taʼ kenn eżistew fil-passat?
4 Fi ġnus apparti minn Iżrael, santwarju, jew kenn, kien jingħata lil qattelin u kriminali oħrajn. Dan kien il-każ f’postijiet bħat-tempju taʼ l-alla mara Artemis f’Efesu tal-qedem. Rigward postijiet simili, huwa rrapportat: “Xi tempji kienu bejtiet tal-kriminali; u taʼ spiss kien isir neċessarju li jiġi llimitat l-għadd taʼ postijiet taʼ kenn. F’Ateni ċerti santwarji biss kienu rrikonoxxuti mil-liġi bħala refuġji (per eżempju, it-tempju taʼ Teżews għal irsiera); fi żmien Tiberjus il-kongregazzjonijiet taʼ desperadoes f’tempji kienu saru tant perikolużi li d-dritt għal Kenn kien illimitat għal ftit bliet (fis-sena 22).” (The Jewish Encyclopedia, 1909, it-II Volum, paġna 256) Iktar tard, knejjes tal-Kristjaneżmu saru postijiet taʼ kenn, imma dan kellu t-tendenza lejn li jittrasferixxi l-poter minn awtoritajiet ċivili għas-saċerdozju u ħadem kontra l-amministrazzjoni xierqa tal-ġustizzja. Abbużi eventwalment wasslu għat-tneħħija taʼ dan l-arranġament.
5. Liema evidenza hemm li l-Liġi ma kenitx tippermetti għal negliġenza bħala talba għal ħniena meta xi ħadd kien jiġi maqtul?
5 Fost l-Iżraeliti, qattelin volontarji ma kinux jingħataw santwarju jew kenn. Saħansitra qassis Levita li kien jaqdi fuq l-artal t’Alla kellu jittieħed għall-esekuzzjoni minħabba delitt maħsub. (Eżodu 21:12-14) Iktar minn hekk, il-Liġi ma kenitx tippermetti n-negliġenza bħala talba għal ħniena meta xi ħadd kien jinqatel. Per eżempju, raġel ried jagħmel apramorta mal-bejt tad-dar ġdida tiegħu. Altrimenti, ħtija taʼ demm kienet tiġi fuq id-dar kieku xi ħadd waqaʼ minn fuq il-bejt u miet. (Dewteronomju 22:8) Jerġaʼ, jekk is-sid taʼ barri bil-vizzju li jagħti bil-qran kien ġie mwissi imma ma kienx żamm lill-annimal mgħasses u dan qatel lil xi ħadd, sid il-barri kien ħati taʼ demm u setaʼ jingħata l-mewt. (Eżodu 21:28-32) Prova oħra taʼ l-istima għolja t’Alla għall-ħajja hija evidenti mill-fatt li jekk xi ħadd ikun darab għall-mewt lil xi ħalliel kien ikun ħati taʼ demm jekk dan ikun ġara mal-ġurnata meta l-intruż setaʼ jidher u jiġi identifikat. (Eżodu 22:1, 2 [Eżodu 22:2, 3, New World Translation]) Biċ-ċar, allura, ir-regolamenti t’Alla bbilanċjati perfettament ma kinux jippermettu lill-qattelin volontarji li jaħarbu l-piena kapitali.
6. Il-liġi taʼ “ħajja b’ħajja” kif kienet tiġi sodisfatta f’Iżrael tal-qedem?
6 Jekk kien jitwettaq delitt f’Iżrael tal-qedem, id-demm tal-vittma kellu jiġi vvendikat. Il-Liġi taʼ “ħajja b’ħajja” kienet tiġi sodisfatta meta l-qattiel kien jingħata l-mewt minn ‘dak li jitħallas mid-demm.’ (Numri 35:19) Il-vendikatur kien l-iktar qarib maskil viċin tal-persuna maqtula. Imma xi ngħidu dwar qattelin involontarji?
