Kapitlu 14
Min Imur Fis-Sema, u Għala?
1. Ħafna persuni kif iwieġbu għall-mistoqsija, Min imur fis-sema, u għala?
ĦAFNA PERSUNI jgħidu, ‘It-tajbin kollha jmorru fis-sema.’ Madankollu, meta jiġu mistoqsijin għala jmorru fis-sema, jistgħu jgħidu: ‘Biex ikunu m’Alla,’ jew, ‘Bħala premju talli jkunu għexu tajjeb.’ Il-Bibbja x’tgħallem dwar dan?
2, 3. (a) Għala nistgħu nkunu ċerti li xi bnedmin se jmorru fis-sema? (b) Liema mistoqsija teħtieġ li tiġi mwieġba?
2 Il-Bibbja tagħmilha ċara li Ġesù ġie mqajjem mill-mewt u li mar fis-sema. Ukoll, tgħid li bnedmin oħrajn se jittieħdu hemmhekk. Fil-lejl taʼ qabel il-mewt tiegħu, Ġesù qal lill-appostli leali tiegħu: “F’dar Missieri hemm bosta għamajjar. Inkella, kont ngħidilkom, għaliex jien sejjer fi triqti biex inħejji post għalikom. Ukoll, jekk immur fi triqti u nħejji post għalikom, nerġaʼ niġi u se nilqagħkom id-dar għandi, biex fejn qiegħed jien intom ukoll tistgħu tkunu.”—Ġwann 14:1-3.
3 Jidher ċar li Ġesù kien qiegħed jgħid lill-appostli tiegħu li kienu se jittieħdu fis-sema biex ikunu miegħu. L-appostlu Pawlu taʼ spiss qal lill-Kristjani bikrin dwar dik it-tama taʼ l-għaġeb. Per eżempju, kiteb: “Inkwantu għalina, iċ-ċittadinanza tagħna teżisti fis-smewwiet, minn liema post ukoll qegħdin nistennew bil-ħerqa salvatur, il-Mulej Ġesù Kristu.” (Filippin 3:20, 21; Rumani 6:5; 2 Korintin 5:1, 2) Fuq il-bażi taʼ dawn il-wegħdi, miljuni taʼ nies rabtu qalbhom mal-ħajja fis-sema. Madankollu l-persuni tajbin kollha se jmorru fis-sema?
IL-PERSUNI TAJBIN KOLLHA JMORRU FIS-SEMA?
4, 5. Xi prova hemm li David u Ġob ma marrux fis-sema?
4 Ftit wara li Ġesù ġie mqajjem mill-mewt, l-appostlu Pietru qal lil folla taʼ Lhud: “David il-kap tal-familja . . . kemm miet kif ukoll indifen u l-qabar tiegħu qiegħed fostna sa dan il-jum. Attwalment David ma telax fis-smewwiet.” (Atti 2:29, 34) Mela r-raġel tajjeb David ma marx fis-sema. Xi ngħidu għar-raġel twajjeb Ġob?
5 Waqt li kien qiegħed isofri, Ġob talab ’l Alla: “O li f’Xeol [il-qabar] int kont taħbini, li kont iżżommni sigriet sakemm ir-rabja tiegħek iddur lura, li kont taħtar limitu taʼ żmien għalija u tiftakar fija!” Ġob stenna li meta jmut kellu jsir inkonxju fil-qabar. Kien jaf li ma kienx se jmur fis-sema. Imma kellu tama, bħalma spjega: “Jekk bniedem f’saħħtu jmut jistaʼ jgħix mill-ġdid? Il-jiem kollha tas-servizz obbligatorju tiegħi [żmien maħtur fil-qabar] se nistenna, sakemm jiġi s-serħan tiegħi. Int se ssejjaħ, u jien innifsi se nwieġbek.”—Ġob 14:13-15.
6, 7. (a) X’juri li l-ebda bniedem li miet qabel Kristu ma mar fis-sema? (b) X’se jiġri minn dawk kollha li kienu leali u li mietu qabel Kristu?
