LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w92 1/15 pp. 7-11
  • Kemm Huma Henjin il-Kalmi!

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Kemm Huma Henjin il-Kalmi!
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1992
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Ħarsa Iktar mill-​Qrib Lejn il-​Ħlewwa
  • Kif Niżżviluppaw il-​Ħlewwa
  • Benefiċċji tal-​Ħlewwa
  • Il-​Ħlewwa Ġġib ’il Quddiem il-​Hena
  • Il-Ħlewwa—Għala Hi taʼ Ġid Għalina?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2020
  • Kunu Mlibbsin il-Ħlewwa!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1992
  • Il-Ħlewwa—Kwalità Kristjana Essenzjali
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
  • Uri “l-Ħlewwa maʼ Kulħadd”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1992
w92 1/15 pp. 7-11

Kemm Huma Henjin il-​Kalmi!

“Henjin il-​kalmi, ladarba se jirtu l-​art.”—MATTEW 5:5.

1. X’inhu t-​temperament kalm li Ġesù tkellem dwaru fil-​Priedka tiegħu taʼ fuq il-​Muntanja?

FIL-​PRIEDKA tiegħu taʼ fuq il-​Muntanja, Ġesù Kristu qal: “Henjin il-​kalmi, ladarba se jirtu l-​art.” (Mattew 5:5) Dan it-​temperament kalm, jew ġwejjed, mhux qoxra minn barra biss taʼ ġentilezza ipokrita, lanqas m’hu sempliċement xi karatteristika persunali naturali. Minflok, huwa ħlewwa u sliem ġenwini u ġewwinin eżerċitati primarjament b’rispons għar-​rieda u għall-​gwida t’Alla Jehovah. Nies li huma verament kalmi għandhom sens qawwi taʼ serħan fuq Alla li huwa rifless f’kondotta taʼ ħlewwa lejn bnedmin sħabhom.—Rumani 12:17-19; Titus 3:1, 2.

2. Ġesù għala ppronunzjahom henjin lill-​kalmi?

2 Ġesù ppronunzjahom henjin lill-​kalmi għaliex huma se jirtu l-​art. Bħala l-​Iben kalm b’mod perfett t’Alla, Ġesù huwa l-​Werriet Ewlieni tal-​art. (Salm 2:8; Mattew 11:29; Ebrej 1:1, 2; 2:5-9) Imma bħala “bin il-​bniedem” Messjaniku, hu kien se jkollu mexxejja mseħbin miegħu fis-​Saltna tiegħu tas-​sema. (Danjel 7:13, 14, 22, 27) Bħala “werrieta bi sħab” taʼ Kristu, dawn l-​uħud kalmi midlukin se jaqsmu miegħu fil-​wirt tal-​art. (Rumani 8:17) Nies oħrajn kalmi, bħal ngħaġ, se jgawdu ħajja eterna f’Ġenna fil-​qasam tal-​art tas-​Saltna. (Mattew 25:33, 34, 46; Luqa 23:43) Dak il-​prospett jagħmilhom henjin tassew.

3. Alla u Kristu x’eżempju jagħtuna rigward il-​ħlewwa?

3 Il-​Werriet Ewlieni kalm jirċievi l-​art mingħand Missieru, Jehovah, l-​eżempju prim taʼ temperament kalm. Kemm tgħid taʼ spiss l-​Iskrittura li Alla “idum biex jirrabja u abbundanti fil-​qalb tajba bl-​imħabba”! (Eżodu 34:6; Neħemija 9:17; Salm 86:15) Hu għandu qawwa kbira imma juri tant ħlewwa li l-​adoraturi tiegħu jistgħu javviċinawh mingħajr biżaʼ. (Ebrej 4:16; 10:19-22) Bin Alla, li kien “kalm u umli fil-​qalb,” għallem lid-​dixxipli tiegħu biex juru l-​ħlewwa. (Mattew 11:29; Luqa 6:27-29) Min-​naħa tagħhom, dawn l-​irsiera kalmi t’Alla u t’Ibnu kkopjaw u kitbu dwar “il-​ħlewwa u l-​qalb tajba tal-​Kristu.”−2 Korintin 10:1; Rumani 1:1; Ġakbu 1:1, 2; 2 Pietru 1:1.

4. (a) Skond Kolossin 3:12, x’sar minn dawk li huma verament kalmi? (b) Liema mistoqsijiet jixirqilhom il-​konsiderazzjoni tagħna?