Il-Provvediment Mimli Ħniena Taʼ Jehovah
7. Alla liema provvediment għamel għal dawk li kienu joqtlu lil xi ħadd involontarjament?
7 Għal dawk li aċċidentalment jew involontarjament qatlu lil xi ħadd, Alla b’imħabba pprovda bliet taʼ refuġju. Rigward dawn, lil Mosè ntqallu: “Kellem lill-ulied Israel u għidilhom: ‘Intom se taqsmu għan-naħa l-oħra tal-Ġordan fl-art taʼ Kangħan. Tagħżlu xi bliet tal-kenn, fejn il-qattiel li jkun qatel lil xi ħadd bla ma jkun irid, ikun jistaʼ jistkenn. Dawn l-ibliet iservu taʼ kenn minħabba l-eqreb bniedem lejn il-mejjet bid-dritt tal-vendetta, u l-qattiel ma jmutx qabel ma jressquh quddiem il-ġemgħa għall-ġudizzju. Sitta jkunu dawn l-ibliet tal-kenn li tagħżlu: tlieta tagħżluhom in-naħa l-oħra tal-Ġordan u t-tlieta l-oħra fl-art taʼ Kangħan, bliet tal-kenn. Dawn is-sitt ibliet tal-kenn iservu . . . biex fihom jistkenn kull min ikun qatel lil xi ħadd bla ma ried.’”—Numri 35:9-15.
8. Fejn kienu jinstabu l-ibliet taʼ refuġju, u qattelin involontarji kif kienu jiġu mgħejjunin biex jaslu fihom?
8 Meta l-Iżraeliti daħlu fil-Pajjiż Imwiegħed, huma b’ubbidjenza stabbilixxew sitt ibliet taʼ refuġju. Tlieta minn dawn l-ibliet—Kedex, Xekem, u Ħebron—kienu stazzjonati fil-Punent tax-Xmara Ġordan. Fil-Lvant tal-Ġordan kien hemm l-ibliet taʼ refuġju taʼ Golan, Ramot, u Beżer. Is-sitt ibliet taʼ refuġju kienu stazzjonati b’mod konvenjenti f’toroq miżmumin f’kundizzjoni tajba. F’postijiet addattati matul dawn it-toroq, kien hemm sinjali li jġorru l-kelma “refuġju.” Dawn is-sinjali kienu jippontaw lejn id-direzzjoni tal-belt taʼ refuġju, u l-qattiel involontarju kien jiġri għal ħajtu lejn l-eqreb waħda. Hemmhekk setaʼ jsib protezzjoni mill-vendikatur tad-demm.—Ġożwè 20:2-9.
9. Jehovah għala pprovda l-ibliet taʼ refuġju, u għall-benefiċċju taʼ min ġew ipprovduti?
9 Alla għala pprovda għal bliet taʼ refuġju? Dawn kienu pprovduti sabiex il-pajjiż ma jiġix imniġġes b’demm innoċenti u ħtija taʼ demm ma tiġix fuq in-nies. (Dewteronomju 19:10) Għall-benefiċċju taʼ min kienu pprovduti l-ibliet taʼ refuġju? Il-Liġi stqarret: “Dawn is-sitt ibliet tal-kenn iservu għal ulied Israel, għall-barrani li jkun igħix f’nofskom, biex fihom jistkenn kull min ikun qatel lil xi ħadd bla ma ried.” (Numri 35:15) B’hekk, biex ikun imparzjali u biex jaqdi l-oġġettivi tal-ġustizzja fil-waqt li jagħmel wisaʼ għall-ħniena, Jehovah qal lill-Iżraeliti biex jagħżlu bliet taʼ refuġju għal qattelin involontarji li kienu (1) Iżraeliti nattivi, (2) residenti barranin f’Iżrael, jew (3) immigranti minn pajjiżi oħrajn li kienu qegħdin jgħammru fil-pajjiż.
10. Għala jistaʼ jingħad li l-ibliet taʼ refuġju kienu provvediment mimli ħniena magħmul minn Alla?
10 Taʼ min jinnota li saħansitra jekk individwu kien qattiel involontarju, dan kellu jingħata l-mewt taħt id-digriet t’Alla: “Kull min ixerred demm taʼ bniedem, minn bniedem ieħor jixxerred demmu.” Għaldaqstant, kien biss permezz taʼ provvediment mimli ħniena t’Alla Jehovah li qattiel involontarju setaʼ jaħrab lejn waħda mill-ibliet taʼ refuġju. Apparentement, in-nies inġenerali ħassew simpatija lejn xi ħadd li kien qiegħed jaħrab mill-vendikatur tad-demm, għaliex ilkoll kemm huma kienu konxji li huma setgħu involontarjament jikkommettu xi offiża simili u jkollhom bżonn taʼ refuġju u ħniena.
