Int lil Min Tobdi —Lil Alla Jew lill-Bnedmin?
“Jeħtieġ li aħna nobdu lil Alla bħala ħakkiem iktar milli lill-bnedmin.”—ATTI 5:29.
1. (a) X’inhi l-iskrittura użata bħala t-tema għal dan l-istudju? (b) L-appostli għala kienu ġew arrestati?
L-IMĦALLFIN tal-qorti suprema Lhudija żgur li kienu inkorlati. Il-priġunieri ma kinux fil-ħabs. Dawn kienu l-appostli taʼ Ġesù Kristu, raġel li l-qorti għolja kienet ikkundannat għall-mewt xi ftit ġimgħat qabel. Issa l-qorti kienet lesta biex tittratta mas-segwaċi li kienu l-iktar qrib tiegħu. Imma meta l-gwardjani marru għalihom, huma sabu li ċ-ċelel tagħhom kienu vojta, minkejja li l-bibien kienu ġew imsakkrin mill-gwardjani stess. Il-gwardjani malajr skoprew li l-appostli kienu fit-tempju taʼ Ġerusalemm, jgħallmu lin-nies bi qlubija dwar Ġesù Kristu—dik l-istess attività għal xiex ġew arrestati! Il-gwardjani marru dritt it-tempju, reġgħu arrestaw lill-appostli, u ħaduhom il-qorti.—Atti 5:17-27.
2. L-anġlu xi kkmandahom jagħmlu lill-appostli?
2 Anġlu kien ħeles lill-appostli mill-ħabs. Kien dan ġara biex ma jgħaddux iktar minn persekuzzjoni? Le. Dan ġara sabiex l-abitanti taʼ Ġerusalemm ikunu jistgħu jisimgħu l-aħbar tajba dwar Ġesù Kristu. L-anġlu kien qal lill-appostli biex ‘jibqgħu jgħidu lin-nies il-kliem kollu dwar din il-ħajja.’ (Atti 5:19, 20) Għalhekk, meta sabuhom il-gwardjani tat-tempju, huma sabu lill-appostli jwettqu dak il-kmand b’ubbidjenza.
3, 4. (a) Meta ġew kmandati biex ma jibqgħux jippridkaw, Pietru u Ġwanni kif wieġbu? (b) Lappostli l-oħra kif wieġbu?
3 Tnejn minn dawk ix-xandara determinati, l-appostli Pietru u Ġwanni, kienu diġà ttellgħu l-qorti qabel, bħalma fakkarhom bl-aħrax l-imħallef ewlieni, Ġużeppi Kajfa. Hu qal: “Aħna ordnajnielkom bis-sħiħ biex ma tibqgħux tgħallmu f’dan l-isem [taʼ Ġesù], imma ara, imlejtu lil Ġerusalemm bit-tagħlim tagħkom.” (Atti 5:28) Kajfa ma kellux ikun sorpriż meta reġaʼ ra lil Pietru u ’l Ġwanni fil-qorti. Meta kienu ordnawlhom l-ewwel darba biex ma jibqgħux jippridkaw, iż-żewġ appostli wieġbu: “Jekk hux sewwa f’għajnejn Alla li nisimgħu minnkom iktar milli minn Alla, iġġudikaw intom. Imma aħna ma nistgħux nieqfu nitkellmu dwar dak li rajna u smajna.” Bħal Ġeremija, il-profeta tal-qedem, Pietru u Ġwanni ma setgħux iżommu lura milli jwettqu l-inkarigu tagħhom biex jippridkaw.—Atti 4:18-20; Ġeremija 20:9.
4 Issa, mhux biss Pietru u Ġwanni imma wkoll l-appostli l-oħra kollha—fosthom Mattija li kien għadu kif intgħażel—kellhom l-opportunità li jiddikjaraw pubblikament il-pożizzjoni tagħhom dwar l-ordni li tat il-qorti. (Atti 1:21-26) Meta ġew kmandati biex ma jibqgħux jippridkaw, huma wkoll wieġbu b’kuraġġ: “Jeħtieġ li aħna nobdu lil Alla bħala ħakkiem iktar milli lill-bnedmin.”—Atti 5:29.
