Referenzi għall-Fuljett għall-Istudju tal-Laqgħa tal-Ħajja u l-Ministeru Tagħna
2-8 TAʼ MEJJU
TEŻORI MILL-KELMA T’ALLA | 1 SAMWEL 27-29
“David Ħaddem Moħħu”
it-2 245 ¶6
Gidba
Waqt li l-gideb b’intenzjoni ħażina żgur li hu kkundannat fil-Bibbja, ma jfissirx li persuna bilfors trid tagħti informazzjoni vera lil nies li m’għandhomx id-dritt għaliha. Ġesù Kristu ta dan il-parir: “Tagħtux lill-klieb dak li hu qaddis, lanqas tixħtu l-perli tagħkom quddiem il-ħnieżer, li ma jgħaffġuhomx taħt saqajhom u jduru għalikom u jqattgħukom.” (Mt 7:6) Hu għalhekk li f’ċerti okkażjonijiet, Ġesù żamm lura milli jagħti l-informazzjoni kollha jew iwieġeb b’mod dirett ċerti mistoqsijiet. Kieku m’għamilx hekk setaʼ kkawża ħsara bla bżonn. (Mt 15:1-6; 21:23-27; Ġw 7:3-10) Milli jidher, għandu jitqies bl-istess mod il-fatt li Abraham, Iżakk, Raħab, u Eliżew qarrqu b’dawk li ma jaqdux lil Ġeħova jew ma tawhomx informazzjoni eżatta.—Ġen 12:10-19; kapitlu 20; 26:1-10; Ġoż 2:1-6; Ġk 2:25; 2Sl 6:11-23.
16-22 TAʼ MEJJU
TEŻORI MILL-KELMA T’ALLA | 2 SAMWEL 1-3
Ġawhar Spiritwali
it-1 369 ¶2
Ħu
“Ħu” tapplika għal dawk li jkollhom miri u skopijiet simili. Pereżempju, is-Sultan Ħiram taʼ Tir sejjaħ lis-Sultan Salamun bħala ħuh, mhux biss għax kellhom pożizzjoni simili, imma wkoll għax kellhom interessi bħal taʼ xulxin f’li jipprovdu l-injam u affarijiet oħra għat-tempju. (1Sl 9:13; 5:1-12) David kiteb: “Ara! Kemm hu tajjeb u sabiħ li l-aħwa jgħammru flimkien f’unità!” Dan juri li l-paċi u l-unità bejn l-aħwa ma jiġux biss għax ikunu aħwa mid-demm. (Sa 133:1) Fil-fatt, l-affezzjoni u l-interess bejn l-aħwa, u mhux għax ikollhom l-istess ġenituri, ġiegħlu lil David isejjaħ lil Ġonatan bħala ħuh. (2Sa 1:26) Ħbieb li jkollhom l-istess natural u karattru, anke jekk dawn ikunu ħżiena, bix-xieraq jissejħu aħwa.—Pr 18:9.
23-29 TAʼ MEJJU
TEŻORI MILL-KELMA T’ALLA | 2 SAMWEL 4-6
Ġawhar Spiritwali
w96 4/1 29 ¶1
Dejjem Itfaʼ t-Toqol Tiegħek Fuq Ġeħova
Bħala sultan, David kellu parti mir-responsabbiltà li jara li l-arka taʼ Ġeħova tinġarr bil-mod li Hu ried, imma minflok injora l-istruzzjonijiet taʼ Ġeħova. Ir-reazzjoni taʼ David turi li anke dawk li għandhom ħbiberija tajba maʼ Ġeħova jistgħu kultant jirreaġixxu ħażin meta jgħaddu minn prova. L-ewwel, David sar irrabjat, imbagħad beda jibżaʼ. (2Sa 6:8, 9) Il-ħbiberija taʼ fiduċja li kellu maʼ Ġeħova ġiet ittestjata bil-kbir. F’din l-okkażjoni jidher li David naqas milli jitfaʼ t-toqol tiegħu fuq Ġeħova, meta m’obdiex il-kmandi Tiegħu. Tistaʼ din tkun is-sitwazzjoni tagħna xi kultant? Ġieli aħna nwaħħlu f’Ġeħova għal problemi li jiġu minħabba li ninjoraw l-istruzzjonijiet tiegħu?—Pr 19:3.
30 TAʼ MEJJU–5 TAʼ ĠUNJU
TEŻORI MILL-KELMA T’ALLA | 2 SAMWEL 7-8
Ġawhar Spiritwali
it-2 206 ¶2
L-Aħħar Jiem
Il-Profezija taʼ Balgħam. Kien qabel ma l-Iżraelin daħlu fl-Art Imwiegħda li l-profeta Balgħam qal lil Balak is-sultan taʼ Mowab: “Ejja, ħa nurik x’se jagħmillu dan il-poplu lill-poplu tiegħek fi tmiem il-jiem. . . . . Kewkba toħroġ minn Ġakobb, u jqum xettru minn Israel. U jiftaħ ras Mowab fi tnejn u jkisser l-iskutella taʼ kull ras fost ulied il-ħerba.” (Nu 24:14-17) Fl-ewwel twettiq taʼ din il-profezija, il-“kewkba” wriet li kienet is-Sultan David, dak li rażżan lill-Mowabin. (2Sa 8:2) Allura, milli jidher, f’dan it-twettiq taʼ din il-profezija partikolari, “tmiem il-jiem” bdew meta David sar sultan. Ladarba David ta stampa bil-quddiem taʼ Ġesù bħala Sultan Messjaniku, il-profezija tapplika wkoll għal Ġesù fiż-żmien meta jrażżan lill-għedewwa tiegħu.—Is 9:7; Sa 2:8, 9.