Ħarba Għal Refuġju
11. F’Iżrael tal-qedem, raġel x’setaʼ jagħmel jekk aċċidentalment qatel ħaddiem sieħbu?
11 Tixbieha tistaʼ tabilħaqq issebbaħ l-apprezzament tiegħek għall-arranġament mimli ħniena t’Alla għal refuġju. Immaġina li int kont raġel qiegħed iqattaʼ l-injam f’Iżrael tal-qedem. Nassumu li r-ras tal-mannara f’daqqa waħda taret mill-manku tagħha u darbet lil ħaddiem sieħbek għall-mewt. Kieku x’kont tagħmel? Sewwa, il-Liġi kopriet din l-istess sitwazzjoni. Bla dubju, int kieku kont tieħu vantaġġ minn dan il-provvediment mogħti minn Alla: “Jistkenn hemmhekk, u jibqaʼ ħaj il-qattiel, li jkun darab lil għajru bla ma kien jaf u bla ma kien jobogħdu qabel. Bħal meta wieħed imur maʼ sieħbu fil-bosk biex jaqtaʼ l-ħatab, u kif imidd idu bil-mannara biex jaqtaʼ siġra, itirlu l-ħadid mill-manku, u jolqot lil sieħbu u jmut; dan jaħrab f’waħda minn dawn l-ibliet u jsalva ħajtu.” (Dewteronomju 19:4, 5) Madankollu, saħansitra jekk int wasalt f’belt taʼ refuġju, ma kontx tkun ħieles mir-responsabbiltà kollha għal dak li kien ġara.
12. Liema proċedura kellha tiġi segwita wara li qattiel involontarju kien jasal f’belt taʼ refuġju?
12 Għalkemm kont milqugħ b’ospitalità, kien ikollok tippreżenta l-każ tiegħek lill-anzjani fil-bieb tal-belt taʼ refuġju. Wara li tidħol fil-belt, kont terġaʼ tintbagħat lura biex tgħaddi ġuri quddiem l-anzjani li jirrappreżentaw lill-kongregazzjoni taʼ Iżrael ħdejn il-bibien tal-belt li kellha ġurisdizzjoni fuq il-post fejn sar il-qtil. Hemmhekk int kien ikollok opportunità biex tagħti prova taʼ l-innoċenza tiegħek.
Meta Qattelin Kienu Jgħaddu Ġuri
13, 14. Liema huma xi affarijiet li l-anzjani kienu jridu jaċċertaw matul il-ġuri taʼ qattiel?
13 Matul il-ġuri quddiem l-anzjani fil-bieb tal-belt taʼ ġurisdizzjoni, int bla dubju kont tinnota bi gratitudni li tpoġġiet ħafna enfasi fuq il-kondotta tiegħek taʼ qabel. L-anzjani kienu jiżnu bir-reqqa r-relazzjoni tiegħek mal-vittma. Kont int tobgħod lir-raġel, qgħadt għassa għalih, u ħbatt għalih deliberatament u qtiltu? Jekk iva, l-anzjani kien ikollhom jitilquk f’idejn il-vendikatur tad-demm, u int kont tmut. Dawn l-irġiel responsabbli kienu jkunu konxji tal-ħtieġa tal-Liġi li ‘jitneħħa minn nofs Israel il-ħati tad-demm innoċenti.’ (Dewteronomju 19:11-13) B’mod simili, f’azzjoni ġudizzjarja llum, anzjani Kristjani jeħtieġu li jkunu jafu l-Iskrittura sewwa, billi jaġixxu fi qbil magħha filwaqt li jieħdu inkonsiderazzjoni l-attitudni u l-kondotta taʼ qabel taʼ min jagħmel il-ħażin.