Ubbidjenza Lejn Alla jew Lejn il-Bnedmin?
5, 6. L-appostli għala m’obdewx l-ordni tal-qorti?
5 L-appostli kienu rġiel li jobdu l-liġi, u normalment ma kinux jiksru ordni mill-qorti. Madankollu, ebda bniedem, minkejja kemm ikollu qawwa, m’għandu awtorità jordna lil ħaddieħor biex ma jobdix wieħed mill-kmandi t’Alla. Ġeħova huwa “l-Għoli fuq l-art kollha.” (Salm 83:19 [83:18, NW]) Mhux biss huwa “l-imħallef taʼ l-art kollha” imma huwa wkoll il-Leġislatur Suprem, kif ukoll is-Sultan taʼ l-eternità. Kwalunkwe ordni mill-qorti li tipprova tieħu post xi wieħed mill-kmandi t’Alla ma tiswiex mill-ħarsa t’Alla.—Ġenesi 18:25; Isaija 33:22.
6 Dan il-fatt ġie aċċettat minn xi wħud mill-aqwa esperti legali. Per eżempju, William Blackstone, imħallef Ingliż magħruf tas-seklu 18, kiteb li ebda liġi tal-bniedem m’għandha titħalla tikkontradixxi “l-liġi tar-rivelazzjoni” kif misjuba fil-Bibbja. Għalhekk, is- Sinedriju ma kellux dritt jordna lill-appostli biex ma jibqgħux jippridkaw. L-appostli sempliċement ma setgħux jobdu dik l-ordni.
7. Ix-xogħol taʼ l-ippridkar għala inkorla lill-qassisin ewlenin?
7 Id-determinazzjoni taʼ l-appostli biex jibqgħu jippridkaw inkorlat lill-qassisin ewlenin. Ċerti membri tas-saċerdozju, fosthom Kajfa nnifsu, kienu Sadduċej, li ma kinux jemmnu fl-irxoxt. (Atti 4:1, 2; 5:17) Madankollu, lappostli komplew jinsistu li Ġesù kien ġie rxoxtat mill-mewt. Iktar minn hekk, xi wħud mill-qassisin ewlenin kienu għamlu sforz kbir biex jiksbu l-favur taʼ l-awtoritajiet Rumani. Fil-ġuri taʼ Ġesù, meta l-qassisin ewlenin ngħataw l-opportunità biex jaċċettaw lil Ġesù bħala s-sultan tagħhom, il-qassisin ewlenin saħansitra waslu biex jgħidu: “M’għandna l-ebda sultan ħlief lil Ċesari.” (Ġwanni 19:15)a L-appostli mhux biss kienu qed jisħqu u jgħidu li Ġesù kien ġie rxoxtat imma wkoll kienu qed jgħallmu li minbarra l-isem taʼ Ġesù, “m’hemmx isem ieħor taħt is-sema li ngħata lill-bnedmin u li bih nistgħu niġu salvati.” (Atti 2:36; 4:12) Il-qassisin beżgħu li jekk in-nies ikunu jridu lil Ġesù rxoxtat bħala l-Mexxej tagħhom, ir-Rumani setgħu jiġu u l-mexxejja Lhud setgħu jitilfu ‘posthom u ġenshom.’—Ġwanni 11:48.
