Ħalli l-“Kelma” taʼ Ġeħova Tipproteġik
FIS-SENA 490 Q.E.K. fil-battalja storika taʼ Maratona, minn għaxart elef sa għoxrin elf ruħ minn Ateni ffaċċjaw armata Persjana ferm akbar minnhom. Fattur importanti fit-tattiċi li kienu jużaw il-Griegi kien il-falanġi—battaljun taʼ suldati jimmarċjaw marsusin spalla maʼ spalla. It-tarki ħdejn xulxin kienu jifformaw ħajt sħiħ li minnu kienu joħorġu l-lanez taʼ kulħadd. Il-falanġi taw lin-nies t’Ateni vittorja famuża fuq il-forzi Persjani li kienu bil-wisq iktar b’saħħithom.
Il-Kristjani veri qegħdin jiġġieldu battalja spiritwali. Huma jitqabdu maʼ għedewwa b’saħħithom—il-ħakkiema inviżibbli tas-sistema preżenti mill-agħar, li huma deskritti fil-Bibbja bħala “l-ħakkiema dinjin taʼ dan id-dlam, . . . il-forzi taʼ l-ispirti mill-agħar fil-postijiet tas-sema.” (Efesin 6:12; 1 Ġwanni 5:19) In-nies t’Alla jibqgħu joħorġu vittorjużi—imma mhux bis-saħħa tagħhom. Il-kredtu kollu jmur lil Ġeħova, li jipproteġihom u jgħallimhom, bħalma jistqarr Salm 18:31 (18:30, NW): “Safja hi l-kelma tal-Mulej. Tarka huwa Alla għal kull min jistkenn fih.”
Iva, permezz tal-“kelma” rfinuta tiegħu, li tinsab fl-Iskrittura Mqaddsa, Ġeħova jipproteġi lill-qaddejja leali tiegħu minn ħsara spiritwali. (Salm 19:8-12, [19:7-11, NW]; 119:93) Dwar l-għerf muri fil-Kelma t’Alla, Salamun kiteb: “Twarrbux minnek, u hu jżommok, ħobbu, u hu jieqaf miegħek.” (Proverbji 4:6; Koħèlet 7:12) L-għerf divin kif jipproteġina mill-ħsara? Ikkunsidra l-eżempju taʼ Iżrael tal-qedem.
Poplu Protett b’Għerf Divin
Il-Liġi taʼ Ġeħova pproteġiet u ggwidat lill-Iżraelin f’kull aspett tal-ħajja. Per eżempju, ir-regolamenti dwar id-dieta, l-indafa, u l-kwarantina ħelsuhom minn ħafna mard li ħarbat popli oħrajn. Kien biss wara li ġew skoperti l-batterji fis-seklu 19 li x-xjenza bdiet tilħaq il-livell tal-Liġi t’Alla. Il-liġijiet dwar il-pussess taʼ l-art, ix-xiri mill-ġdid, il-ħelsien mid-dejn, u s-self tal-flus b’imgħax esaġerat ġabu benefiċċji soċjali lil Iżrael billi għenuh sabiex ikollu soċjetà stabbli u ekonomija tajba. (Dewteronomju 7:12, 15; 15:4, 5) Il-Liġi taʼ Ġeħova għenet saħansitra biex tiġi preservata l-ħamrija taʼ Iżrael! (Eżodu 23:10, 11) Il-kmandamenti dwar il-qima falza pproteġew lin-nies spiritwalment, billi kienu bħala tarka kontra l-oppressjoni tad-demonji, is-sagrifiċċji tat-tfal, u ħafna deni ieħor, biex ma nsemmux il-prattika baxxa taʼ nies li jmilu quddiem idoli bla ħajja.—Eżodu 20:3-5; Salm 115:4-8.
Mela żgur li l-“kelma” taʼ Ġeħova ma kinitx “fiergħa” għal Iżrael; minflok, din kienet tfisser ħajja u żmien itwal għal dawk li jisimgħu minnha. (Dewteronomju 32:47) L-istess nistgħu ngħidu llum għal dawk li josservaw il-kliem mimli għerf taʼ Ġeħova, anki jekk il-Kristjani m’għadhomx iktar taħt il-patt tal-Liġi. (Galatin 3:24, 25; Ebrej 8:8) Fil-fatt, minflok il-kodiċi tal-liġi, il-Kristjani għandhom għadd kbir taʼ prinċipji Bibliċi biex jiggwidawhom u jipproteġuhom.
Poplu Protett minn Prinċipji
Il-Liġijiet jistgħu japplikaw għal affarijiet speċifiċi biss u jistgħu jkunu temporanji. Madankollu, il-prinċipji Bibliċi, billi huma veritajiet fundamentali, normalment ikunu japplikaw għal iktar minn ħaġa waħda u jkunu permanenti. Ikkunsidra, per eżempju, il-prinċipju mistqarr f’Ġakbu 3:17, fejn f’parti minnu jgħid: “L-għerf li ġej minn fuq hu l-ewwelnett safi, imbagħad iġib il-paċi.” Din il-verità fundamentali kif tistaʼ sservi bħala protezzjoni għan-nies t’Alla llum?
Meta xi ħadd ikun safi jfisser li jkun nadif moralment. Għaldaqstant, dawk li jgħożżu s-safa jistinkaw biex jevitaw mhux biss l-immoralità imma wkoll l-affarijiet li jistgħu jwasslu għaliha, fosthom il-fantasiji dwar affarijiet sesswali u l-pornografija. (Mattew 5:28) Bl-istess mod, koppji fl-għerusija li ħadu bis-serjetà l-kliem taʼ Ġakbu 3:17 jevitaw intimità li twassal għal nuqqas taʼ kontroll fuqhom infushom. Bħala nies taʼ prinċipju, huma ma jitbegħdux mis-safa billi forsi jaħsbu li sakemm ma jiksrux il-liġi kelma b’kelma, Ġeħova xorta se japprova l-imġiba tagħhom. Huma jafu li Ġeħova jara l-qalb u jimxi skond dak li jkun hemm fiha. (1 Samwel 16:7; 2 Kronaki 16:9) Uħud bħal dawn jipproteġu lil ġisimhom minn ħafna mard trasmess sesswalment li huwa komuni ħafna llum kif ukoll jipproteġu l-benesseri mentali u emozzjonali tagħhom.
Ġakbu 3:17 jgħid ukoll li l-għerf divin “iġib il-paċi.” Bħalma nafu, Satana jipprova jifridna minn Ġeħova billi jiżragħlna f’qalbna spirtu taʼ vjolenza, kemm jekk b’letteratura dubjuża, films, mużika, u logħob tal-kompjuter—li xi ftit minnu jinkuraġġixxi lil dak li jkun qed jilgħab biex iwettaq brutalità u qtil li lanqas biss timmaġinahom! (Salm 11:5) Nistgħu nindunaw b’mod ċar kemm Satana qed jirnexxi meta naraw il-mewġa li dejjem tikber taʼ kriminalità vjolenti. Rigward kriminalità bħal din, il-gazzetta Awstraljana The Sydney Morning Herald xi snin ilu kwotat lil Robert Ressler, l-individwu li fforma t-terminu “serial killer,” li jirreferi għal xi ħadd li jagħmel serje taʼ delitti. Ressler qal li l-qattiela li intervista fis-snin 70 kienu stimulati minn materjal pornografiku li ‘ma kien xejn ħdejn il-materjal pornografiku taʼ llum.’ Għalhekk, Ressler esprima “ħarsa miżerabbli għall-futur—seklu ġdid fejn dawk li joqtlu ħafna nies se jiżdiedu.”
Fil-fatt, ftit xhur biss wara dan ir-rapport fl-aħbarijiet, raġel spara fuq it-tfal f’kindergarten ġo Dunblane, fl-Iskozja, u qatel 16 minnhom kif ukoll lill-għalliema tagħhom, u wara qatel lilu nnifsu. Ix-xahar taʼ wara raġel mhux f’sensih ieħor immassakra 32 ruħ ġewwa l-belt kwieta taʼ Port Arthur, fit-Tasmanja, l-Awstralja. Fi snin reċenti, l-għadd taʼ massakri fl-iskejjel waħħxu lill-Istati Uniti u dan ġagħal lill-Amerikani jistaqsu, Għala? F’Ġunju tas-sena 2001, il-Ġappun issemma maʼ kullimkien minħabba raġel miġnun li daħal fi skola u b’sikkina qatel tmint itfal taʼ madwar sebaʼ u tmien snin u darab lil 15-il ruħ oħra. Sabiex inkunu ċari, ir-raġunijiet għal ħruxijiet bħal dawn huma kumplessi, imma l-vjolenza fuq il-mezzi tax-xandir dejjem qed tikkontribwixxi iktar għal dan il-fattur. “Jekk reklam taʼ 60 sekonda kapaċi jgħolli l-bejgħ m’għola s-sema,” kiteb l-Awstraljan Phillip Adams, kittieb fil-ġurnali, “tiġix tgħidli li film taʼ sagħtejn, li jiswa miljuni kbar taʼ liri ma jbiddilx l-attitudnijiet tan-nies.” Taʼ min jinnota li fid-dar tar-raġel li beda jispara f’Port Arthur, il-pulizija kkonfiskaw 2,000 vidjo vjolenti u pornografiku.
Dawk li jżommu sod maʼ prinċipji Bibliċi jipproteġu lil moħħhom u lil qalbhom minn kull forma taʼ divertiment li jistaʼ jrabbi kilba għall-vjolenza. Għalhekk, “l-ispirtu tad-dinja” ma jsibx post fil-ħsibijiet u x-xewqat tagħhom. Minflok, huma ‘mgħallmin mill-ispirtu [t’Alla],’ u jagħmlu ħilithom biex jikkultivaw imħabba għall-frott tiegħu, li jinkludi l-paċi. (1 Korintin 2:12, 13; Galatin 5:22, 23) Dan jagħmluh permezz taʼ studju regulari tal-Bibbja, talb, u meditazzjoni li tibni. Huma jevitaw ukoll li jissieħbu maʼ nies li għandhom xejra vjolenti, imma minflok jagħżlu li jissieħbu maʼ dawk illi bħalhom jixxennqu għad-dinja ġdida mimlija paċi taʼ Ġeħova. (Salm 1:1-3; Proverbji 16:29) Tabilħaqq, kemm fih protezzjoni l-għerf divin!
Ħalli l-“Kelma” taʼ Ġeħova Tipproteġilek Qalbek
Meta ġie ttantat fix-xagħri, Ġesù ta prova taʼ kemm Satana kien qarrieq billi kkwotalu b’mod preċiż mill-Kelma t’Alla. (Luqa 4:1-13) Madankollu, hu ma qagħadx jagħmel dan max-Xitan biex juri min minnhom kien l-iktar għaref. Minħabba li uża l-Iskrittura bħala d-difiża tiegħu, Ġesù tkellem minn qalbu u huwa minħabba f’hekk li l-istrateġija tax-Xitan, li tant ħadmet tajjeb fl-Għeden, ma rnexxietx maʼ Ġesù. Bl-istess mod, it-tnassis taʼ Satana m’huwiex se jirnexxi magħna jekk aħna nimlew qalbna bil-kelma taʼ Ġeħova. Xejn ma jistaʼ jkun iktar importanti minn dan, “għax minnha [mill-qalb] ġejja l-ħajja.”—Proverbji 4:23.
Barra minn hekk, aħna rridu nkomplu nipproteġu lil qalbna, u ma nieqfu qatt. Satana ma waqafx iġarrab lil Ġesù għalkemm fix-xagħri ma rnexxilux iwaqqgħu. (Luqa 4:13) Hu se jkompli jippersisti magħna wkoll, billi jipprova diversi strateġiji biex ikissrilna l-integrità tagħna. (Rivelazzjoni 12:17) Għalhekk, ejjew nimitaw lil Ġesù billi nikkultivaw imħabba profonda għall-Kelma t’Alla, u fl-istess ħin nitolbu bla waqfien għall-ispirtu qaddis u l-għerf. (1 Tessalonikin 5:17; Ebrej 5:7) Min-naħa tiegħu, Ġeħova jwiegħed li dawk kollha li jistkennu fih ma se jġarrbu ebda ħsara spiritwali.—Salm 91:1-10; Proverbji 1:33.
Il-Kelma t’Alla Tipproteġi lill-Kongregazzjoni
Satana ma jistax iżomm lill-“folla kbira” mbassra milli tgħaddi ħajja mit-tribulazzjoni l-kbira. (Rivelazzjoni 7:9, 14) Madankollu, bla mistrieħ hu xorta jipprova jikkorrompi lill-Kristjani sabiex għall-inqas xi ftit individwi jitilfu l-favur taʼ Ġeħova. Din l-istrateġija ħadmet f’Iżrael tal-qedem u wasslet għall-mewt taʼ 24,000 ruħ hekk kif kienu fuq l-għatba taʼ l-Art Imwiegħda. (Numri 25:1-9) M’għandniex xi ngħidu, Kristjani li jiżbaljaw u li juru ndiema sinċiera jirċievu għajnuna bi mħabba sabiex jerġgħu jiksbu lura l-ispiritwalità. Imma dawk li jidinbu u ma jindmux, bħal Żimri tal-qedem, jipperikolaw il-benesseri morali u spiritwali taʼ oħrajn. (Numri 25:14) Bħal suldati ġol-falanġi li jarmu t-tarki tagħhom, huma jesponu għall-ħsara mhux biss lilhom infushom, imma lil sħabhom ukoll.