14 Billi jindagaw b’qalb tajba, l-anzjani tal-belt kienu jridu jkunu jafu jekk int qgħadtx issegwi lill-vittma. (Eżodu 21:12, 13) Ħbatt int għalih minn xi moħba? (Dewteronomju 27:24) Kont int tant immassħan bir-rabja kontra l-individwu li rrikorrejt għal xi pjan makakk biex toqtlu? Jekk iva, ikun jistħoqqlok il-mewt. (Eżodu 21:14) Speċjalment l-anzjani kienu jeħtieġu li jkunu jafu jekk kienx hemm għadwa, jew mibgħeda, bejnek u bejn il-vittma. (Dewteronomju 19:4, 6, 7; Ġożwè 20:5) Ejjew ngħidu li l-anzjani sabuk innoċenti u rritornawk lejn il-belt taʼ refuġju. Kemm kont tkun grat għall-ħniena murija!
Il-Ħajja Fil-Belt Taʼ Refuġju
15. Liema ħtiġijiet kienu imposti fuq qattiel involontarju?
15 Qattiel involontarju kellu jibqaʼ fil-belt taʼ refuġju jew sa distanza taʼ 1,000 kubitu (madwar 1,450 pied) ’il barra mill-ħitan tagħha. (Numri 35:2-4) Jekk kien jiġġerra lil hinn minn dak il-punt, kien jistaʼ jiltaqaʼ mal-vendikatur tad-demm. Taħt dawk iċ-ċirkostanzi, il-vendikatur setaʼ bla ma jeħel piena joqtol lill-qattiel. Imma l-qattiel ma kienx jintrabat jew jintefaʼ l-ħabs. Bħala resident tal-belt taʼ refuġju, hu ried jitgħallem sengħa, ikun ħaddiem, u jaqdi bħala membru utli tas-soċjetà.
16. (a) Il-qattiel involontarju kemm kellu jdum fil-belt taʼ refuġju? (b) Il-mewt tal-qassis il-kbir għala kienet tagħmilha possibbli għal qattiel biex jitlaq mill-belt taʼ refuġju?
16 Kemm kien ikollu jdum il-qattiel involontarju fil-belt taʼ refuġju? Possibilment għall-bqija taʼ ħajtu. Kien x’kien il-każ, il-Liġi stqarret: “[Hu] għandu jibqaʼ fil-belt tal-kenn sal-mewt tal-qassis il-kbir ikkonsagrat, u mbagħad jistaʼ jerġaʼ lura fl-art tiegħu.” (Numri 35:26-28) Il-mewt tal-qassis il-kbir għala kienet tippermetti lill-qattiel involontarju li jħalli l-belt taʼ refuġju? Sewwa, il-qassis il-kbir kien wieħed mill-iktar persuni prominenti fil-ġens. Il-mewt tiegħu għalhekk kienet tkun ġrajja tant notevoli li kienet issir magħrufa fit-tribujiet kollha taʼ Iżrael. Ir-refuġjati kollha fl-ibliet taʼ refuġju setgħu mbagħad jirritornaw lejn djarhom ħelsin mill-periklu minn idejn il-vendikaturi tad-demm. Għala? Għaliex il-Liġi t’Alla kienet iddikjarat li l-opportunità tal-vendikatur biex joqtol lill-qattiel tintemm mal-mewt tal-qassis il-kbir, u kulħadd kien jafu dan. Jekk il-qarib jivvendika l-mewt wara dak iż-żmien, hu kien ikun qattiel u kien ikollu fl-aħħarnett iħallas il-piena għad-delitt.