6 Ġwanni, li għammed lil Ġesù, kien ukoll raġel tajjeb. Madankollu Ġesù qal: “Persuna li hi waħda inqas fis-saltna tas-smewwiet hi akbar minnu.” (Mattew 11:11) Dan huwa hekk għaliex Ġwanni l-Għammied mhux se jmur fis-sema. Meta Ġesù kien fuq l-art, ’il fuq minn 4,000 sena wara l-irvell t’Adam u Eva, qal: “Ebda bniedem ma telaʼ fis-sema ħlief dak li niżel mis-sema, Bin il-bniedem.”—Ġwann 3:13.
7 Għalhekk, skond l-istess kliem taʼ Ġesù, l-ebda bniedem ma kien mar fis-sema matul dawk l-4,000 sena kollha taʼ storja umana sa żmienu. David, Ġob u Ġwanni l-Għammied se jirċievu rxoxt għall-ħajja fuq l-art. Fil-fatt, l-irġiel u n-nisa leali kollha li mietu qabel ma miet Ġesù kellhom it-tama li jgħixu mill-ġdid fuq l-art, mhux fis-sema. Se jiġu rxoxtati biex isiru ftit mis-sudditi fuq l-art tas-saltna t’Alla.—Salm 72:7, 8; Atti 17:31.
GĦALA XI WĦUD LEALI JMORRU FIS-SEMA
8. It-tweġibiet għal liema mistoqsijiet huma importanti, u għala?
8 Ġesù għala mar fis-sema? Liema xogħol għandu x’jagħmel hemmhekk? It-tweġibiet għal dawn il-mistoqsijiet huma importanti. Dan għaliex dawk li jmorru fis-sema se jieħdu sehem maʼ Ġesù fix-xogħol tiegħu. Huma jmorru fis-sema proprju għalhekk.
9, 10. Skond Danjel, min iżjed barra Kristu se jaħkem fil-gvern t’Alla?
9 Aħna tgħallimna fil-kapitli taʼ qabel li Ġesù se jaħkem fuq l-art ġdida magħmula ġenna bħala sultan tal-gvern tas-sema t’Alla. Ħafna qabel ma Ġesù ġie fuq l-art, il-ktieb Bibliku taʼ Danjel ħabbar li “bin il-bniedem” kellu “jingħata ħakma.” “Bin il-bniedem” hu Ġesù Kristu. (Mark 14:41, 62) U Danjel ikompli jgħid: “Il-ħakma tiegħu hija ħakma li ddum għal żmien indefinit u li m’hijiex se tgħaddi, u saltnatu waħda li m’hijiex se tinġab f’rovina.”—Danjel 7:13, 14.
10 Madankollu, huwa importanti li tinnota hawnhekk fil-ktieb taʼ Danjel li “bin il-bniedem” mhux se jaħkem waħdu. Il-Bibbja tgħid: “U s-saltna u l-ħakma . . . ngħataw lin-nies li huma l-qaddisin tal-Wieħed Suprem. Is-saltna tagħhom hija saltna li ddum għal żmien indefinit.” (Danjel 7:27) Dawn l-espressjonijiet “in-nies” u “s-saltna tagħhom” juruna li oħrajn se jaħkmu maʼ Kristu fil-gvern t’Alla.
11. X’juri li s-segwaċi bikrin taʼ Kristu se jaħkmu miegħu?
11 Fl-aħħar lejl li Ġesù għadda mal-11-il appostlu leali tiegħu hu wera li huma kellhom ikunu ħakkiema miegħu fis-saltna t’Alla. Qalilhom: “Intom dawk li bqajtu miegħi fil-provi tiegħi; u nagħmel patt magħkom, sewwa sew bħalma Missieri għamel patt miegħi, għal saltna.” (Luqa 22:28, 29) Iktar tard, l-appostlu Pawlu u Timotew ġew inklużi f’dan il-patt, jew ftehim, għal saltna. Minħabba f’hekk Pawlu kiteb lil Timotew: “Jekk nibqgħu nissaportu, aħna se naħkmu wkoll flimkien bħala slaten.” (2 Timotew 2:12) Ukoll, l-appostlu Ġwanni kiteb dwar dawk li se “jaħkmu bħala slaten għal fuq l-art” flimkien maʼ Ġesù Kristu.—Rivelazzjoni 5:9, 10; 20:6.