Għalhekk, il-Bibbja tikkmanda: “Tibqgħux tagħmluha maʼ min jissejjaħ ħu iżda jkun żieni jew rgħib jew idolatra jew żeblieħi jew sakranazz jew imbroljun; lanqas biss għandkom tieklu maʼ bniedem bħal dan. . . . Neħħu lill-bniedem mill-agħar minn fostkom.” (1 Korintin 5:11, 13) Ma taqbilx int li dan il-‘kliem’ jgħin sabiex tiġi protetta s-safa morali u spiritwali tal-kongregazzjoni Kristjana?
B’kuntrast kbir, ħafna knejjes tal-Kristjaneżmu kif ukoll l-apostati jqisu bħala antikwati lil dawk il-partijiet tal-Bibbja li jikkontradixxu l-ħarsiet moderni u liberali dwar il-moralità. Minħabba dan, huma jiskużaw kull forma taʼ dnub gravi, anki fost il-kleru. (2 Timotju 4:3, 4) Innota, madankollu, li Proverbji 30:5, li jirreferi wkoll għall-“kelma” taʼ Ġeħova bħala tarka, jiġi segwit bi kmand fil-vers 6: “Iżżid xejn maʼ kliemu [kliem Alla], għax hu jċanfrek u jgiddbek.” Iva, dawk li jqarrqu bil-mod kif jużaw il-Bibbja huma tassew giddieba spiritwali—l-iktar giddibin li jistħoqqilhom ċanfir! (Mattew 15:6-9) Għalhekk, ejjew tassew inkunu grati li nagħmlu parti minn organizzazzjoni li tirrispetta profondament il-Kelma t’Alla.
Protetti minn “Riħa Tfuħ”
Minħabba li l-poplu t’Alla jżomm sod mal-Bibbja u jaqsam m’oħrajn il-messaġġ taʼ faraġ li fiha, iferrex “riħa tfuħ” b’ħajja li tagħti pjaċir lil Ġeħova. Imma għal dawk in-nies li huma ħżiena, dawn qed iferrxulhom “fwieħa [li] twassalhom għall-mewt,” skond it-traduzzjoni taʼ l-Għaqda Biblika Maltija. Iva, is-sistema dinjija taʼ Satana tant ħawdet is-sens tax-xamm tan-nies ħżiena li dawn ma jħossuhomx komdi jew saħansitra jħossuhom daqslikieku għedewwa fil-preżenza taʼ dawk li qed ixerrdu r-“riħa tfuħ taʼ Kristu.” Min-naħa l-oħra, dawk li qed ixerrdu l-aħbar tajba tas-Saltna biż-żelu jsiru “riħa tfuħ taʼ Kristu fost dawk li qed jiġu salvati.” (2 Korintin 2:14-16) Nies taʼ qalb onesta bħal dawn spiss iħossuhom diżgustati bl-ipokrisija u l-gideb reliġjuż li huma karatteristiki tar-reliġjon falza. Għalhekk, meta niftħu l-Kelma t’Alla u naqsmu magħhom il-messaġġ tas-Saltna, huma jħossuhom miġbudin lejn Kristu u jkunu jridu jitgħallmu iktar.—Ġwanni 6:44.
Mela tħossokx skuraġġit meta xi wħud jwieġbu b’mod negattiv għall-messaġġ tas-Saltna. Minflok, ħares lejn ir-“riħa tfuħ taʼ Kristu” bħala forma taʼ protezzjoni spiritwali li tbiegħed lil ħafna individwi li jistgħu jkunu perikolużi mill-qasam spiritwali fejn jgħix il-poplu t’Alla, filwaqt li tiġbed lil dawk taʼ qalb tajba.—Isaija 35:8, 9.
Minħabba li s-suldati Griegi f’Maratona mmarċjaw marsusin flimkien u żammew it-tarki tagħhom b’saħħithom kollha, huma rebħu minkejja li ffaċċjaw opponenti kbar. Bl-istess mod, ix-Xhieda leali taʼ Ġeħova jaċċertaw ruħhom minn vittorja kompleta fil-ġlieda spiritwali tagħhom, għaliex il-vittorja hija l-“wirt” tagħhom. (Isaija 54:17, Saydon) Għalhekk, ħalli kull wieħed minna jibqaʼ jsib kenn f’Ġeħova billi jżomm “qabda soda mal-kelma tal-ħajja.”—Filippin 2:16.
[Stampi f’paġna 31]
‘L-għerf li ġej minn fuq hu safi, imbagħad iġib il-paċi’