8. Liema parir għaqli ta Gamaljel lis-Sinedriju?
8 Il-futur kien jidher imdallam għall-appostli taʼ Ġesù Kristu. L-imħallfin tas-Sinedriju kienu determinati li joqtluhom. (Atti 5:33) Madankollu, l-affarijiet inbidlu bla mistenni. Gamaljel, espert fil-Liġi, qam bil-wieqfa u wissa lill-kollegi tiegħu biex ma jgħaġġlux fid-deċiżjoni tagħhom. Hu b’għaqal osserva: “Jekk dan il-pjan jew dan ix-xogħol ġej mill-bnedmin, għad jingħeleb; imma jekk ġej minn Alla, ma tistgħux tegħlbuhom.” Imbagħad, b’mod sinifikanti, Gamaljel kompla jgħid: “Inkella għandkom mnejn tkunu fil-fatt qed tiġġieldu kontra Alla.”—Atti 5:34, 38, 39.
9. Xi prova hemm li l-ħidma taʼ l-appostli kienet ġejja minn Alla?
9 B’sorpriża, il-qorti aċċettat il-parir taʼ Gamaljel. Il-membri tas-Sinedriju “sejħu lill-appostli, sawtuhom, u ordnawlhom biex ma jibqgħux jitkellmu f’isem Ġesù, u telquhom.” Madankollu, minflok ma beżgħu, l-appostli kienu determinati li jobdu l-kmand anġeliku biex jippridkaw. Għalhekk, wara li nħelsu, “kuljum fit-tempju u minn dar għal dar [l-appostli] baqgħu jgħallmu u jxandru bla heda l-aħbar tajba dwar il-Kristu, Ġesù.” (Atti 5:40, 42) Ġeħova bierek l-isforzi tagħhom. Sa liema punt? “Il-kelma t’Alla kompliet tikber, u l-għadd tad-dixxipli baqaʼ jiżdied ħafna f’Ġerusalemm.” Fil-fatt, “folla kbira taʼ qassisin bdew jobdu l-fidi.” (Atti 6:7) Min jaf kemm ħassewhom ixxokkjati l-qassisin ewlenin! Din l-evidenza kompliet tikber dejjem iktar: Il-ħidma taʼ l-appostli tassew kienet ġejja minn Alla!
Min Jiħodha Kontra Alla Ma Jistax Jirnexxi
10. Mill-ħarsa tal-bniedem, Kajfa għala setaʼ ħass li l-pożizzjoni tiegħu kienet fiż-żgur, imma l-fiduċja tiegħu kif kienet żbaljata?
10 Fl-ewwel seklu, il-qassisin il-kbar Lhud kienu jiġu maħturin mill-awtoritajiet Rumani. Ir-raġel għani Ġużeppi Kajfa kien tpoġġa fil-pożizzjoni tiegħu minn Valerju Gratu, u hu żamm din il-pożizzjoni għal iktar żmien minn ħafna wħud li kellhom din il-pożizzjoni qablu. X’aktarx li Kajfa kien iħoss li hu rnexxielu jagħmel dan minħabba s-sengħa tiegħu bħala diplomat u l-ħbiberija persunali tiegħu maʼ Pilatu, u mhux minħabba l-id t’Alla. Kien x’kien il-każ, il-fiduċja tiegħu fin-nies uriet li kienet żbaljata. Tliet snin biss wara li l-appostli dehru quddiem is-Sinedriju, Kajfa tilef il-favur taʼ l-awtoritajiet Rumani u tneħħa mill-pożizzjoni taʼ qassis il-kbir.
11. Ponzju Pilatu u s-sistema Lhudija kif spiċċaw, u int x’tikkonkludi minn dan?
11 L-ordni biex Kajfa jitneħħa mill-kariga tiegħu ġiet mingħand Luċju Vitellju, gvernatur tas-Sirja, li kien taʼ grad iktar għoli minn Pilatu. Minkejja li Pilatu kien ħabib tal-qalb taʼ Kajfa, hu ma setaʼ jagħmel xejn biex iwaqqaf dan milli jiġri. Fil-fatt, sena biss wara l-waqgħa taʼ Kajfa, Pilatu stess tneħħa mill-kariga tiegħu u ntalab imur Ruma biex iwieġeb għal xi akkużi serji li saru kontrih. Għal dawk il-mexxejja Lhud li poġġew il-fiduċja tagħhom f’Ċesari, ir-Rumani spiċċaw biex ħadulhom ‘posthom u ġenshom.’ Dan ġara fis-sena 70 E.K. meta l-armati Rumani qerdu kompletament il-belt taʼ Ġerusalemm, inkluż it-tempju u s-sala tas-Sinedriju. Kemm ta prova li kien minnu l-kliem tas-salmista f’dan il-każ: “La tittamawx fil-kbarat, għax il-bniedem ma jsalvakomx”!—Ġwanni 11:48; Salm 146:3.