6-12 TAʼ ĠUNJU
TEŻORI MILL-KELMA T’ALLA | 2 SAMWEL 9-10
Ġawhar Spiritwali
it-1 266
Daqna
Ħafna popli tal-qedem tal-Lvant, inkluż l-Iżraelin, kienu japprezzaw id-daqna bħala evidenza tad-dinjità tal-irġiel. Il-liġi t’Alla lil Iżrael ipprojbiet li jaqtgħu ‘x-xagħar fil-ġenb taʼ rashom,’ dak bejn il-widna u l-għajn, u t-tarf tad-daqna. (Le 19:27; 21:5) Dan għaliex din kienet drawwa reliġjuża fost xi pagani.
13-19 TAʼ ĠUNJU
TEŻORI MILL-KELMA T’ALLA | 2 SAMWEL 11-12
Ġawhar Spiritwali
it-1 590 ¶1
David
Ġeħova ra u kixef il-każ taʼ David maʼ Bat-seba. Kieku Ġeħova ħalla l-każ tagħhom jiġi ġġudikat minn imħallfin umani skont il-Liġi Mosajka, it-tnejn li huma kellhom jinqatlu. M’għandniex xi ngħidu, it-tarbija mill-adulterju tagħhom mhix imwielda kienet se tmut mal-omm. (Dt 5:18; 22:22) Madankollu, Ġeħova ħa l-każ f’idejh u wera ħniena maʼ David minħabba l-patt tas-Saltna (2Sa 7:11-16), bla dubju minħabba li David stess kien wera ħniena (1Sa 24:4-7; qabbel Ġk 2:13), u minħabba l-indiema li Alla ra min-naħa taʼ dawk li għamlu l-ħażen. (Sa 51:1-4) Imma huma xorta ġew ikkastigati. Permezz tal-profeta Natan, Ġeħova qal: “Ara! Qed inqajjimlek l-inkwiet minn ġo darek stess.”—2Sa 12:1-12.
20-26 TAʼ ĠUNJU
TEŻORI MILL-KELMA T’ALLA | 2 SAMWEL 13-14
“L-Egoiżmu taʼ Amnon Wassal għal Traġedja”
it-1 32
Absalom
Il-ġmiel taʼ Tamar, oħt Absalom, ġiegħel lil Amnon, ħuh mill-missier, biex jieħu grazzja magħha. Amnon, li għamel tabirruħu li kien marid, ġiegħel li jibagħtulu lil Tamar biex issajjarlu, imbagħad stupraha. L-imħabba fiżika taʼ Amnon għal Tamar inbidlet f’mibegħda u keċċieha ’l barra fit-triq. Tamar ċarrtet il-libsa twila bl-istrixxi li kellha u li biha kienet tintgħaraf bħala tifla verġni tas-sultan, u poġġiet l-irmied fuq rasha. Wara, Absalom iltaqaʼ magħha. Hu malajr ħaseb x’setaʼ ġara u stqarr is-suspett tiegħu f’Amnon. Madankollu, Absalom qal lil oħtu biex ma takkuża lil ħadd u ħadha biex tgħix miegħu d-dar.—2Sa 13:1-20.
it-1 33 ¶1
Absalom
Kien iż-żmien li jġiżżu n-nagħaġ, okkażjoni taʼ festa, u Absalom għamel festa f’Bagħal-ħasor, li kienet 22 kilometru ’l bogħod minn Ġerusalemm, u stieden lit-tfal tas-sultan u lil David. Meta David ma riedx imur, Absalom insista li jibgħat lil Amnon minfloku. (Pr 10:18) Waqt il-festa, meta Amnon kien “f’burdata ferriħija bl-inbid,” Absalom ordna lill-qaddejja tiegħu biex joqtlu lil Amnon. Ħutu l-oħrajn marru lura Ġerusalemm, u Absalom mar jgħix maʼ nannuh Sirjan f’Gesur fil-Lvant tal-Baħar tal-Galilija. (2Sa 13:23-38) Is-“sejf” imbassar mill-profeta Natan issa daħal f’‘dar’ David u kien se jibqaʼ hemm għall-bqija taʼ ħajtu.—2Sa 12:10.
27 TAʼ ĠUNJU–3 TAʼ LULJU
TEŻORI MILL-KELMA T’ALLA | 2 SAMWEL 15-17
“Absalom Irribella Minħabba l-Kburija”
it-1 1083-1084
Ħebron
Wara xi snin li David sar sultan, Absalom ġie lura f’Ħebron u hemmhekk ipprova, imma bla suċċess, isir sultan flok missieru. (2Sa 15:7-10) Absalom għażel din il-belt biex jipprova jsir sultan x’aktarx minħabba li din darba kienet il-belt kapitali taʼ Ġuda, kif ukoll għax hu kien minn hemm. Iktar tard, is-Sultan Reħobogħam, li nannuh kien David, reġaʼ bena Ħebron. (2Kr 11:5-10) Wara li l-Babiloniżi qerdu lil Ġuda, u wara li l-Lhud reġgħu lura mill-eżilju, uħud minn dawn il-Lhud bdew joqogħdu f’Ħebron (Kirjat-arba).—Ne 11:25.