Qis l-Affarijiet mill-Ħarsa t’Alla
FI NEW YORK, l-Istati Uniti, l-14 taʼ Settembru tas-sena 2002 kien jum sħun u xemxi. Dak in-nhar, folla internazzjonali taʼ 6,521 ruħ iltaqgħet fiċ-Ċentru Edukattiv taʼ Patterson u f’żewġ kumplessi oħra tax-Xhieda taʼ Jehovah f’dak ir-reġjun. Dawn in-nies inġabru biex jattendu għall-gradwazzjoni tal-113-il klassi taʼ l-Iskola taʼ Gilgħad (Watchtower Bible School of Gilead). L-istudenti ġew minn 14-il pajjiż u kienu qattgħu l-ħames xhur taʼ qabel jippreparaw għas-servizz missjunarju f’19-il pajjiż fejn ġew assenjati.
Carey Barber, li għandu iktar minn 97 sena u hu membru tal-Ġemgħa li Tiggverna tax-Xhieda taʼ Jehovah, qeda bħala ċ-chairman tal-programm. Hu ġibed l-attenzjoni lejn il-wirt taʼ kważi 60 sena li għandha l-Iskola taʼ Gilgħad, skola li ħejjiet eluf taʼ aħwa biex jibdew jaqdu fis-servizz missjunarju. Ħuna Barber osserva: “Ma nkunux qed nesaġeraw meta ngħidu li ħarġu riżultati impressjonanti mit-taħriġ miżjud li komplew jieħdu dawn l-uħud. Madwar id-dinja hemm letteralment mijiet t’eluf taʼ wħud ġwejdin li ddedikaw ħajjithom lil Jehovah u adottaw il-qima vera u s-servizz sagru tiegħu. Dan sar propju minħabba l-għajnuna li tawhom il-missjunarji mħarrġa.”
Qabel m’attendew l-iskola taʼ Gilgħad, ħafna mill-istudenti wrew li huma interessati jkabbru l-ministeru tagħhom. Koppja waħda kienet qattgħet iktar minn sena tmur għal-lezzjonijiet tal-lingwa Mandarina sabiex tilħaq popolazzjoni etnika kbira taʼ Ċiniżi fl-inħawi fejn kienet toqgħod fil-Kanada. Koppja oħra bdiet tistudja l-Albaniż waħedha u eventwalment marret toqgħod l-Albanija biex tieħu ħsieb l-interess fil-Bibbja li kien qed jiżdied hemm. Oħrajn fil-klassi li ġew Gilgħad ivvjaġġaw mill-Ungerija, mill-Gwatemala, u mir-Repubblika Dominikana, pajjiżi li marru joqogħdu fihom minħabba l-bżonn kbir taʼ għalliema tal-Kelma t’Alla.
Issa, qabel ma jitilqu għall-inkarigi tagħhom fl-Afrika, fl-Ewropa tal-Lvant, fl-Amerika Ċentrali u fl-Amerika t’Isfel, u fil-Lvant Imbiegħed, l-istudenti kollha li ggradwaw ġew imħeġġin iżommu lil Alla quddiem għajnejhom f’dak kollu li jagħmlu.
Qis l-Affarijiet Kif Jarahom Alla
Wara li għamel il-kummenti tal-ftuħ, Ħuna Barber introduċa lil Maxwell Lloyd, membru tal-Kumitat tal-Fergħa fl-Istati Uniti. Hu enfasizza t-tema “Qis l-Affarijiet Kollha mill-Ħarsa t’Alla.” Ħuna Lloyd ġibed l-attenzjoni lejn l-eżempji taʼ David u taʼ Ġesù, l-Iben t’Alla. (1 Samwel 24:6, NW; 26:11, NW; Luqa 22:42) Wara li fakkar lill-istudenti li l-ħames xhur li qattgħu jistudjaw il-Bibbja ħarrġuhom biex iqisu l-affarijiet mill-ħarsa t’Alla, il-kelliemi staqsa: “Meta tkunu qed tikkonduċu studji tal-Bibbja man-nies fl-inkarigu l-ġdid tagħkom, se tgħinuhom jirraġunaw fuq l-affarijiet mill-ħarsa t’Alla?” U dwar li jagħtu pariri lil ħaddieħor, hu ssuġġerixxa lill-istudenti: “Tgħidux, ‘Skond l-opinjoni tiegħi, jien naħseb . . . ’ Minflok, għinuhom jifhmu x’inhi l-ħarsa t’Alla. Jekk timxu b’dan il-mod, se tkunu barka tassew għal dawk li tissieħbu magħhom fl-inkarigu tagħkom.”
