Pittura bil-Kliem
IL-POETI huma taħlita bejn artist u kittieb taʼ l-għanjiet. Il-pinna tagħhom hija gwidata minn moħħhom kif ukoll minn qlubhom. Huwa għalhekk li poeżiji miktubin bis-sengħa jistgħu jispirawk. Jistgħu wkoll iġagħluk taħseb, tidħaq, jew tibki. Il-ktieb The Need for Words jgħid: “Taʼ spiss il-poeżija m’hija xejn ħlief kliem organizzat biex jagħmel impatt qawwi u f’daqqa. Din hija parti mir-raġuni għala poeżiji mill-aqwa . . . ma jintesew qatt.”
Poeżija sabiħa m’hijiex sempliċement xi erbaʼ kelmiet fuq suġġett superfiċjali. Għall-kuntrarju, il-poeżija għandha x’taqsam ħafna maʼ l-iktar affarijiet importanti fil-ħajja—ir-relazzjonijiet, l-imħabba, l-ispiritwalità, in-natura, u t-tifsir tal-ħajja. Għaldaqstant, ma niskantawx li l-poeżija hija waħda mill-eqdem forom t’arti. Wieħed poeta famuż qal li jekk il-poeżija kellha titqabbel mal-proża (lingwa miktuba b’mod normali), li kieku t-tnejn li huma jiddeskrivu l-istess ħaġa u jkunu miktubin bis-sengħa, “il-poeżija tinqara mitt darba filwaqt li l-proża tinqara darba biss.”
Madankollu, bħalma forsi indunajt, jeżistu tipi differenti taʼ poeżiji. Xi wħud minnhom fihom ir-rima, u oħrajn le. Xi drabi kważi taħsibhom proża bil-mod li jkunu miktubin. Allura, x’inhi eżattament il-poeżija?
X’Inhi l-Poeżija?
The Macquarie Dictionary jfisser il-poeżija bħala “l-arti taʼ kompożizzjoni ritmika, miktuba jew mitkellma, biex tqanqal il-ferħ permezz taʼ ħsibijiet sbieħ, immaġinattivi, jew superjuri” u bħala “xogħol letterarju f’forma metrika; vers.” Innota x’inhuma ż-żewġ aspetti fundamentali fil-poeżija—ir-ritmu u l-metru. Ir-ritmu huwa parti mid-dinja taʼ madwarna. Narawh fiċ-ċaqliq taʼ l-oċeani, fl-istaġuni, u anki fit-taħbit tal-qalb tagħna. Fil-poeżija, ir-ritmu huwa l-ħoss kontinwu li tipproduċi l-lingwa; aħna u naqraw inħossu xi ħaġa tirrepeti ruħha. Il-metru huwa s-sekwenza tar-ritmu, u din tistaʼ tvarja minn poeżija għall-oħra. Metodu ieħor popolari fil-poeżiji huwa r-rima. Il-partijiet li jagħmlu rima maʼ xulxin ikunu ġeneralment l-aħħar kliem fil-linja. M’għandniex xi ngħidu, is-sekwenza tar-rima tistaʼ tvarja. Xi kultant ir-rima tkun fil-linja li jmiss, imma ġieli tkun iktar tard.
Il-ħajku Ġappuniż ma jiddependix mir-rima imma huwa magħruf għall-kapaċità taʼ l-għaġeb li fih li joħroġ is-sbuħija tal-ħsieb bl-inqas kliem possibbli. Dan jiġbor il-ħsibijiet fi tliet linji biss li jkun fihom 17-il sillaba—5 fl-ewwel u fit-tielet linja u 7 fit-tieni waħda.a Is-sbuħija u s-sempliċità tal-ħajku servew bħala introduzzjoni sabiħa għall-poeżija għal ħafna wħud, anki tfal tan-nuna.
Tradizzjonalment, il-poeżija hija magħrufa għal li ddaħħal ħafna ħsibijiet fi ftit kliem. The World Book Encyclopedia tgħid li kliem poetiku “jissuġġerixxi ħafna iktar milli dak li jkun qed jgħid. Hu jqanqal l-immaġinazzjoni tiegħek . . . Il-kliem tal-poeżija huwa mimli daqs bajda, u t-tifsir taʼ kelma waħda jistaʼ jqanqal il-ħsieb, u mbagħad il-poeżija kollha tisplodi fl-immaġinazzjoni tiegħek.” M’għandniex xi ngħidu, ċerti poeżiji jkollok taqrahom iktar minn darba qabel ma “jisplodu” f’moħħok, u b’hekk tifhem is-sens tagħhom.
