LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w05 2/15 pp. 23-26
  • ‘Jekk Xi Ħadd Iġagħlek Timxi Miegħu’

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • ‘Jekk Xi Ħadd Iġagħlek Timxi Miegħu’
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Servizz Obbligatorju
  • Taħt il-​Ħakma Rumana
  • Kif Għandhom Jirreaġixxu l-​Kristjani
  • Timxi t-​Tieni Kilometru
  • Nagħtu Lura l-Affarijiet taʼ Ċesri lil Ċesri
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1996
  • Il-Ħarsa Kristjana Lejn l-Awtorità
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1994
  • Alla u Ċesri
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1996
  • Kont Taf?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2012
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
w05 2/15 pp. 23-26

‘Jekk Xi Ħadd Iġagħlek Timxi Miegħu’

“OJ INT! Ieqaf issa minn dak li qed tagħmel u ejja ġorrli dan.” Kif taħseb li x’aktarx kien jirreaġixxi Lhudi mħabbat li kien jgħix fl-​ewwel seklu jekk suldat Ruman kien jgħidlu dan il-​kliem? Fil-​Priedka tiegħu taʼ fuq il-​Muntanja, Ġesù rrikkmanda: “Jekk xi ħadd fl-​awtorità jġagħlek timxi miegħu kilometru, mur miegħu tnejn.” (Mattew 5:​41) Is-​semmiegħa taʼ Ġesù kif taħseb li kienu se jinterpretaw dan il-​parir? U x’għandu jfisser għalina llum?

Sabiex nieħdu t-​tweġibiet, irridu nkunu nafu dwar is-​servizz obbligatorju li kien isir fiż-​żminijiet tal-​qedem. Din il-​prattika kienet magħrufa sew maʼ l-​abitanti taʼ Iżrael taʼ żmien Ġesù.

Servizz Obbligatorju

L-​evidenza turi li s-​servizz obbligatorju (jew, corvée) fil-​Lvant Nofsani jmur lura sat-​18-il seklu Q.E.K. Kitbiet amministrattivi mill-​belt antika Sirjana t’Alalakh jirreferu għal gruppi taʼ nies li kienu jinġabru bil-​lieva mill-​gvern biex jagħmlulu servizzi persunali. F’Ugarit, mal-​kosta Sirjana, il-​bdiewa li kienu jaħdmu l-​għelieqi t’oħrajn bil-​qbiela setgħu jiġu mġagħlin jagħmlu xogħol forzat, ħlief jekk is-​sultan kien jeħlishom minnu.

M’għandniex xi ngħidu, spiss popli li kienu jiġu mirbuħa kienu jiġu mġagħlin jaħdmu iebes. L-​Eġizzjani obbligaw lill-​Iżraelin biex jaqdu bħala lsiera u jagħmlu l-​madum. Iktar tard, l-​Iżraelin ġagħlu lill-​abitanti taʼ l-​Art Imwiegħda jsiru lsiera tagħhom, u David u Salamun komplew prattiċi simili.​—Eżodu 1:​13, 14; 2 Samwel 12:31; 1 Slaten 9:​20, 21.

Meta l-​Iżraelin riedu sultan, Samwel spjega x’kien se jitlob bi dritt is-​sultan. Hu kien se jieħu minn fost is-​sudditi tiegħu wħud biex jaqdu bħala sewwieqa tal-​karrijiet u rikkieba taż-​żwiemel, oħrajn biex jaħartu u jaħsdu, biex jagħmlu l-​armi, eċċetra. (1 Samwel 8:​4-​17) Madankollu, matul il-​bini tat-​tempju taʼ Ġeħova, filwaqt li l-​barranin kienu suġġetti għal xogħol iebes, “minn ulied Iżrael Salamun ma qabbad lil ħadd b’ilsir, għax huma kienu nies tal-​gwerra, il-​ministri tiegħu, il-​kapijiet tiegħu, il-​gwerrieri magħżula u l-​kmandanti tal-​karrijiet u r-​rikkieba tiegħu.”​—1 Slaten 9:​22.