Fil-programm kien imiss lil Gerrit Lösch, membru tal-Ġemgħa li Tiggverna. Waqt li tkellem fuq it-tema “Jien Miegħek,” hu fakkar lill-udjenza fil-ħafna okkażjonijiet meta Jehovah qal lill-qaddejja leali tiegħu, “Jiena miegħek.” (Ġenesi 26:23, 24; 28:15; Ġożwè 1:5; Ġeremija 1:7, 8) Fi żmienna, aħna jistaʼ jkollna l-istess fiduċja f’Jehovah jekk nibqgħu leali. Ħuna Lösch ħareġ il-punt: “Tinkwieta int dwar jekk hux se ssib nies maʼ min tistudja l-Bibbja? Ftakar, Jehovah qal, ‘Jien miegħek.’ Tinkwieta int dwar jekk hux se jkollok biżżejjed b’mod materjali? Jehovah qal: ‘Jien m’iniex se nħallik, anqas nitilqek.’”(Lhud 13:5) Ħuna Lösch għalaq it-taħdita billi fakkar lill-istudenti li Ġesù wiegħed li se jkun mas-segwaċi leali tiegħu fix-xogħol taʼ li jagħmlu dixxipli.—Mattew 28:20.
“Se Ssib is-Sigurtà Tiegħek fil-Provi tan-Nar?” kienet it-tema taʼ Lawrence Bowen, għalliem f’Gilgħad. Hu nnota li minħabba l-kwistjonijiet li tqajmu fl-Għeden, dawk kollha li xtaqu jagħtu devozzjoni esklużiva lil Jehovah kellhom jiffaċċjaw id-diffikultajiet u xi drabi, provi li jaħarqu. Hu ħeġġeġ lill-istudenti li ggradwaw biex jimxu fuq l-eżempju taʼ Ġesù, li sab il-vera sigurtà billi straħ għalkollox fuq Jehovah u aċċetta l-provi qawwija li Jehovah ippermetta sabiex l-ubbidjenza taʼ Ibnu tkun perfetta. (Lhud 5:8, 9) Jehovah jistaʼ jitqabbel maʼ wieħed li jirfina d-deheb billi jgħaddih mill-ammont eżatt taʼ sħana biex ineħħilu l-ħmieġ. M’għandniex xi ngħidu, il-fidi li tiġi testjata bin-nar tipprovdi sigurtà ħafna akbar mid-deheb irfinut. Għala? “Għax il-fidi rfinuta tiflaħ kwalunkwe pressjoni,” qal Ħuna Bowen, “u tarmana biex nissaportu dejjem ‘sa l-aħħar.’”—Mattew 24:13.
Għalliem ieħor f’Gilgħad, Mark Noumair, staqsa: “Se Tingħoġob Int?” It-tema tiegħu ċċentrat fuq il-kliem taʼ l-1 Samwel 2:26 (KŻ), li jiddeskrivi lil Samwel bħala li kien “jingħoġob sew mill-Mulej, u sew min-nies.” Wara li kkunsidra l-eżempju taʼ Samwel, Ħuna Noumair, li qattaʼ iktar minn għaxar snin fis-servizz missjunarju fl-Afrika, stqarr: “Intom ukoll tistgħu tibdew tingħoġbu ħafna f’għajnejn Alla billi tibqgħu leali fix-xogħol li Alla takom biex tagħmlu. Hu takom inkarigu prezzjuż bħala missjunarji.” Imbagħad Ħuna Noumair ħeġġeġ lil dawk li ggradwaw biex iqisu l-inkarigi tagħhom bħala responsabbiltà sagra mingħand Alla u biex jadottaw il-mod taʼ ħsieb t’Alla meta jwettqu l-inkarigi tagħhom.
Matul l-iskola taʼ Gilgħad, l-istudenti kellhom ħafna opportunitajiet fi tmiem il-ġimgħa biex jaqsmu man-nies tal-lokal “l-għeġubijiet t’Alla” misjuba fil-Bibbja. (Atti 2:11) Fil-fatt, irnexxielhom jitkellmu dwar dawn l-affarijiet b’għaxar lingwi differenti. Wallace Liverance, għalliem ieħor f’Gilgħad, intervista grupp taʼ studenti li rrakkontaw l-esperjenzi tagħhom fit-tema “‘L-Għeġubijiet t’Alla’ Jqanqlu lin-Nies biex Jaġixxu.” Hu nnota: “L-ispirtu qanqal lil dawk li kienu fil-kamra taʼ fuq f’Pentekoste biex jitkellmu dwar ‘l-għeġubijiet taʼ Alla.’ Dak l-istess spirtu qed jaħdem illum fuq il-qaddejja leali t’Alla kollha.” Xi wħud ġew saħansitra mqanqlin biex jitgħallmu lingwi ġodda ħalli jkunu jistgħu jagħtu xiehda lil ħafna iktar nies.
Pariri Prattiċi fuq Kif Inqisu l-Affarijiet mill-Ħarsa t’Alla
Wara t-taħditiet tal-ftuħ, Gary Breaux u William Young, membri mill-familja taʼ Betel, intervistaw membri minn diversi kumitati tal-fergħa f’pajjiżi fejn bħalissa qed jaqdu l-missjunarji, kif ukoll koppja li qattgħet 41 sena fis-servizz missjunarju. Waħda mill-osservazzjonijiet li saru kienet: “Dawk li ma jippretendux ħafna affarijiet idumu l-iktar. Huma jiffokaw l-attenzjoni fuq ir-raġuni għala marru hemm. Jafu li ġew biex jippridkaw l-aħbar tajba u biex jgħinu lin-nies isiru jafu lil Jehovah.”
