Għandek Int Fidi Bħal t’Elija?
IS-SOĊJETÀ umana llum bil-mod il-mod iddgħajjef lill-fidi. L-intellettwali jzebilħu lill-eżistenza t’Alla. Ipokriti reliġjużi jwaqqgħu għaċ-ċajt lil Alla. U d-dinja sekulari iktar minn qabel qed taġixxi qisu li Alla m’ħuwiex daqshekk importanti. Kemm jekk dawn l-attitudnijiet jintimidaw lil xi ħadd kemm jekk jiskuraġġuh, u kemm jekk jinfettawh b’apatija, hu x’inhu l-każ ir-riżultat huwa l-istess: Il-fidi tiegħu hi mmermra. Mhux taʼ b’xejn li l-appostlu Pawlu sejjaħ lin-nuqqas taʼ fidi bħala “[i]d-dnub li faċilment iħarbatna”!—Ebrej 12:1.
Forsi dak hu għala Pawlu ra l-ħtieġa li jiġbdilna l-attenzjoni lejn il-ħajjiet taʼ rġiel u nisa b’fidi qawwija. (Ebrej, kapitlu 11) Eżempji bħal dawn jistgħu jnebbħuna u jsaħħulna l-fidi. Per eżempju, ejjew nikkunsidraw lill-profeta Elija, billi niffokaw biss fuq il-parti bikrija tal-karriera profetika twila u mimlija tiegħu. Hu kien igħix matul ir-renju tas-Sultan Aħab u l-mara pagana tiegħu, ir-Regina Ġeżabel, fi żmien meta, bħal-lum, il-fidi fil-veru Alla kienet kważi spiċċat.
Is-Saltna Korrotta tal-Għaxar Tribujiet
X’koppja gwappa! Aħab kien is-sebaʼ sultan tas-Saltna tal-għaxar tribujiet taʼ Izrael. Kienu kemm kienu mill-agħar is-sitt predeċessuri tiegħu, Aħab kien agħar minnhom. Mhux biss kien ħalla l-qima tal-għoġol f’dik l-art korrotta imma żżewweġ lill-prinċipessa barranija Ġeżabel, biex b’hekk introduċa forma iktar qalila tal-qima tal-alla falz Baal milli qatt kien hemm f’dik l-art.—1 Slaten 16:30-33.
Ġeżabel kienet imgħaddsa fil-qima taʼ Baal miċ-ċokon. Missierha, Etbaal, qassis taʼ Axtoret (il-mara taʼ Baal), kien qatel biex jakkwista t-tron taʼ Sidon, is-saltna fit-Tramuntana taʼ Iżrael. Ġeżabel influwenzat lil żewġha li kien moralment dgħajjef biex jistabbilixxi l-qima taʼ Baal f’Iżrael. Ma tantx dam li ma kienx hemm 450 profeta taʼ dak l-alla falz u 400 profeta tal-alla mara Axera fil-pajjiż, kollha jieklu mill-mejda rjali. Kemm kienet moqżieża l-forma taʼ qima tagħhom f’għajnejn il-veru Alla, Jehovah! Simboli falliċi, riti tal-fertilita prostituti tat-tempju (kemm irġiel u kemm nisa), saħansitra sagrifikar taʼ tfal—b’dan kienet imżejna din ir-reliġjon li tqallgħak. Bil-barka taʼ Aħab, infirxet bla tfixkil mas-saltna kollha.
Bil-miljuni kienu dawk l-Iżraeliti li nsew lil Jehovah, il-Hallieq tal-art u taċ-ċiklu tal-ilma tagħha. Għalihom kien Baal li bierek l-art bix-xita fit-tmiem tal-istaġun xott. Kull sena huma kienu jħarsu b’tama kbira lejn dan ir-‘Rikkieb tas-Sħab,’ il-hekk imsejjaħ alla tal-fertilita u tal-istaġun tax-xita, biex itemm in-nixfa. Sena wara l-oħra, ix-xita ġiet. Sena wara l-oħra, Baal ħa l-kredtu.