Inkwantu għall-​Iżraelin li kienu qed jaħdmu fuq il-​proġetti tal-​bini, l-​1 Slaten 5:​27-​28 (1 Slaten 5:​13, 14, NW) jgħid: “Is-​Sultan Salamun ġabar bil-​lieva tletin elf raġel minn Iżrael kollu. Kien jibgħathom il-​Libanu, qatgħa wara oħra, għaxart elef fix-​xahar; xahar kienu jagħmluh fil-​Libanu, u xahrejn f’darhom.” Wieħed studjuż qal li ma jistaʼ jkun hemm ebda dubju li s-​slaten taʼ Iżrael u Ġuda kienu jinqdew bix-​xogħol forzat sabiex ikunu jistgħu jiksbu lil min jaħdmilhom bla ħlas, kemm għall-​bini kif ukoll għax-​xogħol fuq l-​artijiet tas-​sultan.

Il-piż li Salamun poġġa fuq in-​nies kien tqil. Tant hu hekk li meta Reħobogħam heddidhom li kien se jżidilhom dan il-​piż, Iżrael kollu rvella u ħaġġar lill-​uffiċjal li kien jieħu ħsieb ix-​xogħol tal-​lieva. (1 Slaten 12:​12-​18) Madankollu, l-​istituzzjoni ma tneħħietx. Asa, in-​neputi taʼ Reħobogħam, ordna lill-​poplu taʼ Ġuda jibni l-​bliet taʼ Geba u Misfa, “bla ma ħalla ’l ħadd” barra.​—1 Slaten 15:​22.

Taħt il-​Ħakma Rumana

Il-​Priedka taʼ fuq il-​Muntanja turi li l-​Lhud taʼ l-​ewwel seklu kienu familjari mal-​possibbiltà li ‘xi ħadd iġagħalhom jimxu miegħu,’ jew jagħtu servizz. Din l-​espressjoni hija traduzzjoni tal-​kelma Griega aggarewo li oriġinalment kellha x’taqsam max-​xogħol tal-​messaġġiera tal-​Persja. Huma kellhom l-​awtorità li jużaw lil irġiel, żwiemel, vapuri, jew kwalunkwe ħaġa oħra li jiġu bżonn sabiex ix-​xogħol pubbliku jsir iktar malajr.

Fi żmien Ġesù, Iżrael kien maħkum mir-​Rumani, li bdew jużaw sistema simili. Fil-​provinċji Orjentali, minbarra t-​taxxi normali, il-​popolazzjoni setgħet tiġi mġagħla tagħmel xogħol obbligatorju kemm fuq bażi regulari kif ukoll bħala eċċezzjoni. In-​nies ma tantx kienu jieħdu pjaċir bi dmirijiet bħal dawn. Barra minn hekk, il-​ħtif bla awtorizzazzjoni t’annimali, sewwieqa, jew vaguni għat-​trasport taʼ l-​Istat kien komuni. Skond il-​kittieb taʼ l-​istorja Michael Rostovtzeff, l-​amministraturi pprovaw jirregolaw l-​istituzzjoni u jorganizzawha, imma ma kellhom ebda suċċess, għax sakemm din il-​prattika kienet se tibqaʼ teżisti kienet se tipproduċi effetti ħżiena. Il-​prefetti, li sinċerament stinkaw biex iwaqqfu l-​abbuż tiranniku tal-​poter u l-​moħqrija li kienet dejjem iġġib magħha s-​sistema, ħarġu ħafna digrieti. Imma l-​istituzzjoni xorta baqgħet oppressiva.

Wieħed studjuż Grieg qal li kulħadd setaʼ jiġi mġiegħel iġorr it-​tagħmir taʼ l-​armata għal xi distanza, u kulħadd setaʼ jiġi mġiegħel jagħmel kwalunkwe servizz li r-​Rumani kienu jagħżlu li jimponu fuqu. Dan ġara lil Xmun taʼ Ċirene, li lilu s-​suldati Rumani ‘ġagħluh jerfaʼ’ z-​zokk tat-​tortura taʼ Ġesù.​—Mattew 27:32.