Sabiex joħolqu l-effett mixtieq, il-poeti jagħżlu l-kliem tagħhom bħalma ġojjellier jagħżel il-ħaġar li jkun se juża. Is-Sultan Salamun taʼ Iżrael, kittieb taʼ proverbji u għanjiet, għamel “ħafna ħsieb u tiftix” sabiex isib “qwiel sbieħ” u “kliem is-sewwa.”—Koħèlet 12:9, 10; 1 Slaten 5:12 [4:32, NW].
Salamun u missieru, David, kitbu bil-mod tradizzjonali Ebrajk li kellhom dakinhar. Il-poeżija Ebrajka kienet taʼ spiss titkanta waqt li jindaqq xi strument mużikali. Il-poeżija ma kellhiex rima imma kienet magħrufa għar-ritmu li kien fiha fil-ħsieb, jew fl-ideat—forma letterarja msejħa paralleliżmu. Il-linji setgħu jaqblu fil-ħsieb tagħhom, jew inkella jippreżentaw kuntrast fil-ħsibijiet. (Salm 37:6, 9) Taʼ spiss, it-tieni linja tkompli tiftaħ fuq il-ħsieb taʼ l-ewwel linja billi jiżdied xi ħsieb ġdid. Ara Salm 119:1 biex tara kif issir din il-ħaġa:
Henjin dawk li triqthom bla ħtija,
li jimxu fil-liġi tal-Mulej.
Innota kif it-tieni linja turi xi jfisser li tkun bla ħtija, jiġifieri, li timxi fil-liġi taʼ Jehovah. Peress li l-Ebrajk tal-Bibbja ma jużax ir-rima, imma minflok juża l-paralleliżmu, jew ir-ritmu fis-sens li jrid jagħti, huwa iktar faċli biex jiġi tradott.b
Kliem li Jesprimi Kull Emozzjoni
Bħall-għanjiet, il-poeżiji huma mezz mill-aqwa kif wieħed jesprimi l-emozzjonijiet kollha li jeżistu. Innota kemm ħassu se jtir bil-ferħ u premjat Adam tal-paċenzja tiegħu, fil-kliem li qal meta Jehovah ppreżentalu lil Eva fil-ġnien taʼ Għeden:
Din id-darba din hi għadma minn għadmi,
u laħam minn laħmi,
għalhekk tissejjaħ mara,
għax mir-raġel ittieħdet hi.
Il-ħaġa taʼ l-għaġeb f’dan il-passaġġ hija kemm fi ftit kliem jirnexxilu jgħid affarijiet b’mod letterali u emozzjonali. L-użu taʼ dan l-ammont żgħir taʼ kliem joħroġ iktar fil-lingwa oriġinali. Bl-istess mod, il-kotba poetiċi taʼ Ġob, Salmi, Proverbji, u Lamentazzjonijiet joffru għażla impressjonanti taʼ emozzjonijiet, minbarra li jgħallmu veritajiet spiritwali vitali. Fil-fatt, fl-Ebrajk oriġinali, l-ewwel salm jiftaħ bil-kelma “hieni” jew “imbierek.” Kif kont tiddeskrivihom is-sentimenti tal-kittieb taʼ dawn il-kelmiet f’Salm 63:2 [63:1, NW]? Innota x-xebh mimli tifsir, fattur li jispikka fil-versi Ebrajċi.
Alla, Alla tiegħi int; lilek ħerqan infittex.
Ruħi bil-għatx għalik,
għalik imxennaq jiena,
bħal art niexfa, maħruqa, bla ilma.
Il-ktieb tal-Lamentazzjonijiet jippreżenta sentiment ieħor differenti. Fih Ġeremija qed jibki minħabba t-traġedja li waqgħet fuq Ġerusalemm meta l-Babiloniżi ħatfuha fis-sena 607 Q.E.K. Hu jesprimi dak kollu li hemm f’qalbu permezz taʼ ħames għanjiet liriċi taʼ niket li juru x’diqa ħass il-profeta imma wkoll li kien jaf li saret ġustizzja divina.