4 Illum, kemm il-​Kristjani midlukin kif ukoll sħabhom tal-​art iridu jkunu kalmi. Billi neħħew kull ħażen, qerq, ipokrezija, għira, u tqasqis, huma ġew imgħejjunin mill-​ispirtu qaddis t’Alla biex jiġġeddu ‘fil-​forza li qed tħaddem lil moħħhom.’ (Efesin 4:22-24; 1 Pietru 2:1, 2) Huma jiġu mħeġġin biex ilibbsu lilhom infushom bl-​“affezzjonijiet teneri taʼ mogħdrija, qalb tajba, umiltà tal-​moħħ, ħlewwa, u sabar fit-​tul.” (Kolossin 3:12) Imma eżattament x’tiġbor fiha l-​ħlewwa? Għala hu taʼ benefiċċju li tkun kalm? U din il-​kwalità kif tistaʼ tikkontribwixxi għall-​hena tagħna?

Ħarsa Iktar mill-​Qrib Lejn il-​Ħlewwa

5. Kif tistaʼ tiġi definita l-​ħlewwa?

5 Individwu kalm huwa ġentili fid-​dispożizzjoni u fl-​imġieba. F’ċerti verżjonijiet tal-​Bibbja, huwa l-​aġġettiv pra·ysʹ li jiġi tradott “ġwejjed,” “ħelu,” “kalm,” u “ġentili.” Fil-​Grieg klassiku, l-​aġġettiv pra·ysʹ jistaʼ japplika għal żiffa jew vuċi ħelwa. Jistaʼ jindika wkoll xi ħadd grazzjuż. L-​istudjuż W. E. Vine igħid: “L-​eżerċizzji ta[n-nom pra·yʹtes] huma l-​ewwel u primarjament lejn Alla. Huwa dak it-​temperament taʼ spirtu li bih naċċettaw il-​kuntatti Tiegħu magħna bħala tajbin, u għalhekk mingħajr ma nħaqquha jew nirreżistu; huwa marbut mill-​qrib mal-​kelma tapeinophrosunē [umiltà].”

6. Għala jistaʼ jingħad li l-​ħlewwa mhix djufija?

6 Il-​ħlewwa mhix djufija. “Hemm ġentilezza fi praus,” kiteb l-​istudjuż William Barclay, “imma wara l-​ġentilezza hemm il-​qawwa tal-​azzar.” Li tkun kalm jirrikjedi saħħa. Per eżempju, neħtieġu s-​saħħa biex nibqgħu kalmi taħt provokazzjoni jew meta niġu ppersegwitati. L-​Iben kalm t’Alla, Ġesù Kristu, ħalla eżempju mill-​aħjar f’dan ir-​rigward. “Meta kien qed jiġi nsultat, ma marx jinsulta lura. Meta kien qed ibati, ma marx ihedded, imma baqaʼ jikkommetti ruħu lil dak [Alla Jehovah] li jiġġudika bit-​tjieba.” (1 Pietru 2:23) Bħal Ġesù li baqaʼ kalm, aħna nistgħu nkunu fiduċjużi li Alla se jittratta maʼ dawk li jinsultawna u jippersegwitawna. (1 Korintin 4:12, 13) Nistgħu nkunu trankwilli, kif kien Stiefnu li ġie ppersegwitat, billi nirrealizzaw li jekk aħna leali, Jehovah se jwiżinna u ma jħalli l-​ebda ħaġa tagħmlilna ħsara permanenti.—Salm 145:14; Atti 6:15; Filippin 4:6, 7, 13.

7. Proverbji 25:28 x’jindika dwar individwu nieqes mill-​ħlewwa?

7 Ġesù kien kalm, iżda hu wera saħħa f’li jieqaf sod għal dak li hu tajjeb. (Mattew 21:5; 23:13-39) Kulmin għandu “l-​moħħ taʼ Kristu” se jkun bħalu f’dan ir-​rigward. (1 Korintin 2:16) Jekk wieħed ma jurix ħlewwa, ma jkunx bħal Kristu. Minflok, ikunu joqogħdulu dawn il-​kelmiet: “Bħal belt li daħlu fiha, mingħajr ħajt, huwa l-​bniedem li m’għandu ebda rażna fuq l-​ispirtu tiegħu.” (Proverbji 25:28) Individwu bħal dan nieqes mill-​ħlewwa huwa suġġett għal invażjoni taʼ ħsibijiet żballjati li jistgħu jġagħluh jaġixxi b’modi mhux xierqa. Fil-​waqt li Kristjan kalm m’huwiex beżżiegħ, xorta waħda jaf li “tweġiba, meta hi ħelwa, iddawwar lil hinn id-​dagħdigħa, imma kelma li tweġġaʼ ġġiegħel lir-​rabja titlaʼ.”−Proverbji 15:1.