12. Liema fatt dwar iż-“żerriegħa” t’Abraham jirrivela li Kristu se jkollu ħakkiema sħab?
12 Mela dawk li jmorru fis-sema jmorru hemmhekk biex jaqdu bħala ħakkiema sħab maʼ Kristu fil-gvern tas-sema t’Alla. Fil-waqt li Ġesù hu ż-“żerriegħa” prinċipali tal-wegħda, Alla jagħżel oħrajn minn fost il-bnedmin biex jaħkmu maʼ Ġesù fis-saltna. Huma b’hekk isiru parti miż-“żerriegħa,” bħalma tgħid il-Bibbja: “Jekk intom tappartjenu lil Kristu, intom tassew iż-żerriegħa t’Abraham, werrieta b’referenza għal wegħda.”—Galatin 3:16, 29; Ġakbu 2:5.
KEMM IMORRU FIS-SEMA?
13. (a) It-trabi għala ma jmorrux fis-sema? (b) Ġesù kif iddeskriva n-numru taʼ dawk li jirċievu s-Saltna?
13 Ladarba huma se jaħkmu għal fuq l-art, jidher ċar li dawk li jmorru fis-sema se jkunu segwaċi taʼ Kristu pprovati u ttestjati. Dan ifisser li trabi jew tfal żgħar, li ma jkunux ġew ittestjati bis-sħiħ matul snin taʼ servizz Kristjan, ma jitteħdux fis-sema. (Mattew 16:24) Madankollu, tfal żgħar bħal dawn li jmutu għandhom it-tama li jiġu mqajmin għall-ħajja fuq l-art. (Ġwann 5:28, 29) Mela n-numru totali taʼ dawk li jmorru fis-sema se jkun żgħir meta tqabblu mal-ħafna li se jirċievu l-ħajja fuq l-art taħt il-ħakma tas-Saltna. Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Tibżgħux, merħla ċkejkna, għaliex Missierkom approva li jagħtikom is-saltna.”—Luqa 12:32.
14. Kemm persuni jifformaw il-“merħla ċkejkna” li jmorru fis-sema?
14 Kemm se tkun żgħira fin-numru dik il-klassi taʼ ħakkiema tas-Saltna? Se tinkludi biss l-appostli u segwaċi bikrin oħrajn taʼ Ġesù? Le, il-Bibbja turi li l-“merħla ċkejkna” se tinkludi iżjed minn hekk. F’Rivelazzjoni 14:1, 3 l-Bibbja tgħid: “U rajt, u, ħares! il-Ħaruf [Ġesù Kristu] bil-wieqfa fuq il-Muntanja Sijon [tas-sema], u miegħu mija u erbgħa u erbgħin elf . . . li ġew mixtrijin [jew, meħudin] mill-art.” Innota li 144,000 persuna biss jidhru mal-Ħaruf, Ġesù Kristu, fuq il-Muntanja Sijon tas-sema. (Ebrej 12:22) Mela minflok ma t-tajbin kollha jmorru fis-sema, il-Bibbja tirrivela li biss 144,000 persuna pprovati u leali se jittieħdu hemmhekk biex jaħkmu maʼ Kristu.