Effetti Dejjiema
17. Liema kienu l-effetti probabbli tar-restrizzjonijiet impoġġijin fuq il-qattiel involontarju?
17 X’kienu l-effetti probabbli tar-restrizzjonijiet imposti fuq il-qattiel involontarju? Dawn kienu tfakkira li hu kien ikkaġuna l-mewt taʼ xi ħadd. X’aktarx li sakemm kien idum ħaj kien se jqis il-ħajja umana bħala sagra. Iktar minn hekk, ċertament li ma kienx se jinsa li kien ġie ttrattat bi ħniena. Billi kien intwera ħniena, żgur li kien ikun irid juri ħniena m’oħrajn. L-arranġament taʼ bliet taʼ refuġju bir-restrizzjonijiet tagħhom ibbenefika wkoll lin-nies inġenerali. Dan kif? Ċertament li impressjona fuqhom li m’għandhomx ikunu traskurati jew indifferenti dwar il-ħajja umana. Il-Kristjani għandhom b’hekk jiġu mfakkrin dwar il-bżonn li jevitaw it-traskuraġni li tistaʼ tirriżulta f’xi mewta inċidentali. Imbagħad, ukoll, l-arranġament mimli ħniena t’Alla għal bliet taʼ refuġju għandu jqanqalna biex nuru ħniena meta jkun mistenni minna li nagħmlu dan.—Ġakbu 2:13.
18. L-arranġament t’Alla għall-ibliet taʼ refuġju b’liema modi kien vantaġġjuż?
18 Il-provvediment t’Alla Jehovah għal bliet taʼ refuġju kien ukoll vantaġġjuż f’modi oħrajn. In-nies ma fformawx gruppi taʼ ġustizzja biex jiġru wara xi qattiel billi jkunu diġà ddikjarawh ħati qabel il-ġuri. Minflok, kienu jqisuh innoċenti taʼ qtil volontarju, saħansitra jgħinuh lejn is-salvezza. Iktar minn hekk, il-provvediment taʼ bliet taʼ refuġju kien eżatt l-oppost taʼ l-arranġamenti tal-ġurnata tal-lum li jpoġġu qattelin f’ħabsijiet u istituzzjonijiet taʼ korrezzjoni, fejn jiġu mantnuti finanzjarjament mill-pubbliku u taʼ spiss isiru kriminali agħar minħabba s-sħubija tagħhom mill-qrib maʼ nies oħrajn li jkunu għamlu l-ħażin. Fl-arranġament taʼ l-ibliet taʼ refuġju, ma kienx neċessarju li tibni, iżżomm, u tgħasses ħabsijiet b’ħitan li jiswew ħafna flus, imbarrati bil-ħadid li minnhom il-ħabsin tant spiss jipprovaw jaħarbu. Fil-fatt, il-qattiel fittex il-“ħabs” u baqaʼ ġo fih matul iż-żmien speċifikat. Hu ried ikun ukoll ħaddiem, billi b’hekk jagħmel xi ħaġa biex jibbenefika lill-bnedmin sħabu.
19. Liema mistoqsijiet iqumu rigward bliet taʼ refuġju?
19 Mimli ħniena, tabilħaqq, kien l-arranġament taʼ Jehovah taʼ l-ibliet taʼ refuġju taʼ Iżrael għall-protezzjoni taʼ qattelin involontarji. Dan il-provvediment ċertament li ppromwova rispett lejn il-ħajja. Madankollu, għandhom l-ibliet antiki taʼ refuġju tifsir għan-nies li jgħixu fis-seklu 20? Nistgħu aħna nkunu ħatjin taʼ demm quddiem Alla Jehovah u ma nirrealizzawx li għandna bżonn il-ħniena tiegħu? Hemm xi sinjifikat taż-żmien modern għalina fl-ibliet taʼ refuġju taʼ Iżrael? (w95 11/15)
Kif Twieġeb Int?
◻ Jehovah kif iqis il-ħajja umana?
◻ Alla liema provvediment mimli ħniena għamel għal qattelin involontarji?
◻ Qattiel kif kien jikseb aċċess għal belt taʼ refuġju, u kemm kellu jdum hemmhekk?
◻ Liema kienu l-effetti probabbli tar-restrizzjonijiet impoġġijin fuq dak li jkun qatel mingħajr intenzjoni?
[Mappa f’paġna 10]
L-ibliet taʼ refuġju taʼ Iżrael kienu stazzjonati b’mod konvenjenti
(Għall-formazzjoni sħiħa tat-test, ara pubblikazzjoni)
KEDEX Xmara Ġordan GOLAN
XEKEM RAMOT
ĦEBRON BEŻER