Iva, Int Tistaʼ Ssib l-Hena
L-HENA ġenwin u dejjiemi kultant diffiċli biex issibu. Dan huwa partikolarment minnu minħabba li ħafna nies, fit-tfittxija li ma tieqaf qatt tagħhom għall-hena, ma jfittxuhx fejn suppost. Kemm ikun aħjar li kieku jkollhom ħabib taʼ min joqgħod fuqu li jidderiġihom fid-direzzjoni t-tajba!
Il-Bibbja hija sors wieħed taʼ dik id-direzzjoni meħtieġa. Ikkunsidra biss wieħed mill-kotba tagħha—is-Salmi. Dan il-ktieb huwa kollezzjoni taʼ 150 għanja qaddisa lil Alla Ġeħova, li madwar nofshom ġew komponuti mis-Sultan David taʼ Iżrael tal-qedem. Imma ħafna iktar importanti milli nkunu nafu l-identità tal-kittieba huwa l-fatt li nkunu nafu li dan il-ktieb inkiteb taħt l-ispirazzjoni taʼ l-akbar Ħabib taʼ l-umanità, Ġeħova. Għaldaqstant, nistgħu nkunu ċerti li dan fih gwida divina għall-ġid tagħna u jurina kif niksbu l-hena.
Il-kittieba tas-Salmi kienu ċerti li persuna tikseb l-hena meta jkollha relazzjoni b’saħħitha m’Alla. “Hieni l-bniedem li jibżaʼ mill-Mulej,” kiteb is-salmista. (Salm 112:1) L-ebda relazzjoni umana, l-ebda oġġett materjali li jistaʼ jkollna, u l-ebda ħaġa persunali li nistgħu nwettqu ma tistaʼ ġġib il-ferħ li jiġi mill-fatt li nagħmlu parti mill-“poplu li Jaħweh hu Alla tiegħu!” (Salm 144:15) Il-ħajjiet taʼ diversi qaddejja t’Alla fi żmienna juru kemm dan huwa minnu.
Susanne, li għandha fuq l-erbgħin sena, hija eżempju wieħed.a Hi qalet: “Illum, ħafna jingħaqdu maʼ ċerti gruppi biex jilħqu skop wieħed, jew għax ikollhom l-istess interessi. Però, rari jqisu lil oħrajn fil-grupp bħala ħbieb. In-nies taʼ Ġeħova huma differenti. L-imħabba tagħna għal Ġeħova tqanqalna nuru affezzjoni lejn xulxin. Fost in-nies t’Alla aħna nħossuna komdi, minkejja fejn ninzertaw inkunu fil-mument. Din l-unità tassew issebbaħ lil ħajjitna. Min iktar jistaʼ jgħid li għandu ħbieb minn gruppi soċjali u sfondi totalment differenti u mill-iktar varjetà vasta taʼ nazzjonalitajiet? B’qalbi kollha nistaʼ ngħid li huwa meta tkun parti mill-poplu taʼ Ġeħova li tikseb l-hena.”
Maree, li twieldet l-Iskozja, ukoll tgħallmet li relazzjoni tajba maʼ Ġeħova hija vitali jekk wieħed irid isib l-hena. “Qabel ma tgħallimt il-verità tal-Bibbja,” tirrakkonta hi, “jien kont inħobb nara films tal-biżaʼ. Imma bil-lejl ma kontx inkun nistaʼ norqod mingħajr ma nżomm salib f’idi biex inbeżżaʼ l-ispirti u l-vampiri li kont nara f’ħafna mill-films. Madankollu, meta tgħallimt il-verità, u ma bqajtx nara dawn il-films, ir-relazzjoni tiegħi maʼ Ġeħova għamlitha possibbli għalija li mmur norqod mingħajr biżaʼ, ferħana li naqdi lil Alla li hu iktar qawwi mid-demonji jew mill-vampiri li kont nimmaġina.”
Il-Fiduċja f’Ġeħova Twassal għall-Hena
M’għandna ebda raġuni biex niddubitaw kemm il-Ħallieq jistaʼ kollox u kemm għandu għerf bla limitu. David, li kien jaf li jistaʼ jafda kompletament f’Ġeħova u li setaʼ jsib kenn Fih, kiteb: “Hieni l-bniedem li jqiegħed fil-Mulej it-tama tiegħu.”—Salm 40:5 (40:4, NW).
Maria qalet: “L-esperjenza tiegħi fi Spanja u f’postijiet oħra kienet li meta nagħmlu l-affarijiet kif jixtieq Ġeħova, anki meta s-sentimenti u l-emozzjonijiet tagħna jistgħu jqanqluna biex nagħmlu mod ieħor, se niksbu l-aħjar riżultati li qatt jistaʼ jkollna. Dan isarraf f’hena għaliex it-triq taʼ Ġeħova dejjem hija l-aħjar.”