Il-Poeżija Hi Għajnuna tal-Memorja
Minħabba l-mod kif tinkiteb, il-poeżija taʼ spiss tkun addattata ħafna biex wieħed jitgħallimha bl-amment. L-eqdem poeżiji Griegi magħrufa, l-Ilijade u l-Odissea, kienu jitlissnu bl-amment waqt festi Griegi—biċċa xogħol mhux ħażin meta tqis it-tul mhux tas-soltu taʼ dawn ix-xogħlijiet. Evidentement, ħafna salmi Bibliċi wkoll kienu jiftakruhom bl-amment. Innota l-kliem figurattiv, id-deskrizzjoni ċara u l-loġika soda li joħorġu fir-ritmu taʼ dawn il-linji f’Salm 115:4-8, linji li jitkellmu dwar il-bluha tal-qima lill-idoli:
Fidda u deheb huma l-allat tagħhom,
xogħol taʼ jdejn il-bniedem.
Għandhom il-fomm, u ma jitkellmux;
għandhom l-għajnejn, u ma jarawx;
għandhom il-widnejn, u ma jisimgħux;
għandhom l-imnieħer, u ma jxommux;
għandhom l-idejn, u ma jmissux;
għandhom ir-riġlejn, u ma jimxux;
ebda leħen ma joħroġ minn fommhom.
Bħalhom ikunu dawk li jagħmluhom,
u dawk kollha li jittamaw fihom.
M’hemmx dubju li l-biċċa l-kbira min-nies ma jsibuhiex diffiċli biex jiftakru passaġġ daqshekk ħaj u qawwi.
Tixtieq Tikteb Xi Poeżija?
Il-poeżija saret parti minn ħajjitna, ibda minn għanjiet tat-tfal u spiċċa f’ritornelli li jintużaw fir-reklami. Għaldaqstant, il-biċċa l-kbira min-nies huma familjari għall-inqas mal-konċetti bażiċi tal-poeżija. Imma jekk tixtieq tibda tikteb il-poeżiji, l-aħjar huwa li l-ewwel taqra diversi tipi minnhom. Dan se jgħinek tifhem il-prinċipji differenti tal-kompożizzjoni, minbarra li ttejjeb il-vokabolarju tiegħek. M’għandniex xi ngħidu, għandek tagħraf tagħżel x’taqra biex b’hekk ma tinvolvix ruħek f’affarijiet mhux xierqa jew baxxi. (Filippin 4:8, 9) Naturalment, l-aħjar mod biex titgħallem tikteb huwa billi tpoġġi bil-qegħda, taqbad karta u lapes u tibda tikteb.
Maż-żmien, tistaʼ anki tibda tikteb il-poeżiji biex tgawdihom mal-familja u l-ħbieb. Għala ma tipprovax tqabbel żewġ kelmiet meta tibgħat kartolina lil xi ħadd li huwa marid jew li tixtieq tirringrazzjah? M’hemmx għalfejn tikteb xi poeżija twila u taʼ barra minn hawn. Sempliċement ikteb żewġ linji biex tesprimi x’hemm f’qalbek. Din il-biċċa xogħol se ġġiblek ferħ u sens taʼ sodisfazzjon imma m’hemmx dubju li biha se tferraħ lil min se jirċiviha meta dan jara kemm qgħadt tieħu xogħol biex tesprimi l-ħsibijiet tiegħek b’mod tant immaġinattiv u mill-qalb.
M’hemmx għalfejn tkun xi għaref biex tieħu gost tikteb poeżija, l-istess bħalma m’hemmx għalfejn tkun xi kok prim biex tieħu pjaċir tipprepara ikla. Itfaʼ ammonti indaqs taʼ xewqa, immaġinazzjoni, sforz, u persistenza flimkien mal-poeta mistoħbi li hemm ġo fik, u għandek mnejn tibqaʼ skantat bil-pittura bil-kliem li jirnexxilek toħloq.
[Noti taʼ taħt]
a Għal diskussjoni dwar il-ħajku, jekk jogħġbok ara l-Awake! tat-8 taʼ Jannar, 1989.
b Stenbaħ! huwa tradott fi 83 lingwa. Għaldaqstant, aħna għażilna li nużaw poeżiji Bibliċi minflok poeżiji oħra bħala eżempji f’dan l-artiklu.
[Stampa f’paġna 21]
Parti konsiderevoli taʼ l-Iskrittura Ebrajka tikkonsisti f’poeżiji