Kitbiet rabbiniċi jirreferu wkoll għal din l-​istituzzjoni li xejn ma kienet tintgħoġob. Per eżempju, wieħed rabbi nħataf biex iġorr il-​ħaxixa tar-​riħan sal-​palazz. Il-​ħaddiema setgħu jittieħdu mingħand min iħaddimhom u jingħataw xogħol ieħor, filwaqt li dawk li jħaddmu riedu jibqgħu jħallsulhom il-​pagi. L-​annimali tat-​tagħbija jew il-​barrin setgħu jinħatfu. Jekk kienu jingħataw lura lil sidhom, dawn l-​annimali ma tantx kienu jibqgħu b’saħħithom biex jaħdmu. Tistaʼ tifhem għala n-​nies kienu jqisu l-​ħtif tal-​proprjetà jew l-​annimali tagħhom għal ftit żmien daqslikieku kien għal dejjem. Għalhekk, qawl Lhudi jgħid: “L-​angareja hi bħall-​mewt.” Wieħed kittieb taʼ l-​istorja qal li meta kienu jinħatfu l-​barrin li jaħartu għall-​angareja minflok annimali iktar addattati biex jiġbdu t-​tagħbija, villaġġ setaʼ jispiċċa ħerba.

Tistaʼ timmaġina kemm in-​nies ma kinux jieħdu pjaċir b’servizzi bħal dawn, speċjalment għax dawn spiss kienu jiġu imposti fuqhom b’arroganza u inġustizzja. Meta tikkunsidra l-​mibegħda li l-​Lhud rabbew għall-​qawwiet tal-​Ġentili li ddominaw fuqhom tistaʼ tifhem kemm ma kinux jaħmlu l-​umiljazzjoni meta kienu jiġu mġagħlin jagħmlu xogħol iebes. M’għadha teżisti ebda liġi li tinformana sa liema punt ċittadin setaʼ jiġi mġiegħel jerfaʼ tagħbija. X’aktarx li ħafna ma kinux lesti li jagħmlu iktar milli l-​liġi kienet tistenna minnhom.

Madankollu, din kienet l-​istituzzjoni li Ġesù rrefera għaliha meta qal: “Jekk xi ħadd fl-​awtorità jġagħlek timxi miegħu kilometru, mur miegħu tnejn.” (Mattew 5:​41) Meta semgħu dan, xi wħud ħasbu li hu ma kienx qed ikun raġunevoli. X’ried ifisser meta qal hekk?

Kif Għandhom Jirreaġixxu l-​Kristjani

Kulma kien qed jgħid Ġesù lis-​semmiegħa tiegħu kien li jekk xi ħadd fl-​awtorità jġagħalhom jagħmlu xi tip taʼ xogħol leġittimu, huma kellhom jagħmluh mill-​qalb u mhux bi stmerrija. Għalhekk huma kellhom iħallsu “lil Ċesari dak li hu taʼ Ċesari” imma qatt ma kellhom jonqsu li jagħtu “lil Alla dak li hu t’Alla.”​—Marku 12:17.a

Iktar minn hekk, l-​appostlu Pawlu ħeġġeġ lill-​Kristjani: “Ħa tkun kull ruħ sottomessa lejn l-​awtoritajiet superjuri, għax m’hemm l-​ebda awtorità jekk mhux minn Alla; l-​awtoritajiet li jeżistu tqiegħdu fil-​pożizzjonijiet relattivi tagħhom minn Alla. Għalhekk, min jopponi l-​awtorità jkun qed jiħodha kontra l-​arranġament t’Alla . . . Jekk qed tagħmel il-​ħażin, ibżaʼ: għax m’huwiex għalxejn li din iġġorr is-​sejf.”​—Rumani 13:​1-4.