Elija Jipproklama Nixfa
Kien probabbilment wara l-istaġun sajfi twil u niexef—eżatt fi żmien meta n-nies kienu qed jistennew lil Baal biex jiftaħ fuqhom ix-xita li tagħti l-ħajja—li Elija deher fix-xena.a Jidher fil-kitba tal-Bibbja bla mistenni bħal leħħa taʼ berqa. Jingħad ftit dwar minfejn ġie u min kienu l-ġenituri tiegħu. Imma kontra tar-ragħad, Elija ma kienx il-ħabbâr taʼ xi maltempata bix-xita. Hu ħabbar lil Aħab: “Bhalma Jehovah dak Alla taʼ Iżrael li quddiemu jien qiegħed bil-wieqfa qiegħed igħix, ma se sseħħ matul dawn is-snin la nida u lanqas xita, ħlief bl-ordni tal-kelma tiegħi!”−1 Slaten 17:1.
Immaġina lil dan ir-raġel, imgeżwer fl-ilbies raħli tiegħu taʼ ġild kollu suf. Hu ġie mill-għoljiet imħarbta taʼ Gilead, x’aktarx imrobbi maʼ ragħajja umlin tal-merħliet. Hu qiegħed quddiem is-sultan setgħan Aħab, forsi hemm fil-palazz enormi tiegħu, b’dik id-dar leġġendarja tal-avorju, bit-tiżjin rikk u eżotiku u bl-idoli li jispikkaw taʼ ġo fih. Hemm, fil-belt storbjuża u ffortifikata taʼ Samarija, fejn il-qima taʼ Jehovah ġiet minsija għalkollox, hu jgħid lil Aħab li dan alla tiegħu, dan Baal, huwa impotenti, ma jiswa xejn. Għal din is-sena u għas-snin li ġejjin, Elija jiddikjara, ma kien se jkun hemm ebda xita jew nida!
Minfejn ġab fidi bħal din? Ma kienx iħossu intimidat, wieqaf hemm quddem dan is-sultan arroganti u apostat? Jistaʼ jkun. Iktar minn elf sena wara, Ġakbu, ħu Ġesù mill-omm, jiżżgurana li Elija kien “raġel b’sentimenti bħal tagħna.” (Ġakbu 5:17) Imma nnota l-kliem taʼ Elija: “Bhalma Jehovah dak Alla taʼ Iżrael li quddiemu jien qiegħed bil-wieqfa qiegħed igħix.” Elija żamm f’moħħu li bħala qaddej taʼ Jehovah, hu kien wieqaf quddiem tron bil-wisq ogħla minn dak t’Aħab—it-tron tal-Mulej Sovran tal-univers! Hu kien rappreżentant, aġent mibgħut, taʼ dak it-tron. B’din il-perspettiva, x’kellu x’jibżaʼ minn Aħab, daqsxejn taʼ monarka uman li tilef il-barka taʼ Jehovah?
Ma kienx b’kumbinazzjoni li Jehovah kien tant reali għal Elija. Il-profeta żgur li kien studja dwar kif Alla kien ittratta mal-poplu Tiegħu. Jehovah kien wissa lil-Lħud li hu kellu jikkastigahom b’nixfa u ġuħ jekk huma jduru lejn il-qima tal-allat foloz. (Dewteronomju 11:16, 17) Billi kien konvint li Jehovah dejjem iwettaq kelmtu, Elija “talab biex ma tinżilx xita.”−Ġakbu 5:17.
Fidi Murija billi Segwa d-Direzzjoni
Għal mument, iżda, it-taħbira taʼ Elija poġġietlu ħajtu fil-periklu. Kien wasal il-ħin għal aspett ieħor tal-fidi tiegħu biex jidħol fl-azzjoni. Sabiex jibqaʼ ħaj, hu ried jibqaʼ leali f’li jsegwi l-istruzzjonijiet taʼ Jehovah: “Itlaq lil hemm minn hawn, u trid iddur fi triqtek lejn il-Lvant u tostor lilek innifsek fil-wied bil-kurrent taʼ Kerit li qiegħda fil-Lvant tal-Gurdan. U jrid iseħħ li mill-wied bil-kurrent int għandek tixrob, u liċ-ċawluni jien ċertament se nikkmandahom biex ifornuk bl-ikel hemmhekk.”—1 Slaten 17:3, 4.
Elija obda immedjatament. Jekk ried li jibqaʼ ħaj matul in-nixfa u l-ġuħ li waqgħu fuq il-pajjiż, hu ried jistrieħ fuq kwalunkwe provvediment li Jehovah għamel għalih. Dan bl-ebda mod ma kien faċli. Kien ifisser li ried jistaħba, igħix waħdu kompletament għal xhur sħaħ. Kien ifisser li kellu jiekol laħam u ħobż li ġabulu ċ-ċawluni—għasafar li kienu jieklu iġsma mejtin u li kienu meqjusin imniġġsin mil-Liġi Mosajka—u billi jafda f’Jehovah li dan il-laħam ma kienx taʼ iġsma mejtin imma laħam li kien ġie skarnat kif jixraq skond il-liġi. Tant jidher li ma jistgħux iniżżluh dan il-miraklu fit-tul li xi kommentaturi tal-Bibbja jissuġġerixxu li l-kelma oriġinali hawn riedet tfisser “Għarab” u mhux “ċawluni.” Imma ċ-ċawluni kienu l-għażla ideali. Ħadd ma kien se jissuspetta li dawn l-għasafar baxxi u mniggsin li kienu qed jittajru fix-xagħri bil-biċċiet tal-ikel tagħhom kienu attwalment qed jitimgħu lil Elija, li lilu Aħab u Ġeżabel kienu qed ifittxu fis-saltniet kollha taʼ madwarhom!—1 Slaten 18:3, 4, 10.
Hekk kif in-nixfa baqgħet sejra, Elija setaʼ beda jinkwieta dwar kemm kien baqaʼ ilma fil-wied tal-ilma taʼ Kerit. Il-biċċa l-kbira tal-widien tal-ilma f’Iżrael jinxfu fi zmien in-nixfa, u “fit-tmiem taʼ xi jiem,” dan hekk għamel ukoll. Tistaʼ timmaġina x’ħass Elija hekk kif ra l-ilma bil-mod il-mod jonqos għal qatra qatra u l-għadajjar jitbaxxew jum wara l-ieħor? Żgur li tħasseb dwar x’kien se jiġri meta l-ilma jkun spiċċa. Xorta waħda, Elija fedelment baqaʼ fejn kien. Kien meta n-nixxiegħa kienet nixfet li Jehovah tah struzzjonijiet ġodda. Mur Żarefat, intqal lill-profeta. Hemm kellu jsib il-għixien fid-dar taʼ armla.—1 Slaten 17:7-9.
Żarefat! Dik il-belt kienet tappartjeni lill-belt taʼ Sidon, minfejn ġiet Ġeżabel u fejn missierha stess kien ħakem bħala sultan. Kien se jkun fis-sigurtà? Elija forsi tħasseb. Imma “hu qam u telaq.”−1 Slaten 17:10.
Jehovah Jipprovdi l-Għixien u l-Ħajja
L-ubbidjenza tiegħu malajr ġiet ippremjata. Hu ltaqaʼ mal-armla kif kien imbassar u sab fiha sewwa sew dik ix-xorta taʼ fidi li kienet tant nieqsa fost in-nies taʼ pajjiżu. Din il-povra armla kellha biżżejjed dqiq u żejt biss biex tagħmel l-aħħar ikla għaliha u għal binha ż-żgħir. Iżda, saħansitra fil-bżonn estrem tagħha, hi kienet lesta li tagħti l-ħobż lil Elija l-ewwel, billi fdat fil-wegħda li Jehovah kellu jzomm il-vażett taż-żejt tagħha u l-vażett tad-dqiq tagħha mimlijin sakemm kien ikun hemm bżonn. Mhux taʼ b’xejn li Ġesù Kristu ftakar fl-eżempju leali taʼ din l-armla meta kkundanna lill-Iżraeliti taʼ bla fidi taʼ żmienu!—1 Slaten 17:13-16; Luqa 4:25, 26.
Minkejja dan il-miraklu, iżda, kemm il-fidi tal-armla kif ukoll dik taʼ Elija kienet se tiffaċċja prova ħarxa. Binha miet f’daqqa. Mifnija bin-niket, l-armla setgħet biss tassumi li din id-daqqa taʼ ħarta kiefra kellha x’taqsam b’mod jew ieħor maʼ Elija ir-“raġel tal-veru Alla.” Hi tħassbet dwar jekk kinetx qed tiġi kkastigata għal xi dnub li kienet għamlet qabel. Imma Elija ħa lil binha bla ħajja minn dirgħajha u tellgħu f’kamra fuq. Hu kien jaf li Jehovah setaʼ jipprovdi iktar minn għixien. Jehovah huwa s-sors tal-ħajja nfisha! Mela Elija talab bil-ħerqa darba wara l-oħra biex terġaʼ lura l-ħajja fit-tifel.
Elija ma kienx l-ewwel wieħed li kellu fidi bħal din fl-irxoxt, imma fil-kitbiet tal-Bibbja, hu kien sar l-ewwel wieħed użat biex iwettaq wieħed. It-tifel “ħa l-ħajja”! Il-ferħ t’ommu bil-fors li kien xi ħaġa li żgur tieħu pjaċir taraha hekk kif Elija ġabilha lil binha bil-kliem sempliċi: “Ara! Ibnek ħaj.” Bla dubju bid-dmugħ, hi qalet: “Issa, tabilħaqq, jien tassew naf li inti raġel t’Alla u li l-kelma taʼ Jehovah f’fommok hi vera.”−1 Slaten 17:17-24.
“Alla Tiegħi Hu Jehovah”
Kemm jolqtok, u kemm hu xieraq, li l-isem taʼ Elija jfisser “Alla tiegħi hu Jehovah”! Fi żmien taʼ nixfa u ġuħ, Jehovah tah ikel u xorb; fi żmien taʼ taħwid morali Jehovah tah gwida soda; fi żmien taʼ mewt, Jehovah użah biex jagħti lura l-ħajja. U jidher li kull darba li Elija kien mitlub biex juri fidi f’Alla tiegħu—billi jafda Fih biex jipprovdi, billi jsegwi d-direzzjonijiet Tiegħu, billi jistrieħ Fuqu biex iqaddes lil Ismu—hu ġie ppremjat b’terġaʼ iktar ragunijiet biex ipoġġi fidi f’Jehovah. Dan il-mudell baqaʼ jżommu hekk kif kompla jaċċetta inkarigi diffiċli u li saħansitra kienu tal-biżaʼ mingħand Alla tiegħu, Jehovah; fil-fatt, xi wħud mill-iktar mirakli spettakulari tiegħu kienu għadhom iridu jiġu.—Ara 1 Slaten, kapitlu 18.
Huwa kważi l-istess illum għall-qaddejja taʼ Jehovah. Forsi ma niġux mitmugħa mirakolożament jew inkunu wżati biex inwettqu rxoxt; din m’hijiex l-era taʼ mirakli bħal dawn. Madankollu, Jehovah innifsu ma nbidilx lanqas qatra minn zmien Elija ’l hawn.—1 Korintin 13:8; Ġakbu 1:17.
Aħna wkoll nistgħu nirċievu xi nkarigi skabrużi, xi territorji diffiċli u tal-biżaʼ biex nilħquhom bil-messaġġ tagħna mogħti minn Alla. Forsi nistgħu niffaċċjaw il-persekuzzjoni. Forsi nkunu bil-ġuħ. Imma lill-individwi leali u lill-organizzazzjoni tiegħu inġenerali, Jehovah ta prova ripetutament li hu għadu jiggwida u jipproteġi lill-qaddejja tiegħu. Hu għadu jagħtihom il-qawwa biex iwettqu kwalunkwe dmir li jiġu mogħtijin. U hu għadu jgħinhom biex jissaportu kwalunkwe provi li jistgħu jiġu fuqhom f’din id-dinja kollha nkwiet.—Salm 55:22.
[Nota taʼ taħt]
a Kemm Ġesù kif ukoll Ġakbu jgħidu li ma niżlitx xita fil-pajjiż għal “tliet snin u sitt xhur.” Iżda, Elija jingħad li deher quddiem Aħab biex itemm in-nixfa ”fit-tielet sena”−bla dubju beda jgħodd mill-jum li hu ħabbar in-nixfa. B’hekk ried ikun wara staġun twil bla xita meta hu l-ewwel darba qagħad quddiem Aħab.—Luqa 4:25, Ġakbu 5:17; 1 Slaten 18:1.