8. Għala mhux faċli li tkun kalm?

8 Mhux faċli li nkunu kalmi, għax aħna writna l-​imperfezzjoni u d-​dnub. (Rumani 5:12) Jekk aħna qaddejja taʼ Jehovah, irridu wkoll niġġieldu kontra l-​qawwiet tal-​ispirti mill-​agħar li jistgħu jpoġġu għall-​prova l-​ħlewwa tagħna bil-​persekuzzjoni. (Efesin 6:12) U l-​biċċa l-​kbira minna naħdmu fost dawk li għandhom l-​ispirtu aħrax tad-​dinja li tinsab taħt il-​kontroll tax-​Xitan. (1 Ġwann 5:19) Mela kif nistgħu niżżviluppaw il-​ħlewwa?

Kif Niżżviluppaw il-​Ħlewwa

9. Liema ħarsa se tgħinna biex niżżviluppaw il-​ħlewwa?

9 Konvinzjoni bbażata fuq il-​Bibbja li aħna meħtieġa li nuru l-​ħlewwa se tgħinna niżżviluppaw din il-​kwalità. Jum wara l-​ieħor irridu naħdmu biex nikkultivaw il-​ħlewwa. Inkella, se nkunu bħal nies li jqisu l-​ħlewwa bħala djufija u jaħsbu li suċċess jirriżulta milli wieħed ikun arroganti, aħrax, saħansitra kiefer. Madankollu, il-​Kelma t’Alla tikkundanna l-​kburija, u proverbju għaqli jgħid: “Bniedem taʼ qalb tajba bl-​imħabba qed jaġixxi b’mod premjanti maʼ ruħu stess, imma l-​wieħed kiefer qed iġib qtugħ mis-​sħubija fuq l-​organiżmu tiegħu stess.” (Proverbji 11:17; 16:18) In-​nies iżommu ’l bogħod minn xi ħadd aħrax u kattiv, saħansitra jekk jagħmlu hekk prinċipalment biex jevitaw li jiġu mweġġgħin mill-​kefrija u min-​nuqqas taʼ ħlewwa tiegħu.

10. Biex inkunu kalmi, għal liema ħaġa rridu nkunu sottomessi?

10 Biex inkunu kalmi, irridu nissottomettu lilna nfusna lejn l-​influwenza tal-​ispirtu qaddis, jew forza attiva t’Alla. Bħalma Jehovah għamilha possibbli għall-​art biex tipproduċi l-​uċuħ, hekk hu jgħin lill-​qaddejja tiegħu biex jipproduċu l-​frott tal-​ispirtu tiegħu, inkluża l-​ħlewwa. Pawlu kiteb: “Il-​frott tal-​ispirtu hu imħabba, ferħ, paċi, sabar fit-​tul, qalb tajba, tjubija, fidi, ħlewwa, kontroll fuqek innifsek. Kontra dawn l-​affarijiet ma hemmx liġi.” (Galatin 5:22, 23) Iva, il-​ħlewwa hija frotta tal-​ispirtu t’Alla murija minn dawk li jogħġbuh. (Salm 51:9, 10) U x’bidliet tipproduċi l-​ħlewwa! Biex nagħtu eżempju: Kien hemm raġel taʼ qattagħni jismu Tony li kien jiġġieled, jisraq, jittraffika d-​drogi, kien imexxi klikka bil-​muturi, u kien qattaʼ xi żmien fil-​ħabs. Iżda, billi akkwista għarfien mill-​Bibbja u bil-​għajnuna tal-​ispirtu t’Alla, hu nbidel f’qaddej taʼ Jehovah b’manjieri ħelwin. L-​istorja taʼ Tony hija tipika. Allura, wieħed x’jistaʼ jagħmel jekk nuqqas taʼ ħlewwa kien fattur dominanti fil-​personalità tiegħu?