12. L-eżempju taʼ Ġesù kif juri li l-ubbidjenza lejn Alla hija t-triq għaqlija?
12 B’kuntrast, Alla ħatar lil Ġesù Kristu rxoxtat bħala Qassis il-Kbir taʼ tempju spiritwali mill-aqwa. Ebda bniedem ma jistaʼ jwaqqaʼ dik il-ħatra. Fil-fatt, Ġesù “għandu saċerdozju mingħajr suċċessuri.” (Ebrej 2:9; 7:17, 24; 9:11) Alla wkoll ħatar lil Ġesù bħala Imħallef tal-ħajjin u l-mejtin. (1 Pietru 4:5) B’din il-kariga, Ġesù se jiddetermina jekk Ġużeppi Kajfa u Ponzju Pilatu għandhomx xi ċans għall-ħajja futura.—Mattew 23:33; Atti 24:15.
Xandara tas-Saltna Kuraġġużi Llum
13. Fi żmienna, liema ħidma wriet li kienet mill-bnedmin, u liema ħidma wriet li kienet minn Alla? Kif taf?
13 Fi żmienna, bħal fl-ewwel seklu, il-‘ġellieda kontra Alla’ ma jonqsux. Per eżempju, meta x-Xhieda taʼ Ġeħova fil-Ġermanja rrifjutaw li jsellmu lil Adolf Hitler bħala l-Mexxej tagħhom, Hitler ħalef li jeqridhom. (Mattew 23:10) L-organizzazzjoni tiegħu żgur li kellha l-kapaċità biex tilħaq dan l-għan. In-Nazi rnexxielhom jarrestaw eluf taʼ Xhieda u jibagħtuhom fil-kampijiet tal-konċentrament. Huma saħansitra rnexxielhom joqtlu lil xi wħud mix-Xhieda. Imma n-Nazi ma rnexxilhomx ikissru d-determinazzjoni tax-Xhieda biex jaqdu biss lil Alla, u ma rnexxilhomx jeqirdu lill-qaddejja t’Alla bħala grupp. Il-ħidma taʼ dawk il-Kristjani kienet ġejja minn Alla, mhux mill-bnedmin, u ħadd ma jistaʼ jegħleb il-ħidma t’Alla. Sittin sena wara, xi wħud minn dawk il-leali li baqgħu ħajjin minkejja li ttieħdu fil-kampijiet tal-konċentrament għadhom jaqdu lil Ġeħova ‘b’qalbhom kollha u b’ruħhom kollha u b’moħħhom kollu,’ filwaqt li Hitler u l-partit Nazista tiegħu huma biss tifkira kerha.—Mattew 22:37.