GĦALA MAGĦŻULIN MILL-ART
15. Alla għala jagħżel il-ħakkiema tas-Saltna minn fost il-bnedmin?
15 Imma Alla għala jagħżel lil dawn il-ħakkiema minn fost il-bnedmin? Għala ma jaħkmux l-anġli maʼ Kristu? Sewwa, kien hawnhekk fuq l-art li ġie sfidat id-dritt taʼ Jehovah li jaħkem. Kien hawnhekk li l-fedeltà tal-bnedmin lejn Alla setgħet tiġi ttestjata permezz t’oppożizzjoni mix-Xitan. Kien hawnhekk li Ġesù ta prova tal-lealtà sħiħa tiegħu lejn Alla taħt prova u ta ħajtu bħala rahan għall-bnedmin. Mela kien minn fuq l-art li Jehovah irranġa biex jieħu “merħla ċkejkna” taʼ persuni biex ikunu assoċjati maʼ Ibnu fis-saltna tas-sema. Dawk huma l-uħud li, permezz tal-fedeltà tagħhom lejn Alla, urew li l-akkuża tax-Xitan li l-bnedmin jaqdu ’l Alla biss għal raġunijiet egoistiċi kienet falza. Huwa xieraq, għalhekk, li Jehovah juża lil dawn il-bnedmin għall-glorja tiegħu.—Efesin 1:9-12.
16. Għala nistgħu nkunu grati li l-ħakkiema tas-Saltna għexu fuq l-art?
16 Ukoll, aħseb ftit kemm tkun ħaġa meraviljuża li jkollok bħala ħakkiema lil persuni li jkunu żammew il-fedeltà tagħhom lejn Alla fuq l-art, b’ħafna minnhom li jkunu saħansitra ssagrifikaw ħajjiethom għan-nom tas-Saltna. (Rivelazzjoni 12:10, 11; 20:4) L-anġli ma ffaċċjawx din ix-xorta taʼ provi. Lanqas m’esperjenzaw il-problemi komuni għall-bnedmin. Mela ma jistgħux jifhmu għalkollox xi tfisser li tkun bniedem midneb u li jkollok il-problemi li għandna aħna l-bnedmin. Imma l-144,000 jifhmu għaliex għaddew minn dawn l-istess problemi. Xi wħud minnhom kellhom jegħlbu xi drawwiet li kienu midinbin ħafna, u jafu kemm tistaʼ tkun ħaġa iebsa din. (1 Korintin 6:9-11) Għalhekk, se jittrattaw mas-sudditi tagħhom fuq l-art bil-mogħdrija.—Ebrej 2:17, 18.
IL-KONGREGAZZJONI T’ALLA
17. Il-kelma “kongregazzjoni” għal liema ħaġa tirreferi?
17 Il-Bibbja tgħidilna li Kristu hu l-kap tal-kongregazzjoni t’Alla, u li l-membri tagħha huma suġġetti lejn Ġesù. (Efesin 5:23, 24) Mela l-kelma “knisja,” jew “kongregazzjoni t’Alla,” ma tirreferix għal xi bini. Minflok, tirreferi għal grupp taʼ Kristjani. (1 Korintin 15:9) Illum aħna nistgħu nitkellmu dwar il-kongregazzjoni taʼ Kristjani li nassoċjaw magħhom. Bl-istess mod, naqraw fil-Bibbja dwar “il-kongregazzjoni tal-Laodikin,” u, fl-ittra taʼ l-appostlu Pawlu lil Filemon, dwar “il-kongregazzjoni [li kienet] f’daru.”—Kolossin 4:16; Filemon 2.
18. (a) Min jifforma “l-kongregazzjoni taʼ dak Alla ħaj”? (b) Il-Bibbja b’liema termini tirreferi wkoll għal din il-kongregazzjoni?
18 Madankollu, meta l-Bibbja titkellem dwar “il-kongregazzjoni taʼ dak Alla ħaj,” hija qiegħda tirreferi għal grupp partikulari taʼ segwaċi taʼ Kristu. (1 Timotew 3:15) Huma msejħin ukoll “il-kongregazzjoni taʼ l-ewwel imweldin li ġew ingaġġati fis-smewwiet.” (Ebrej 12:23) Mela din “il-kongregazzjoni t’Alla” hija magħmula mill-Kristjani kollha fuq l-art li għandhom it-tama taʼ ħajja fis-sema. B’kollox, 144,000 persuna biss fl-aħħarnett jifformaw il-“kongregazzjoni t’Alla.” Illum ftit biss minn dawn, fdal, għadhom fuq l-art. Kristjani li jittamaw li jgħixu għal dejjem fuq l-art ifittxu l-gwida spiritwali mill-membri taʼ din il-“kongregazzjoni taʼ dak Alla ħaj.” Il-Bibbja tirreferi wkoll għal din il-kongregazzjoni taʼ 144,000 membru b’termini bħal “l-għarusa, il-mara tal-Ħaruf,” “il-ġisem tal-Kristu,” “it-tempju t’Alla,” “l-Iżrael t’Alla,” u “Ġerusalemm il-Ġdida.”—Rivelazzjoni 21:9; Efesin 4:12; 1 Korintin 3:17; Galatin 6:16; Rivelazzjoni 21:2.
IL-ĦAĠA ĠDIDA FL-ISKOP T’ALLA
19. Liema ħaġa ġdida introduċa Alla biex iwettaq l-iskop oriġinali tiegħu għall-art?
19 Alla Jehovah ma biddilx l-iskop tiegħu għall-art u għall-bnedmin taʼ fuqha wara li Adam tefaʼ lir-razza umana fil-passaġġ tad-dnub u l-mewt. Kieku Alla għamel hekk dan kien ikun ifisser li hu ma kienx kapaċi jwettaq l-iskop oriġinali tiegħu. L-iskop tiegħu mill-bidu kien li jkollu ġenna mifruxa maʼ l-art kollha mimlija b’nies henjin u b’saħħithom u dak l-iskop għadu jgħodd. L-unika ħaġa ġdida li Alla introduċa kien l-arranġament tiegħu għal gvern ġdid biex iwettaq l-iskop tiegħu. Bħalma rajna, Ibnu, Ġesù Kristu, hu l-ħakkiem prinċipali f’dan il-gvern, u 144,000 persuna se jittieħdu minn fost il-bnedmin biex jaħkmu miegħu fis-sema.—Rivelazzjoni 7:4.
20. (a) Min jifforma s-“smewwiet ġodda” u l-“art ġdida”? (b) Xi trid tagħmel int biex issir parti mill-“art ġdida”?
20 Dawn il-ħakkiema fis-sema se jifformaw is-“smewwiet ġodda” tas-sistema ġdida t’Alla. Madankollu jidher ċar li jekk se jkun hemm ħakkiema twajbin bħal dawn għal fuq l-art, allura jrid ikun hemm dawk fuq min jaħkmu. Il-Bibbja tirreferi għal dawn il-persuni bħala l-“art ġdida.” (2 Pietru 3:13; Rivelazzjoni 21:1-4) Dawn se jinkludu lil Ġob, David u Ġwanni l-Għammied—iva, lil dawk kollha leali li għexu qabel ma Kristu ġie fuq l-art. Imma se jkun hemm ħafna iżjed li se jifformaw l-“art ġdida,” inklużi persuni li jibqgħu ħajjin wara t-tmiem taʼ din is-sistema mill-agħar t’affarijiet. Se tkun int wieħed minn dawn li jibqgħu ħajjin? Trid tkun sudditu tal-gvern t’Alla? Jekk inhu hekk, hemm xi ħtiġijiet li trid tilħaq.
[Stampi f’paġna 121]
Dawn l-irġiel twajbin marru fis-sema?
Is-Sultan David
Ġob
Ġwanni l-Għammied
[Stampa f’paġna 122]
Fl-aħħar lejl tiegħu maʼ l-appostli, Ġesù qal li huma kellhom ikunu ħakkiema miegħu fis-saltna taʼ Missieru