11. Biex niżżviluppaw il-​ħlewwa, liema rwol għandu t-​talb?

11 Talb mill-​qalb għall-​ispirtu t’Alla u għall-​frotta tiegħu tal-​ħlewwa se jgħinna biex nikkultivaw din il-​kwalità. Aħna forsi jkollna bżonn ‘nibqgħu nistaqsu,’ bħalma qal Ġesù, u Alla Jehovah se jismaʼ t-​talba tagħna. Wara li wera li missirijiet umani jagħtu lil uliedhom affarijiet tajbin, Ġesù qal: “Jekk intom, għalkemm intom [midinbin u b’hekk b’mod komparattiv] mill-​agħar, tafu kif tagħtu rigali tajbin lil uliedkom, kemm iktar il-​Missier fis-​sema se jagħti spirtu qaddis lil dawk li qegħdin jistaqsuh!” (Luqa 11:9-13) It-​talb jistaʼ jgħinna biex nagħmlu l-​ħlewwa fattur permanenti tat-​temperament tagħna—kwalità li tikkontribwixxi għall-​hena tagħna u taʼ dawk li jassoċjaw magħna.

12. Li nżommu f’moħħna li l-​bnedmin huma imperfetti għala jistaʼ jgħinna biex inkunu kalmi?

12 Li nżommu f’moħħna li l-​bnedmin huma imperfetti jistaʼ jgħinna biex inkunu kalmi. (Salm 51:5) Aħna ma nistgħux naħsbu jew naġixxu b’mod perfett, wisq iżjed milli jistgħu nies oħra, u għalhekk għandna ċertament ikollna l-​empatija u għandna nittrattawhom kif nixtiequ niġu trattati aħna. (Mattew 7:12) Li nkunu konxji li lkoll kemm aħna nagħmlu l-​iżballji għandu jġagħalna naħfru u nkunu kalmi meta nittrattaw maʼ oħrajn. (Mattew 6:12-15; 18:21, 22) Wara kollox, m’aħniex grati aħna li Alla wera mħabba u ħlewwa lejna?—Salm 103: 10-14.

13. Kif nistgħu niġu mgħejjunin biex nikkultivaw il-​ħlewwa jekk nirrikonoxxu li Alla għamel lill-​bnedmin aġenti morali ħelsin?

13 Li nirrikonoxxu li Alla għamel lill-​bnedmin aġenti morali ħelsin jistaʼ wkoll igħinna biex nikkultivaw il-​ħlewwa. Dan ma jippermetti lil ħadd li jinjora l-​liġijiet taʼ Jehovah mingħajr konsegwenzi ħżiena, imma jippermetti varjetà fil-​gosti, dak li wieħed iħobb jew x’ma jħobbx, fost il-​poplu tiegħu. Mela ejjew nirrikonoxxu li ħadd m’hu obbligat li jidħol ġol-​forma li aħna forsi naħsbu li hi l-​aqwa waħda. Dan l-​ispirtu se jgħinna biex inkunu kalmi.

14. Inkwantu għall-​ħlewwa, x’għandha tkun id-​determinazzjoni tagħna?

14 Determinazzjoni f’li ma nabbandunawx il-​ħlewwa se tgħinna biex inkomplu nikkultivaw din il-​kwalità. Sottomissjoni lejn l-​influwenza tal-​ispirtu taʼ Jehovah ġabitilna bidla fil-​ħsieb tagħna. (Rumani 12:2) Spirtu ħelu bħal taʼ Kristu issa jgħin biex iżommna lura milli nieħdu sehem f’egħmejjel taʼ kondotta laxka, xenqiet, eċċessi fl-​inbid, xalar żejjed, logħob bix-​xorb, u idolatriji illegali.” Qatt m’għandna nabbandunaw il-​ħlewwa għal xi raġunijiet finanzjarji, soċjali, jew raġunijiet oħra jew għax in-​nies igħaddu xi rimarki offensivi dwar it-​tjieba tagħna. (1 Pietru 4:3-5) M’għandna nħallu xejn li jġagħalna nieħdu sehem fix-​“xogħlijiet tal-​laħam,” biex b’hekk nitilfu l-​ħlewwa tagħna u nonqsu li nirtu s-​Saltna t’Alla jew li ngawdu l-​barkiet tagħha. (Galatin 5:19-21) Ejjew dejjem ngħożżu l-​privileġġ li nkunu l-​uħud kalmi t’Alla, kemm jekk midlukin għall-​ħajja fis-​sema u kemm jekk għandna tama għall-​art. Għal dak il-​għan, ejjew nikkunsidraw xi benefiċċji tal-​ħlewwa.