14. (a) Xi opponenti x’għamlu biex itebbgħu isem il-qaddejja t’Alla, u b’liema riżultati? (b) Dak li qed jagħmlu se jibqaʼ jfixkel għal dejjem lill-poplu t’Alla? (Ebrej 13:5, 6)
14 Miż-żmien tan-Nazi, kien hemm oħrajn li pprovaw jiġġieldu għalxejn kontra Ġeħova u n-nies tiegħu. F’għadd taʼ pajjiżi fl-Ewropa, xi nies qarrieqa mill-qasam politiku u reliġjuż irsistew biex lix-Xhieda taʼ Ġeħova jittimbrawhom bħala ‘setta perikoluża,’ l-istess akkuża li saret kontra l-Kristjani taʼ l-ewwel seklu. (Atti 28:22) Il-fatt hu li l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem irrikonoxxiet lix-Xhieda taʼ Ġeħova bħala reliġjon, u mhux bħala setta. Dawn l-opponenti żgur li jafuh dan. Xorta waħda, huma jibqgħu jtebbgħu isem ix-Xhieda. Sewwasew minħabba dan it-timbru li tawhom, xi wħud minn dawn il-Kristjani tkeċċew mill-impjieg tagħhom. Tfal tax-Xhieda ngħataw fastidju fl-iskejjel. Xi sidien tal-kera kkanċellaw kuntratti għal postijiet li x-Xhieda taʼ Ġeħova kienu ilhom jużawhom għal-laqgħat tagħhom. F’xi każi, aġenziji tal-gvern saħansitra ma tawx ċittadinanza lil ċerti individwi għall-unika raġuni li huma Xhieda taʼ Ġeħova! Xorta waħda, ix-Xhieda ma jaqtgħux qalbhom.
15, 16. Ix-Xhieda taʼ Ġeħova fi Franza kif irreaġixxew għall-oppożizzjoni kontra l-ħidma Kristjana tagħhom, u għala jibqgħu jippridkaw?
15 Fi Franza, per eżempju, in-nies ġeneralment huma raġunevoli u mingħajr preġudizzju. Madankollu, xi ftit opponenti għaddew liġijiet immirati biex jagħtu daqqa taʼ ħarta lill-ippridkar. Ix-Xhieda taʼ Ġeħova kif irreaġixxew? Huma żiedu l-attività tagħhom fil-ministeru iktar minn qatt qabel u b’riżultati mill-aqwa. (Ġakbu 4:7) Tant hu hekk li f’perijodu taʼ sitt xhur, l-għadd taʼ studji tal-Bibbja fid-djar żdied b’persentaġġ taʼ l-għaġeb taʼ 33 fil-mija! Ix-Xitan min jaf kemm jinkorla meta jara wħud taʼ qalb onesta fi Franza jwieġbu għall-aħbar tajba. (Rivelazzjoni 12:17) Il-Kristjani sħabna fi Franza huma fiduċjużi li l-kliem tal-profeta Isaija se jitwettaq fil-każ tagħhom: “Ebda arma magħmula kontrik ma tiswa, u kull ilsien li jħaqqaq kontrik toħorġu b’ħati.”—Isaija 54:17.
16 Ix-Xhieda taʼ Ġeħova ma jiħdux pjaċir jiġu persegwitati. Madankollu, sabiex jobdu l-kmand li ngħata lill-Kristjani kollha, huma ma jistgħux u m’humiex se jieqfu jitkellmu dwar l-affarijiet li semgħu. Huma jħabirku biex ikunu ċittadini tajbin. Però, fejn ikun hemm konflitt bejn il-liġi t’Alla u l-liġi tal-bniedem, huma għandhom jobdu lil Alla bħala ħakkiem.
Tibżgħux Minnhom
17. (a) Għala m’għandniex għalfejn nibżgħu mill-għedewwa tagħna? (b) X’għandha tkun l-attitudni tagħna lejn dawk li jippersegwitawna?
17 L-għedewwa tagħna jinsabu f’sitwazzjoni perikoluża ħafna. Huma qegħdin jiġġieldu kontra Alla. B’hekk, fi qbil mal-kmand taʼ Ġesù, minflok ma nibżgħu minnhom, aħna nitolbu għal dawk li jippersegwitawna. (Mattew 5:44) Aħna nitolbu li jekk xi wħud qegħdin jopponuna minħabba l-injoranza, bħal Sawlu taʼ Tarsu, Ġeħova b’qalb tajba se jiftħilhom għajnejhom għall-verità. (2 Korintin 4:4) Sawlu sar l-appostlu Kristjan Pawlu u bata ħafna f’idejn l-awtoritajiet taʼ żmienu. Xorta waħda, hu baqaʼ jfakkar lil sħabu fit-twemmin “biex ikunu sottomessi u ubbidjenti lejn il-gvernijiet u l-awtoritajiet bħala ħakkiema, lesti għal kull għemil tajjeb, ma jitkellmu fuq ħadd b’mod inġurjuż, ma jkunux ġellidin, imma jkunu raġunevoli, u kollhom ħlewwa maʼ kulħadd.” (Titu 3:1, 2) Ix-Xhieda taʼ Ġeħova fi Franza u kullimkien iħabirku biex jieħdu l-parir tiegħu bis-serjetà.