B’dan il-​mod, Ġesù u Pawlu rrikonoxxew id-​dritt li sultan jew gvern għandu biex jikkastiga lil dawk li jiksru l-​ordnijiet tiegħu. Liema tip taʼ kastig? Epiktetu, filosfu Grieg taʼ l-​ewwel u t-​tieni seklu E.K., jipprovdi tweġiba waħda meta qal li ‘jekk mingħajr mistenni suldat ikun irid il-​ħmar tiegħek, ħallih imur. Toqgħodx tirreżisti, tilmentax, sakemm ma tridx taqlaʼ xi xebgħa kif ukoll titlef il-​ħmar.’

Madankollu, kemm fl-​antik kif ukoll illum, kultant il-​Kristjani ħassew li ma setgħux jobdu l-​ordnijiet tal-​gvern għax dan kien imur kontra l-​kuxjenza tagħhom. Ġieli l-​konsegwenzi kienu serji. Xi Kristjani kienu sentenzjati għall-​mewt. Oħrajn qattgħu ħafna snin il-​ħabs talli rrifjutaw li jipparteċipaw f’attivitajiet li ma kinux newtrali għalihom. (Isaija 2:4; Ġwanni 17:16; 18:36) F’okkażjonijiet oħrajn, xi Kristjani ħassew li setgħu jobdu dak li ntqalilhom jagħmlu. Per eżempju, xi Kristjani ħassew li ma kinux se jmorru kontra l-​kuxjenza tagħhom jekk jagħmlu xi servizzi taħt il-​ħarsien taʼ l-​amministrazzjoni ċivili li kienu jinvolvu xogħol ġenerali t’għajnuna għall-​komunità. Dan setaʼ kien ifisser li jkunu t’għajnuna għall-​anzjani jew uħud b’diżabilità, jgħinu lill-​pompiera, inaddfu x-​xtut, jaħdmu fil-​ġonna, fil-​foresti, jew fil-​libreriji, eċċetra.

M’għandniex xi ngħidu, kull sitwazzjoni tvarja minn post għall-​ieħor. Għalhekk, sabiex jiddeċiedi jekk għandux jobdi l-​kmandi jew le, kull Kristjan għandu jsegwi l-​kuxjenza tiegħu mħarrġa fuq il-​Bibbja.

Timxi t-​Tieni Kilometru

Il-​prinċipju li għallem Ġesù, jiġifieri li nkunu lesti nagħmlu dak li nintalbu b’mod leġittimu, japplika mhux biss għal dak li jitlob minna l-​gvern imma wkoll għal dak li jintalab minna fir-​relazzjonijiet umani kollha taʼ kuljum. Per eżempju, individwu li jkollu awtorità fuqek għandu mnejn jitolbok tagħmillu xi ħaġa li int tippreferi ma tagħmilhiex avolja ma tmurx kontra l-​liġi t’Alla. Kif se tirreaġixxi? Għandek mnejn tħoss li qed jitlob iktar milli tiflaħ tagħti mill-​ħin u l-​enerġija tiegħek, u għalhekk għandek mnejn tirreaġixxi b’rabja. Ir-​riżultat jistaʼ jkun li tinbet ċertu ostilità. Min-​naħa l-​oħra, jekk int tobdi bil-​geddum, għandek mnejn titlef il-​paċi ġewwinija. X’inhi s-​soluzzjoni? Agħmel kif irrikkmanda Ġesù​—imxi t-​tieni kilometru. Tagħmilx biss dak li ntlabt tagħmel imma agħmel iktar milli ġejt mitlub. Agħmel dan mill-​qalb. Jekk iżżomm din l-​attitudni, int mhux se tibqaʼ tħoss li ħaddieħor qed jieħu vantaġġ minnek, minflok tħossok li għad għandek kontroll fuq l-​azzjonijiet tiegħek.