Benefiċċji tal-​Ħlewwa

15. Skond Proverbji 14:30, għala huwa għaqli li tkun kalm?

15 Bniedem li juri ħlewwa għandu l-​kalma tal-​qalb, tal-​moħħ, u tal-​ġisem. Dan hu hekk għax hu ma jiħux sehem fi ġlied, ma jirrabjax minħabba azzjonijiet taʼ oħrajn, jew jitturmenta lilu nnifsu b’anzjetà bla waqfien. Il-​ħlewwa tgħinu jikkontrolla l-​emozzjonijiet tiegħu, u dan hu taʼ benefiċċju mentalment u fiżikament. Proverbju jgħid: “Qalb kalma hija l-​ħajja tal-​organiżmu tal-​laħam.” (Proverbji 14:30) Nuqqas taʼ ħlewwa jistaʼ jwassal għal rabja li tistaʼ ttellaʼ l-​pressjoni tad-​demm jew tikkaġuna problemi diġestivi, ażma, difetti fil-​għajnejn, u problemi oħrajn. Kristjan kalm igawdi benefiċċji varji, inkluża “l-​paċi t’Alla” li tgħasses lil qalbu u l-​qawwiet mentali tiegħu. (Filippin 4:6, 7) Kemm huwa għaqli li tkun kalm!

16-18. X’effett għandha l-​ħlewwa fuq ir-​relazzjoni tagħna maʼ oħrajn?

16 Il-​kwalità tal-​ħlewwa ttejjeb ir-​relazzjoni tagħna maʼ oħrajn. Forsi aħna darba kellna d-​drawwa li ninsistu sakemm tgħaddi tagħna. In-​nies forsi kienu jirrabjaw magħna għax konna neqsin mill-​umiltà u mill-​ħlewwa. Taħt dawn iċ-​ċirkostanzi, ma kienx ikun taʼ sorpriża għalina li kieku konna niġu nvoluti f’kontroversja wara l-​oħra. Madankollu, proverbju jgħid: “Fejn ma hemm ebda ħatab in-​nar jintefaʼ, u fejn ma hemm ebda wieħed li jikkalunnja l-​ġlied jieqaf. Bħal faħam għall-​ġamar u ħatab għan-​nar, hekk hu raġel ġelliedi biex jikkaġuna tilwima li tixgħel.” (Proverbji 26:20, 21) Jekk aħna kalmi, minflok ‘inżidu ħatab għan-​nar’ u nipprovokaw lil oħrajn, se jkollna relazzjoni tajba magħhom.

17 Bniedem kalm x’aktarx li jkollu ħbieb tajbin. In-​nies jieħdu gost jassoċjaw miegħu għaliex hu għandu attitudni pożittiva, u kliemu riffreskanti u ħelu daqs il-​għasel. (Proverbji 16:24) Dak kien veru dwar Ġesù, li setaʼ jgħid: “Ħudu l-​madmad tiegħi fuqkom u tgħallmu minni, għax jien kalm u umli fil-​qalb, u intom se ssibu serħan għal erwieħkom. Għax il-​madmad tiegħi ħanin u t-​tagħbija tiegħi ħafifa.” (Mattew 11:29, 30) Ġesù ma kienx aħrax, u l-​madmad tiegħu ma kienx oppressiv. Dawk li kienu jmorru għandu kienu jiġu stmati tajjeb u mserrħin spiritwalment. Is-​sitwazzjoni hija simili meta nassoċjaw maʼ xi ħabib Kristjan kalm.

18 Il-​ħlewwa tagħmilna egħżież għal sħabna li jemmnu. Bla dubju, il-​biċċa l-​kbira mill-​Kristjani f’Korintu saru miġbudin lejn Pawlu għax hu bil-​ħrara talabhom “bil-​ħlewwa u l-​qalb tajba tal-​Kristu.” (2 Korintin 10:1) It-​Tessalonkin żgur li wrew rispons tajjeb għall-​appostlu, peress li hu kien għalliem ġentili li juri ħlewwa. (1 Tessalonkin 2:5-8) M’hemmx dubju li l-​anzjani taʼ Efesu kienu tgħallmu ħafna mingħand Pawlu u kienu jħobbuh mill-​qalb. (Atti 20:​20, 21, 37, 38) Turi int ħlewwa li tagħmlek għażiż għal oħrajn?