Andreas, anzjan Kristjan li qeda f’diversi pajjiżi fl-Ewropa, ukoll tgħallem mill-esperjenza tiegħu li nistgħu npoġġu l-fiduċja tagħna f’Ġeħova. Hu qal: “Ħija l-kbir, li m’għandux l-istess reliġjon, kellu influwenza kbira f’ħajti matul żgħożiti, u inkuraġġieni biex insus wara karriera li trendi l-flus. Hu kien diżappuntat għall-aħħar meta qbadt il-ministeru full-time u ma straħtx fuq l-hekk imsejħa sigurtà offruta minn skemi taʼ iktar dħul għal meta wieħed jirtira. Matul is-servizz full-time tiegħi, qatt ma ġejt fil-bżonn, u esperjenzajt barkiet li oħrajn jistgħu biss joħolmu li jkollhom.”
Fl-1993, Felix ġie mistieden biex jgħin fit-tkabbir tal-faċilitajiet taʼ l-uffiċċju tal-fergħa tax-Xhieda taʼ Ġeħova f’Selters, il-Ġermanja. Meta tlesta x-xogħol, hu ġie mistieden biex isir membru permanenti tal-familja taʼ Betel hemmhekk. Kif ħassu? “Jien aċċettajt l-istedina imma kelli xi dubji. Però issa ilni hawn għal kważi għaxar snin, u jien konvint li Ġeħova wieġeb it-talb tiegħi. Hu jaf x’inhu l-aħjar għalija. Billi npoġġi fiduċja sħiħa fih, u nħallih jiggwidani, jien nagħtih opportunità biex jurini dak li jridni nagħmel.”
Susanne, li ssemmiet qabel, riedet taqdi bħala pijuniera, ministru full-time, imma kienet qed issibha diffiċli biex issib xogħol part-time. Wara li stenniet sena biex forsi ssib xogħol, hi aġixxiet b’fiduċja f’Ġeħova. Hi rrakkontat: “Jien tfajt l-applikazzjoni tiegħi għax-xogħol taʼ pijuniera regulari. Kont faddalt biżżejjed biex inħallas l-ispejjeż normali tiegħi għal xahar. U kemm wera li kien xahar eċċitanti! Il-ministeru tiegħi kien qed iġibli ferħ kbir, imma l-intervisti għax-xogħol fallew waħda wara l-oħra. Madankollu, bħalma wiegħed Ġeħova, hu ma telaqnix. Fl-aħħar ġurnata tax-xahar, irnexxieli niffirma kuntratt għal xogħol. Kien hawn li sirt naf kemm tassew stajt nafda f’Ġeħova! Din l-ewwel esperjenza fis-servizz full-time wasslet għal ħajja ferħana u premjanti.”
Meta Naċċettaw Pariri Divini Jiżdied l-Hena
Is-Sultan David għamel xi żbalji serji. Kultant, hu kellu bżonn parir għaqli. Lesti aħna biex naċċettaw il-pariri u l-istruzzjonijiet bħalma aċċettahom David?
Aida, minn Franza, darba rrealizzat li għamlet żball serju. Hi rrakkontat: “L-iktar ħaġa li kelli fuq moħħi kienet kif se nerġaʼ nibni r-relazzjoni tiegħi maʼ Ġeħova. Xejn ma kien iktar importanti minn dan.” Hi avviċinat lill-anzjani Kristjani għall-għajnuna. Issa li ilha taqdi fis-servizz full-time għal iktar minn 14-il sena, hi tgħid: “Kemm iserraħni l-fatt li naf li Ġeħova ħafer l-iżball li kont għamilt!”
Meta naċċettaw il-pariri divini nistgħu nżommu lura milli lanqas biss nagħmluh l-iżball. Judith spjegat: “Meta kelli 20 sena, ħadt grazzja maʼ wieħed Ġermaniż li kien jaħdem miegħi u li kien jagħmel minn kollox biex jimpressjonani. Hu kien rispettat, kellu karriera brillanti, u kien diġà miżżewweġ! Jien irrealizzajt li kelli nagħżel bejn li nobdi l-liġijiet taʼ Ġeħova u li ndur kompletament ’il bogħod Minnu. Jien ftaħt qalbi mal-ġenituri tiegħi. Missieri ma qagħadx iżejjen il-kliem meta fakkarni dwar x’kien jistenna minni Ġeħova. Hu ma qagħadx idur mal-lewża—qalli eżatt dak li kelli bżonn! Madankollu, qalbi pprovat tiskużani. Għal diversi ġimgħat ommi kienet tqattaʼ ljieli sħaħ tkellimni dwar l-importanza tal-liġijiet taʼ Ġeħova u dwar kemm dawn jistgħu jsalvawlna ħajjitna. Jien grata ħafna li qalbi bil-mod il-mod inġibdet lejn dak li ried Ġeħova. Id-dixxiplina u t-tagħlim mingħandu ġabuli hena kbir—ħafna snin fil-ministeru full-time u raġel Kristjan mill-aħjar, li jħobb lili u lil Ġeħova b’qalbu kollha.”
