Mistoqsijiet mill-Qarrejja
Meta s-suldati taʼ Sawl kielu l-laħam bid-demm b’kollox, għala ma ġewx maqtulin, ladarba dak kien il-kastig mogħti fil-Liġi t’Alla?
Dawn l-irġiel tassew kisru l-liġi t’Alla dwar id-demm, imma setgħu ġew murijin il-ħniena għaliex kellhom rispett lejn id-demm, avolja kellhom ikunu iktar diliġenti f’li juru rispett bħal dan.
Ikkunsidra s-sitwazzjoni. L-Iżraeliti taħt is-Sultan Sawl u ibnu Ġonatan kienu fi gwerra mal-Filistej. F’punt meta “l-irġiel taʼ Iżrael infushom kienu ppressati ferm” fil-battalja, Sawl bil-għaġla għamel ħalfa li l-irġiel tiegħu m’għandhomx jieklu qabel ma l-għadu jiġi megħlub. (1 Samwel 14:24) Malajr il-ħalfa tiegħu ħolqot problema.
L-irġiel tiegħu kienu qegħdin jirbħu battalja iebsa, imma l-isforz strapazzanti kien qiegħed ikollu effett ħażin fuqhom. Kienu mejtin bil-ġuħ u mifluġin. X’għamlu huma f’dik is-sitwazzjoni estrema? “[I]n-nies bdew jiġru b’ħeffa kbira bir-regħba lejn il-priża u jieħdu ngħaġ u baqar u għoġiela u jbiċċruhom fuq l-art, u n-nies intefgħu jieklu bid-demm b’kollox.”—1 Samwel 14:32.
Dak kien bi ksur tal-liġi t’Alla dwar id-demm, bħalma xi wħud min-nies taʼ Sawl qalulu, jgħidu: “Ħares! In-nies qegħdin jidinbu kontra Jehovah billi jieklu bid-demm b’kollox.” (1 Samwel 14:33) Iva, il-Liġi qalet li meta l-annimali jiġu mbiċċrin, id-demm kellu jiġi mneħħi qabel ma jittiekel il-laħam. Alla ma talabx li wieħed jieħu miżuri fanatiċi biex ineħħi d-demm. Billi jieħdu passi raġonevoli taʼ tneħħija, il-qaddejja tiegħu setgħu juru rispett lejn is-sinjifikat tad-demm. (Dewteronomju 12:15, 16, 21-25) Id-demm taʼ l-annimali setaʼ jintuża b’mod taʼ sagrifiċċju fuq l-artal, imma ma kellux jittiekel. Ksur apposta kien ikkastigat bil-mewt, għax lin-nies t’Alla ntqalilhom: “Ma tridux tieklu d-demm taʼ kull xorta taʼ laħam, għaliex ir-ruħ taʼ kull xorta taʼ laħam hi d-demm tiegħu. Kulmin jieklu se jiġi maqtugħ.”—Levitiku 17:10-14.
Kienu s-suldati tas-Sultan Sawl qegħdin jiksru l-Liġi apposta? Kienu huma qegħdin juru diżrispett assolut lejn il-liġi divina dwar id-demm?—Qabbel Numri 15:30.
M’għandniex għalfejn nikkonkludu hekk. Ir-rakkont jgħid li huma kienu qegħdin ‘ibiċċru l-annimali fuq l-art u jieklu bid-demm b’kollox.’ Mela huma forsi kienu qegħdin jagħmlu xi attentat biex ineħħu d-demm. (Dewteronomju 15:23) Madankollu, fl-istat mifluġ u bil-ġuħ tagħhom, huma ma dendlux il-karkassi mbiċċrin u ħallew żmien biżżejjed għal tneħħija normali tad-demm. Huma biċċru n-ngħaġ u l-baqar “fuq l-art,” li setaʼ jittardja t-tneħħija. U huma malajr qatgħu l-laħam mill-karkassi li setgħu kienu mixħutin fid-demm. Għalhekk, saħansitra jekk kellhom f’moħħhom li jobdu l-liġi t’Alla, huma m’għamlux dan bis-sħiħ u lanqas sa limitu adekwat.
Ir-riżultat kien li “n-nies intefgħu jieklu bid-demm b’kollox,” li kien dnub. Sawl irrikonoxxa dan u ordna li ġebla kbira tiġi mgerbba lejh. Hu kkmanda lis-suldati: “Ġibu qrib tiegħi, kull wieħed minnkom, il-barri tiegħu u, kull wieħed, in-nagħġa tiegħu, u tridu tagħmlu t-tbiċċir f’dan il-post u l-ikel, u ma tridux tidinbu kontra Jehovah billi tieklu bid-demm b’kollox.” (1 Samwel 14:33, 34) Is-suldati ħatjin obdew, u “Sawl issokta jibni artal lil Jehovah.”—1 Samwel 14:35.
It-tbiċċir taʼ l-annimali fuq il-ġebla x’aktarx li ħoloq tneħħija adekwata tad-demm. Laħam mill-annimali kien jittiekel lil hinn minfejn kien isir it-tbiċċir. Sawl setaʼ uża xi ftit mid-demm imneħħi fuq l-artal f’li jfittex il-ħniena t’Alla lejn dawk li kienu dinbu. Jehovah estenda l-ħniena, mid-dehra għaliex kien jaf liema attentati kienu għamlu s-suldati avolja kienu għajjenin ferm u bil-ġuħ. Alla setaʼ qies ukoll li l-ħalfa mgħaġġla taʼ Sawl kienet ippressat lill-irġiel tiegħu f’dik is-sitwazzjoni taʼ disprament.
Dan ir-rakkont tassew juri li sitwazzjoni taʼ emerġenza mhix skuża biex wieħed jinjora l-liġi divina. Dan għandu jgħinna wkoll naraw il-ħtieġa li wieħed jaħsibha sew qabel ma jagħmel xi ħalfa, għax wegħda bil-għaġla tistaʼ tikkaġuna problemi għalina personalment u għal oħrajn.—Ekkleżjasti 5:4-6.