David Splane, membru ieħor tal-Ġemgħa li Tiggverna, ikkonkluda l-programm b’taħdita bit-tema “M’Intomx Se Titbiegħdu!” X’ried jgħid biha, meta tqis li s-46 gradwat kienu issa se jintbagħtu f’pajjiżi mxerrdin mal-globu kollu? Hu spjega: “Tkunu fejn tkunu fuq l-art, dejjem se tkunu fid-dar t’Alla dment li tibqgħu leali.” Iva, il-Kristjani leali kollha, jgħixu fejn jgħixu, qed jaqdu f’parti mit-tempju, jew dar, spiritwali u kbir t’Alla, li beda jeżisti fl-ewwel seklu mal-magħmudija taʼ Ġesù. (Lhud 9:9) Kemm ħassewhom imfarrġin l-aħwa fl-udjenza bil-fatt li Jehovah qiegħed qrib tal-qaddejja leali kollha tiegħu li jinsabu fuq l-art! Sewwa sew bħalma Jehovah kien interessat f’Ġesù meta kien fuq l-art, l-istess Hu interessat fina lkoll u fis-servizz li nagħtu Lilu, inkunu fejn inkunu. Mela fejn tidħol il-qima, aħna qatt m’aħna ’l bogħod minn xulxin u minn Jehovah u Ġesù.
Wara li kien hemm xi tislijiet minn madwar id-dinja, tħabbru l-inkarigi, u nqrat ittra mingħand l-istudenti biex jesprimu l-apprezzament tagħhom għat-taħriġ li rċivew f’Gilgħad, iċ-chairman għalaq il-programm li tant irnexxa. Hu ħeġġeġ lill-missjunarji l-ġodda biex ikomplu x-xogħol tajjeb li qed jagħmlu u jifirħu fis-servizz taʼ Jehovah.—Filippin 3:1.
[Kaxxa f’paġna 23]
STATISTIĊI TAL-KLASSI
Numru taʼ pajjiżi rappreżentati: 14
Numru taʼ pajjiżi li ġew assenjati fihom: 19
Numru taʼ studenti: 46
Età medja: 35.0
Medja taʼ snin fil-verità: 17.2
Medja taʼ snin fil-ministeru full-time: 13.7
[Stampa f’paġna 24]
Il-113-il Klassi li Ggradwat mill-Iskola taʼ Gilgħad
Fil-lista t’hawn taħt, ir-ringieli huma nnumerati minn quddiem għal wara, u l-ismijiet f’kull ringiela huma mniżżlin mix-xellug għal-lemin.
(1) Aoki, J.; Liem, C.; Berktold, A.; Hosoi, S.; Ligthart, M. (2) Escobar, F.; Escobar, I.; Alton, J.; Bossi, A.; Bouqué, S.; Baglyas, J. (3) LeBlanc, R.; Karlsson, M.; Freimuth, S.; Stoica, D.; Stoica, A. (4) LeBlanc, L.; Paris, S.; Joseph, L.; Kaminski, L.; Bianchi, S.; Bianchi, R. (5) Skidmore, G.; Horton, L.; Horton, J.; Skidmore, B.; Paris, M. (6) Aoki, H.; Steininger, S.; Langlois, M.; Quirici, E.; Alton, G.; Liem, B. (7) Hosoi, K.; Ligthart, E.; Bouqué, J.; Kaminski, J.; Bossi, F.; Steininger, M.; Langlois, J. (8) Joseph, R.; Berktold, W.; Freimuth, C.; Karlsson, L.; Quirici, M.; Baglyas, J. (1) Ligthart, M.; Hosoi, S.; Berktold, A.; Liem, C.; Aoki, J. (2) Baglyas, J.; Bouqué, S.; Bossi, A.; Alton, J.; Escobar, I.; Escobar, F. (3) Stoica, A.; Stoica, D.; Freimuth, S.; Karlsson, M.; LeBlanc, R. (4) Bianchi, R.; Bianchi, S.; Kaminski, L.; Joseph, L.; Paris, S.; LeBlanc, L. (5) Paris, M.; Skidmore, B.; Horton, J.; Horton, L.; Skidmore, G. (6) Liem, B.; Alton, G.; Quirici, E.; Langlois, M.; Steininger, S.; Aoki, H. (7) Langlois, J.; Steininger, M.; Bossi, F.; Kaminski, J.; Bouqué, J.; Ligthart, E.; Hosoi, K. (8) Baglyas, J.; Quirici, M.; Karlsson, L.; Freimuth, C.; Berktold, W.; Joseph, R.