18. (a) Ġeħova b’liema mod jistaʼ jeħles lin-nies tiegħu (b) X’se jkun ir-riżultat aħħari?
18 Alla qal lill-profeta Ġeremija: “Jien miegħek biex neħilsek.” (Ġeremija 1:8) Ġeħova kif jistaʼ jeħlisna mill-persekuzzjoni llum? Hu jistaʼ jqajjem xi mħallef li mhux preġudikat bħalma kien Gamaljel. Jew jistaʼ jieħu ħsieb li ħabta u sabta jibdel xi uffiċjal korrott u li jopponi maʼ xi ħadd li huwa iktar raġunevoli. Xi drabi, però, Ġeħova jistaʼ jippermetti li l-persekuzzjoni kontra l-poplu tiegħu tkompli. (2 Timotju 3:12) Jekk Alla jippermettilna niġu persegwitati, hu dejjem se jagħtina s-saħħa biex nissaportu l-persekuzzjoni. (1 Korintin 10:13) U minkejja dak li jippermetti Alla, aħna m’għandna ebda dubju dwar ir-riżultat aħħari: Dawk li jiġġieldu kontra n-nies t’Alla qed jiġġieldu kontra Alla, u min jiġġieled kontra Alla m’huwiex se jirnexxi.
19. X’inhi l-iskrittura għas-sena 2006, u għala hija xierqa?
19 Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu biex jistennew it-tribulazzjoni. (Ġwanni 16:33) Meta nqisu dan, il-kliem imniżżel f’Atti 5:29 qatt ma kien iktar f’waqtu mil-lum: “Jeħtieġ li aħna nobdu lil Alla bħala ħakkiem iktar milli lill-bnedmin.” Għal din ir-raġuni, dan il-kliem li jqanqal intgħażel bħala l-iskrittura tas-sena għax-Xhieda taʼ Ġeħova għas-sena 2006. Jalla tkun il-mira tagħna matul is-sena d-dieħla u matul l-eternità kollha li nobdu lil Alla bħala Ħakkiem akkost taʼ kollox!
[Nota taʼ taħt]
a Dak “Ċesari” li l-qassisin ewlenin appoġġaw pubblikament f’dik l-okkażjoni kien il-mibgħud Imperatur Ruman Tiberju, bniedem ipokrita u qattiel. Tiberju kien magħruf ukoll għall-prattiċi sesswali baxxi tiegħu.—Danjel 11:15, 21.
Taf Twieġeb?
• Liema eżempju inkuraġġanti ħallewlna l-appostli bil-mod kif iffaċċjaw l-oppożizzjoni?
• Għala għandna dejjem nobdu lil Alla bħala ħakkiem iktar milli lill-bnedmin?
• L-opponenti tagħna fil-fatt kontra min qegħdin jiġġieldu?
• X’riżultat nistgħu nistennew għal dawk li jissaportu l-persekuzzjoni?
[Kumment f’paġna 23]
L-iskrittura għas-sena 2006 se tkun: “Jeħtieġ li aħna nobdu lil Alla bħala ħakkiem iktar milli lill-bnedmin.” —Atti 5:29
[Stampa f’paġna 19]
“Jeħtieġ li aħna nobdu lil Alla bħala ħakkiem iktar milli lill-bnedmin”
[Stampa f’paġna 21]
Kajfa poġġa l-fiduċja tiegħu fil-bnedmin minflok f’Alla