“Ħafna nies f’ħajjithom jagħmlu biss dak li għandhom jagħmlu,” qal wieħed awtur. “Għalihom il-​ħajja tidher bħala esperjenza iebsa, u jħossuhom għajjenin il-​ħin kollu. Oħrajn jagħmlu iktar milli jmisshom u jagħtu minn qalbhom biex jgħinu lil oħrajn.” Fil-​fatt, ħafna sitwazzjonijiet joffru l-​għażla taʼ li sempliċement timxi kilometru bilfors jew tnejn mill-​qalb. Fl-​ewwel każ, dak li jkun għandu mnejn ikun interessat f’li jieħu d-​drittijiet tiegħu. Fit-​tieni każ, individwu jistaʼ jkollu esperjenzi premjanti. Liema tip taʼ individwu int? X’aktarx li se tkun iktar ferħan u produttiv jekk tqis dak li tagħmel mhux sempliċement bħala dmir jew bħala xi ħaġa li għandek tagħmel, imma bħala xi ħaġa li tixtieq tagħmilha.

U xi ngħidu jekk għandek xi awtorità? Żgur li la jkun att taʼ mħabba u lanqas att Kristjan jekk tuża l-​awtorità biex tisforza lil xi ħadd jagħmel dak li trid int b’nofs qalb. “Il-​ħakkiema tal-​ġnus jiddominawhom u l-​kbarat għandhom awtorità fuqhom,” qal Ġesù. Imma dan m’huwiex il-​mod kif Kristjan għandu jaġixxi. (Mattew 20:​25, 26) Għalkemm il-​fatt li tuża l-​awtorità jġib xi riżultati, kemm se jkun hemm relazzjonijiet aħjar fost dawk kollha involuti jekk jagħmlu dak li jintalbu b’rispett u bil-​ferħ għax ikunu ġew mitluba jagħmlu dan b’manjieri tajbin u b’mod xieraq! Iva, jekk tkun lest li timxi żewġ kilometri minflok wieħed, ħajtek ikollha iktar valur.

[Nota taʼ taħt]

a Għal diskussjoni iktar fid-​dettall dwar xi jfisser li l-​Kristjani ‘jagħtu lura lil Ċesari dak li hu taʼ Ċesari, imma lil Alla dak li hu t’Alla,’ ara It-​Torri taʼ l-​Għassa taʼ l-​1 taʼ Mejju, 1996, paġni 28-​32.

[Kaxxa f’paġna 25]

ABBUŻ MIS-​SERVIZZ OBBLIGATORJU FI ŻMIEN IL-​QEDEM

Ir-​regolamenti li nħolqu biex irażżnu x-​xogħol forzat bħala skuża li kien se jkun hemm iktar qligħ mis-​servizzi, juru li kien qed isir abbuż. Fis-​sena 118 Q.E.K., Ptolomew Ewergete II taʼ l-​Eġittu ddikjara li l-​uffiċjali tiegħu ma kellhomx jisforzaw lill-​abitanti tal-​pajjiż biex jagħmlu servizzi privati, u lanqas ma kellhom jiħdulhom (aggarewin) l-​annimali għal kwalunkwe skop persunali. Żied jgħid li ħadd ma kellu jitlob id-​dgħajjes biex jużahom hu personalment, tkun xi tkun l-​iskuża. F’iskrizzjoni datata mid-​49 E.K., fit-​Tempju taʼ l-​Oasi l-​Kbir, fl-​Eġittu, il-​prefett Ruman Virġilju Kapito rrikonoxxa li s-​suldati kienu talbu affarijiet illegali u qal li ħadd ma setaʼ jieħu jew jitlob xi ħaġa sakemm ma kienx hemm bil-​miktub li l-​awtorizzazzjoni kienet ġejja minnu.

[Stampa f’paġna 24]

Xmun taʼ Ċirene ġie mġiegħel jagħti servizz

[Stampa f’paġna 26]

Ħafna Xhieda ntefgħu l-​ħabs minħabba li żammew il-​pożizzjoni Kristjana tagħhom

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja