Mistoqsijiet mill-Qarrejja
•Tuża l-Bibbja l-Isem Luċifru għal Satana?
L-isem Luċifru jidher darba fl-Iskrittura u mhux fil-verżjonijiet kollha tal-Bibbja. Per eżempju, il-Bibbja taʼ Karm Żammit tittraduċi Isaija 14:12 b’dan il-mod: “Kif waqajt mis-sema, o Luċifru, bin is-sebħ!”
Il-kelma Lhudija tradotta “Luċifru” tfisser “wieħed li jiddi.” Is-Settanta tuża l-kelma Griega li tfisser “dak li jġib iż-żerniq.” Għalhekk, xi verżjonijiet jittraduċu l-kelma Lhudija oriġinali bħala “kewkba taʼ fil-għodu” jew “Kewkba tal-jum.” Imma l-Vulgata taʼ Ġirolmu bil-Latin tuża “Luċifru” (dak li jġorr id-dawl), u dan jispjega l-fatt għala dan it-terminu jidher f’diversi verżjonijiet tal-Bibbja.
Min hu dan Luċifru? L-espressjoni “wieħed li jiddi,” jew “Luċifru,” tinsab f’dak li Isaija kkmanda profetikament lil Iżraelin biex ilissnu bħala “għanja [kontra] is-sultan taʼ Babilonja.” B’hekk, hija parti minn diskors dirett primarjament lejn is-slaten taʼ Babilonja. Il-fatt li d-deskrizzjoni “wieħed li jiddi” tirreferi għal bniedem u mhux għal ħliqa spirtu jkompli jidher mill-istqarrija: “Arak, mġarraf f’art l-imwiet [“Xeol,” NW].” Xeol, jew art l-imwiet, huwa l-qabar komuni taʼ l-umanità—mhux xi post okkupat minn Satana x-Xitan. Iktar minn hekk, dawk li jaraw lil Luċifru miġjub f’din il-kundizzjoni jistaqsu: “Hu dan il-bniedem li qalleb id-dinja taʼ taħt fuq?” Jidher ċar li l-kelma “Luċifru” tirreferi għal bniedem, mhux għal ħliqa spirtu.—Korsiv tagħna; Isaija 14:4, 15, 16.
Għala tingħata deskrizzjoni li tispikka daqshekk lis-slaten taʼ Babilonja? Irridu nirrealizzaw li s-sultan taʼ Babilonja kellu jissejjaħ dak li jiddi biss wara l-waqgħa tiegħu u dan isir b’disprezz. (Isaija 14:3) Kburija egoistika wasslet lis-slaten taʼ Babilonja biex jitgħollew fuq dawk taʼ madwarhom. Tant kienet kbira l-arroganza taʼ dawn is-slaten li jiġu ffigurati bħala li qed jgħidu bi ftaħir: “Nitlaʼ sas-smewwiet, ’il fuq mill-kwiekeb taʼ Alla. It-tron tiegħi ngħolli u ngħammar fuq il-muntanji taʼ laqgħat l-allat, fi truf it-tramuntana. . . . Insir nixbah lil Alla l-Għoli.”—Isaija 14:13, 14.
Il-“kwiekeb taʼ Alla” huma s-slaten mil-linja rjali taʼ David. (Numri 24:17) Minn żmien David, dawn il-“kwiekeb” ħakmu mill-Muntanja Sijon. Wara li Salamun bena t-tempju f’Ġerusalemm, l-isem Sijon sar japplika għall-belt kollha. Taħt il-patt tal-Liġi, l-irġiel Iżraelin kollha kellhom l-obbligu li jmorru Sijon tliet darbiet fis-sena. B’hekk, din saret ‘il-muntanja tal-laqgħat.’ Peress li hu determinat li jġib taħt il-kontroll tiegħu lis-slaten taʼ Ġuda u mbagħad ineħħihom minn fuq din il-muntanja, Nabukodonosor qed jiddikjara l-intenzjoni tiegħu li jogħla fuq dawn il-“kwiekeb.” Minflok ma jagħti l-kredtu lil Jehovah għar-rebħa li għamel fuqhom, b’mod arroganti hu jpoġġi lilu nnifsu fil-post taʼ Jehovah. Għalhekk, huwa wara l-waqgħa tiegħu li s-sultan taʼ Babilonja jissejjaħ b’disprezz bħala “wieħed li jiddi.”
Il-kburija tal-ħakkiema Babiloniżi tabilħaqq li rriflettiet l-attitudni taʼ “l-alla taʼ din id-dinja”—Satana x-Xitan. (2 Korintin 4:4) Hu wkoll jixxennaq għall-poter u jixtieq ipoġġi lilu nnifsu fuq Alla Jehovah. Imma Luċifru m’huwiex isem li l-Iskrittura tagħti lil Satana.
• Għala 1 Kronaki 2:13-15 jirreferi għal David bħala s-sebaʼ iben taʼ Ġesse, filwaqt li 1 Samwel 16:10, 11 jindika li kien it-tmien wieħed?
Wara li s-Sultan Sawl taʼ Iżrael tal-qedem tbiegħed mill-qima vera, Alla Jehovah bagħat lill-profeta Samwel biex jidlek lil wieħed minn ulied Ġesse bħala sultan. Il-kitba ispirata taʼ din il-ġrajja storika, miktuba minn Samwel innifsu fil-11-il seklu Q.E.K., tippreżenta lil David bħala t-tmien iben taʼ Ġesse. (1 Samwel 16:10-13) Madankollu, ir-rakkont li kiteb Esdra l-qassis madwar 600 sena wara jgħid: “Ġesse wiled lil Elijab, il-kbir tiegħu; lil Abinadab, it-tieni; lil Simgħa, it-tielet; lil Natanjel, ir-rabaʼ; lil Raddaj, il-ħames; lil Osem, is-sitta; lil David, is-sebaʼ.” (1 Kronaki 2:13-15) Xi ġralu wieħed minn ħut David, u Esdra għala ma jsemmihx?
L-Iskrittura tgħid li Ġesse “kellu tmint itfal” subien. (1 Samwel 17:12) Milli jidher wieħed minn uliedu miet qabel ma żżewweġ u kellu t-tfal. Peress li ma kellux nisel, la kellu dritt għall-wirt mit-tribù tiegħu u lanqas ma kien jagħmel differenza fil-lista tad-dixxendenti minn Ġesse.
Issa ejja naħsbu ftit dwar żmien Esdra. Ikkunsidra f’liema ċirkustanzi hu kiteb il-Kronaki. L-eżilju f’Babilonja ntemm madwar 77 sena qabel, u l-Lhud issetiljaw mill-ġdid f’arthom. Is-sultan tal-Persja kien awtorizza lil Esdra biex jaħtar imħallfin u għalliema tal-Liġi t’Alla u biex isebbaħ id-dar taʼ Jehovah. Kien hemm bżonn taʼ listi preċiżi taʼ ismijiet tad-dixxendenti biex bihom jikkonfermaw il-wirt tat-tribujiet u biex jiżguraw li nies awtorizzati biss jaqdu fis-saċerdozju. Għalhekk, Esdra ħejja rakkont sħiħ taʼ l-istorja tal-ġens, inkluż dokumenti preċiżi taʼ min joqgħod fuqhom tad-dixxendenza taʼ Ġuda u taʼ David. L-isem taʼ bin Ġesse li miet bla tfal ma kienx hemm bżonnu. Għaldaqstant, Esdra ħallieh barra.