Żgur li esperjenzi bħal dawn juru kemm hu minnu l-kliem taʼ David: “Hieni l-bniedem li ebda ħażen ma jgħoddlu l-Mulej. Hieni l-bniedem li ħtijietu maħfura, li għandu d-dnub tiegħu mistur!”—Salm 32:2 (32:1, 2, NW).
L-Hena Meta Nuru Interess f’Oħrajn
“Hieni min jaħseb fil-fqir u d-dgħajjef,” kiteb David. Hu kompla: “F’jum l-għawġ jeħilsu l-Mulej. Il-Mulej iħarsu, jagħtih il-ħajja u jhennih fuq l-art.” (Salm 41:2, 3 [41:1, 2, NW]) L-interess bi mħabba li David wera f’Mefiboset, it-tifel zopp taʼ Ġonatan, il-ħabib għażiż taʼ David, huwa eżempju taʼ l-attitudni xierqa lejn l-umli.—2 Samwel 9:1-13.
Marlies, li ilha taqdi bħala missjunarja għal 47 sena, għandha l-privileġġ li tippriedka fost nies li kellhom jaħarbu minn inħawi fi kriżi fl-Afrika, l-Asja, u l-Ewropa tal-Lvant. Hi qalet: “Huma għandhom diversi problemi u ġeneralment iħossuhom li m’humiex aċċettati kompletament, u li fil-fatt huma diskriminati. Meta ngħin lil uħud bħal dawn dejjem inħoss l-hena.”
Marina, li għandha fuq l-erbgħin sena, kitbet: “Peress li jien m’iniex miżżewġa, naf xi jfisser meta ssib l-għajnuna mingħand xi ħadd. Dan iqanqalni biex ninkuraġġixxi lin-nies billi nċemplilhom jew niktbilhom l-ittri. Ħafna esprimew l-apprezzament tagħhom. Meta ngħin lil oħrajn inħoss hena kbir.”
Dimitar, li għandu fuq l-għoxrin sena, qal: “Ommi rabbietni waħedha. Meta kont iżgħar, kont nieħu gost meta l-indokratur taʼ l-Istudju tal-Ktieb tal-Kongregazzjoni kien jiħodni fuq il-ministeru miegħu kull ġimgħa biex iħarriġni. Għadni grat sa llum talli baqaʼ jipprova jgħinni. Naf li mhux dejjem kien faċli li jimmotivani.” Sforz il-gratitudni tiegħu għall-għajnuna li rċieva, Dimitar issa jgħin lil oħrajn: “Jien nipprova noħroġ miegħi lil xi ħadd żgħir kif ukoll lil xi ħadd iktar avanzat fiż-żmien fuq il-ministeru mill-inqas darba fix-xahar.”
Il-ktieb tas-Salmi jsemmi affarijiet oħrajn li jikkontribwixxu għall-hena. Waħda minnhom hija l-importanza li wieħed jistrieħ fuq Ġeħova għas-saħħa minflok fuqu nnifsu: “Henjin dawk li jsibu [f’Ġeħova] il-qawwa tagħhom.”—Salm 84:6 (84:5, NW).
Corinna hija xiehda taʼ dan. Hi marret tgħix f’pajjiż fejn kien hemm bżonn kbir fil-ministeru. “Jien iffaċċjajt lingwa ġdida, kultura ġdida, u mod taʼ ħsieb ġdid. Ħassejtni qisni kont fi pjaneta oħra. Kienet titlagħli għoqla fi griżmejja meta naħseb fl-ippridkar f’ambjent stramb. Jien tlabt lil Ġeħova għall-għajnuna, u kien bis-saħħa tiegħu li stajt nippriedka l-ġurnata kollha f’territorju iżolat. Maż-żmien, dan donnu sar l-iktar ħaġa naturali li stajt nagħmel. Bdejt ħafna studji tal-Bibbja, u għadni nibbenefika s’issa minn din l-esperjenza. Tgħallimt li bil-qawwa mingħand Ġeħova, aħna nistgħu negħlbu ostakli li jistgħu jidhru kbar wisq.”
Iva, hemm diversi fatturi li jikkontribwixxu għall-hena, bħal li nikkultivaw ħbiberija m’Alla u maʼ niesu, li nafdaw totalment f’Ġeħova, li naċċettaw il-pariri divini tiegħu, u li nuru interess f’ħaddieħor. Billi nimxu fit-triqat taʼ Ġeħova u nobdu l-liġijiet tiegħu, aħna nistgħu nesperjenzaw bil-ferħ il-barka tiegħu.—Salm 89:16 (89:15, NW); 106:3; 112:1; 128:1, 2.
[Nota taʼ taħt]
a Xi ismijiet ġew mibdulin.
[Stampa f’paġna 12]
Maria
[Stampa f’paġna 13]
Maree
[Stampa f’paġna 13]
Susanne u Andreas
[Stampa f’paġna 15]
Corinna
[Stampa f’paġna 15]
Dimitar