19. Il-​ħlewwa kif tgħin lin-​nies taʼ Jehovah biex iżommu posthom fl-​organizzazzjoni tiegħu?

19 Temperament kalm igħin lin-​nies taʼ Jehovah biex ikunu sottomessi u biex iżommu posthom fl-​organizzazzjoni tiegħu. (Filippin 2:5-8, 12-14; Ebrej 13:17) Il-​ħlewwa żżommna lura milli nfittxu l-​glorja, li hija bbażata fuq il-​kburija u hija offensiva għal Alla. (Proverbji 16:5) Bniedem li juri ħlewwa ma jqisx lilu nnifsu superjuri għal sħabu li jemmnu, u ma jipprovax jogħla għas-​spejjeż tagħhom. (Mattew 23:​11, 12) Minflok, hu jirrikonoxxi l-​istat midneb tiegħu u l-​bżonn li għandu għall-​provvediment t’Alla tar-​rahan.

Il-​Ħlewwa Ġġib ’il Quddiem il-​Hena

20. X’effett għandha l-​ħlewwa fuq il-​ħajja tal-​familja?

20 Il-​qaddejja kollha t’Alla għandhom jiftakru li l-​ħlewwa hija frotta tal-​ispirtu tiegħu li ġġib ’il quddiem il-​hena. Per eżempju, peress li n-​nies taʼ Jehovah juru kwalitajiet bħalma huma l-​imħabba u l-​ħlewwa, familji hienja huma kotrana fosthom. Meta r-​raġel u l-​mara miżżewġin jittrattaw maʼ xulxin bil-​ħlewwa, uliedhom jiġu mrobbijin f’ambjent kalm, mhux ġo familja mirbuħa minn kliem u azzjonijiet ħorox. Meta missier jagħti pariri lil uliedu bil-​ħlewwa, dan ikollu effett tajjeb fuq l-​imħuħ teneri tagħhom, u spirtu taʼ ħlewwa x’aktarx li jsir parti mill-​personalità tagħhom. (Efesin 6:1-4) Temperament kalm igħin lil irġiel miżżewġin biex jibqgħu jħobbu lin-​nisa tagħhom. Dan igħin lil nisa miżżewġin biex ikunu sottomessi lejn żwieġhom u jqanqal lit-​tfal biex jobdu lill-​ġenituri tagħhom. Il-​ħlewwa tikkaġuna wkoll lill-​membri tal-​familja li jkollhom spirtu taʼ maħfra li jikkontribwixxi għall-​hena.—Kolossin 3:13, 18-21.

21. X’inhu s-​sugu tal-​parir li ta l-​appostlu Pawlu f’​Efesin 4:1-3?

21 Familji u individwi kalmi jġibu ’l quddiem il-​hena f’kongregazzjonijiet li jassoċjaw magħhom. Għalhekk, in-​nies taʼ Jehovah iridu jagħmlu sforz qawwi biex ikunu kalmi. Qiegħed int tagħmel dan? L-​appostlu Pawlu talab bil-​ħrara lill-​Kristjani sħabu midlukin biex jimxu kif jixraq lis-​sejħa tagħhom tas-​sema, billi jagħmlu dan ‘b’umiltà sħiħa tal-​moħħ u ħlewwa, bis-​sabar fit-​tul, billi jissaportu lil xulxin bl-​imħabba, billi jagħmlu ħilithom bil-​ħerqa biex iħarsu l-​unità tal-​ispirtu fir-​rabta li tgħaqqad tal-​paċi.’ (Efesin 4:1-3) Kristjani b’tama għall-​art iridu wkoll juru l-​ħlewwa u kwalitajiet taʼ tjieba oħrajn. Din hi l-​korsa li ġġib hena vera. Henjin tassew huma l-​kalmi!

Int Kif Twieġeb

◻ In-​nies kalmi għala huma henjin?

◻ X’ifisser li tkun kalm?

◻ Kif tistaʼ tiġi żviluppata l-​ħlewwa?

◻ Liema huma xi benefiċċji tal-​ħlewwa?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja