LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w97 5/1 pp. 18-22
  • Nidentifikaw It-Tip Xieraq taʼ Messaġġier

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Nidentifikaw It-Tip Xieraq taʼ Messaġġier
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1997
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Jehovah Jikxef Il-​Profeti Foloz
  • Messaġġi Li Jaħsduk Dwar Babilonja u Ġerusalemm
  • Alla Jwettaq Il-​Kliem tal-​Messaġġieri Tiegħu
  • L-​Aħbar Tajba Tal-​Messaġġier Għal Sijon!
  • Jehovah—“Alla Ġust u Salvatur”
    Il-Profezija ta’ Isaija—Dawl għall-Bnedmin Kollha II
  • Messaġġieri tal-Paċi Divina Ddikjarati Henjin
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1997
  • Il-Poplu t’Alla Jitlaq Minn Babilonja
    Il-Ktieb Tiegħi taʼ Stejjer mill-Bibbja
  • Il-Veru Alla Jbassar Ħelsien
    Il-Profezija ta’ Isaija—Dawl għall-Bnedmin Kollha II
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1997
w97 5/1 pp. 18-22

Nidentifikaw It-​Tip Xieraq taʼ Messaġġier

“Jiena hu li nwettaq kliem il-​qaddej tiegħi, u ntemm il-​ħsieb li jxandru l-​messaġġiera tiegħi.”—ISAIJA 44:25, 26.

1. Jehovah kif jidentifika t-​tip xieraq taʼ messaġġieri, u kif jikxef lil dawk foloz?

ALLA JEHOVAH hu l-​Identifikatur Grandjuż tal-​messaġġieri veri tiegħu. Hu jidentifikahom billi jġiegħel li jseħħu l-​messaġġi li jwassal permezz tagħhom. Jehovah hu wkoll il-​Wieħed il-​Kbir li Jikxef lill-​messaġġieri foloz. Kif jikxifhom? Hu jxejjen is-​sinjali u t-​tbassir tagħhom. B’dan il-​mod juri li huma pronostikaturi li ħatru lilhom infushom, u li l-​messaġġi tagħhom fil-​fatt ġejjin mill-​irraġunar falz tagħhom stess​—iva, il-​mod taʼ ħsieb iblah tagħhom taʼ bnedmin li huma!

2. Liema konflitt qam bejn il-​messaġġieri fi żmien l-​Israeliti?

2 Kemm Isaija u kemm Eżekjel sostnew li kienu messaġġieri t’Alla Jehovah. Hekk kienu? Ejjew naraw. Isaija pprofetizza f’Ġerusalemm minn bejn wieħed u ieħor is-​sena 778 Q.E.K. sa xi żmien wara s-​sena 732 Q.E.K. Eżekjel ġie eżiljat lejn Babilonja fis-​sena 617 Q.E.K. Hu pprofetizza lil ħutu Lhud hemmhekk. Iż-​żewġ profeti ħabbru bil-​qlubija li Ġerusalemm kellha tinqered. Profeti oħrajn qalu li Alla ma kienx se jħalli dan jiġri. Min huma dawk li wrew li kienu t-​tip xieraq taʼ messaġġieri?

Jehovah Jikxef Il-​Profeti Foloz

3, 4. (a) Liema żewġ messaġġi opposti ngħataw lil Israeliti f’Babilonja, u Jehovah kif kixef messaġġier falz? (b) Jehovah x’qal li kellu jiġrilhom il-​profeti foloz?

3 Waqt li Eżekjel kien f’Babilonja, ngħata viżjoni dwar x’kien qiegħed jiġri fit-​tempju taʼ Ġerusalemm. Fid-​daħla tiegħu fir-​rixtellu tal-​Lvant kien hemm 25 raġel. Fosthom kien hemm żewġ prinċpijiet, Ġażanija u Pelatija. Jehovah kif qieshom? Eżekjel 11:2, 3 [KŻ] iwieġeb: “O bin il-​bniedem, dawn huma l-​irġiel li jfasslu d-​deni, u jagħtu pariri ħżiena f’din il-​belt: Huma jgħidu: Ma wasalx iż-​żmien biex nibnu d-​djar?” Dawn il-​messaġġieri prużuntużi tal-​paċi kienu qegħdin jgħidu, ‘M’hemmx periklu għal Ġerusalemm. Ara, dalwaqt se nibnu iktar djar ġo fiha!’ Għalhekk Alla qal lil Eżekjel biex jipprofetizza l-​kuntrarju taʼ dawn il-​profeti giddibin. Fil-​vers 13 taʼ kapitlu 11, Eżekjel jgħidilna xi ġralu wieħed minnhom: “Malli temmejt inħabbar, Pelatija bin Benaja miet.” Dan probabbilment ġara għaliex Pelatija kien l-​iktar prinċep prominenti u influwenti u l-​perċimes fost l-​idolatri. Il-​mewt għal għarrieda tiegħu tat prova li kien profeta falz!

4 L-​esekuzzjoni taʼ Pelatija minn Jehovah ma waqqfitx lill-​profeti foloz l-​oħrajn milli jigdbu f’isem Alla. Dawn il-​qarrieqa komplew fil-​korsa tal-​ġenn tagħhom li jbassru affarijiet kontra r-​rieda t’Alla. Għalhekk Alla Jehovah qal lil Eżekjel: “Gwaj għall-​profeti boloh li jiġru wara l-​ħolm taʼ moħħhom bla ma jkunu raw xejn!” Bħal Pelatija, m’humiex se ‘jkunu għadhom hemm’ għax bi sfida raw viżjonijiet għal Ġerusalemm, “viżjonijiet taʼ sliem, u sliem ma kienx hemm.”—Eżekjel 13:3, 15, 16.

5, 6. Minkejja l-​messaġġieri foloz kollha, Isaija kif ġie vvindikat bħala li kien profeta veru?

5 Inkwantu għal Isaija, il-​messaġġi divini kollha tiegħu dwar Ġerusalemm seħħew. Fis-​sajf tas-​sena 607 Q.E.K., il-​Babilonjani qerdu l-​belt u ħadu fdal Lhudi lura lejn Babilonja bħala rsiera. (2 Kronaki 36:15-21; Eżekjel 22:28; Danjel 9:2) Żammewhom dawn il-​gwajijiet lill-​profeti foloz milli jibbombardjaw lin-​nies t’Alla bi kliem fieragħ? Le, dawk il-​messaġġieri giddibin komplew donnu qatt ma kien xejn!

6 Bħal li kieku dan ma kienx biżżejjed, l-​eżiljati Israeliti kienu wkoll esposti għal dawk li jaqraw ix-​xorti, il-​bassara, u l-​astroloġi faħħarin taʼ Babilonja. Madankollu, Jehovah ta prova li dawn il-​messaġġieri foloz kollha kienu nies boloh mifxulin, li jgħidu l-​affarijiet bil-​maqlub. Fiż-​żmien xieraq hu wera li Eżekjel kien il-​messaġġier veru tiegħu, bħalma kien Isaija. Jehovah wettaq il-​kliem kollu li Hu tkellem permezz tagħhom, preċiżament bħalma wiegħed: “Jiena hu li nxejjen is-​sinjali tas-​saħħara; u noħroġ taʼ boloh il-​ħabbarin, li nraġġaʼ lura lill-​għorrief, u għerfhom nagħmlu bluha. Jiena hu li nwettaq kliem il-​qaddej tiegħi, u ntemm [“nwettaq għalkollox,” NW] il-​ħsieb li jxandru l-​messaġġiera tiegħi.”—Isaija 44:25, 26.

Messaġġi Li Jaħsduk Dwar Babilonja u Ġerusalemm

7, 8. Isaija kellu liema messaġġ imnebbaħ għal Babilonja, u kliemu x’kien ifisser?

7 Ġuda u Ġerusalemm kellhom isiru ħerba, mingħajr ebda abitant uman, għal 70 sena. Madankollu, Jehovah iddikjara permezz taʼ Isaija u Eżekjel li l-​belt kellha tiġi mibnija mill-​ġdid u l-​art abitata fiż-​żmien preċiż li hu kien bassar! Din kienet tbassira taʼ l-​għaġeb. Għala? Għaliex Babilonja kienet magħrufa bħala li qatt ma teħles lill-​priġunieri tagħha. (Isaija 14:4, 15-17) Għalhekk, min setaʼ possibilment jilliberahom lil dawn l-​irsiera? Min setaʼ jegħleb lil Babilonja s-​setgħana, bis-​swar kolossali u s-​sistema taʼ difiża mix-​xmara tagħha? Jehovah li Jistaʼ Kollox setaʼ! U hekk qal li kellu jagħmel: “Jiena hu li ngħid lil qiegħ il-​baħar [jiġifieri, id-​difiża bl-​ilma tal-​belt], ‘Inxef! U nnixxef ix-​xmajjar tiegħek.’ Jiena hu li ngħid lil Ċiru: ‘Int tkun ir-​ragħaj tiegħi, li jtemm [‘iwettaq għalkollox,’ NW] ix-​xewqat tiegħi.’ U jgħid għal Ġerusalemm: ‘Ħa tinbena,’ u għat-​tempju: ‘Ħa jqiegħdu l-​pedament.’”—Isaija 44:27, 28.

8 Aħseb ftit! Ix-​Xmara Ewfrat, xkiel verament formidabbli għall-​bnedmin, kienet għal Jehovah bħal qatra ilma fuq xi ħaġa tikwi! F’ħakka t’għajn, ix-​xkiel kien se jevapora! Babilonja kienet se taqaʼ. Għalkemm kien madwar 150 sena qabel it-​twelid taʼ Ċiru l-​Persjan, Jehovah ġiegħel lil Isaija jbassar kif is-​sultan kellu jikkonkwista lil Babilonja u jillibera lill-​irsiera Lhud billi jawtorizza r-​ritorn tagħhom biex jibnu mill-​ġdid lil Ġerusalemm u lit-​tempju tagħha.

9. Jehovah lil min innomina bħala l-​aġent tiegħu biex jikkastiga lil Babilonja?

9 Insibu din il-​profezija f’Isaija 45:1-3: “Dan jgħid il-​Mulej lill-​midluk tiegħu, lil Ċiru li qbadt minn idu l-​leminija biex inrażżan il-​ġnus quddiemu, . . . niftaħ il-​bibien quddiemu u ebda bieb ma jibqaʼ magħluq: ‘Quddiemek nimxi jien, u l-​mogħdijiet imħattba tiegħek inwittilek; [i]nċarrat il-​bibien tal-​bronż, u l-​istaneg tal-​ħadid inqattaʼ. Nagħtik it-​teżori fid-​dlam moħbija, il-​ħażniet fil-​moħbiet mistura, biex tkun taf li jien il-​Mulej, Alla taʼ Iżrael, li sejjaħtlek b’ismek.’”

10. Ċiru b’liema mod kien “midluk,” u kif setaʼ Jehovah ikellmu iktar minn mitt sena qabel it-​twelid tiegħu?

10 Innota li Jehovah ikellem lil Ċiru bħal li kieku kien diġà ħaj. Dan huwa f’armonija maʼ l-​istqarrija taʼ Pawlu li Jehovah “[i]sejjaħ fl-​eżistenza lil dak li ma jeżistix.” (Rumani 4:17) Ukoll, Alla jidentifika lil Ċiru bħala “l-​midluk tiegħu.” Dan għala għamlu? Wara kollox, il-​qassis il-​kbir taʼ Jehovah qatt ma sawwab xi żejt qaddis tad-​dlik fuq ras Ċiru. Veru, imma dan huwa dlik profetiku. Jindika ħatra għal kariga speċjali. Għalhekk Alla setaʼ jitkellem dwar din il-​ħatra bil-​quddiem taʼ Ċiru bħala dlik.​—Qabbel 1 Slaten 19:15-17; 2 Slaten 8:13.

Alla Jwettaq Il-​Kliem tal-​Messaġġieri Tiegħu

11. L-​abitanti taʼ Babilonja għala ħassewhom fis-​sigurtà?

11 Fiż-​żmien meta Ċiru telaʼ kontra Babilonja, iċ-​ċittadini tagħha ħassewhom ferm protetti u fis-​sigurtà. Il-​belt tagħhom kienet imdawra b’foss protettiv li kien fond u wiesaʼ, ifformat mix-​Xmara Ewfrat. Fejn ix-​xmara kienet tgħaddi minn nofs il-​belt, kien hemm moll kontinwu matul ix-​xatt fuq il-​Lvant tax-​xmara. Biex jifridha mill-​belt, Nebukadneżżar bena dak li hu sejjaħlu “sur kbir, li bħal muntanja, ma jistax jiġi mċaqlaq . . . Il-​quċċata tiegħu [hu] għollieha daqs għoli taʼ muntanja.”a Dan is-​sur kellu xtiebi bil-​bibien kbar tal-​bronż. Biex wieħed jidħol minnhom, kellu jitlaʼ t-​telgħa mix-​xifer tax-​xmara. Mhux taʼ b’xejn li l-​priġunieri taʼ Babilonja kellhom qalbhom maqtugħa li qatt xi darba kienu se jinħelsu!

12, 13. Il-​kliem taʼ Jehovah permezz tal-​messaġġier tiegħu Isaija, kif seħħ meta Babilonja waqgħet f’idejn Ċiru?

12 Imma mhux dawk l-​irsiera Lhud li kellhom fidi f’Jehovah! Huma kellhom tama sabiħa. Permezz tal-​profeti tiegħu, Alla kien wiegħed li jilliberahom. Alla kif wettaqha l-​wegħda tiegħu? Ċiru ordna lill-​armati tiegħu biex idawru r-​rotta tax-​Xmara Ewfrat x’imkien bosta mili lejn it-​Tramuntana taʼ Babilonja. B’hekk, id-​difiża ewlenija tal-​belt ġiet mibdula f’qiegħ taʼ xmara relattivament xott. Fil-​lejl kruċjali, xalaturi fis-​sakra f’Babilonja bi traskuraġni ħallew il-​bibien taʼ bi tnejn matul ix-​xatt taʼ l-​Ewfrat miftuħin. Jehovah ma kissirx f’biċċiet il-​bibien tar-​ram litteralment; lanqas ma qaċċat l-​istaneg tal-​ħadid li kienu jagħlquhom bihom, imma l-​immanuvrar meraviljuż tiegħu biex jinżammu miftuħin u bla staneg kellu l-​istess effett. Is-​swar taʼ Babilonja kienu bla siwi! It-​truppi taʼ Ċiru ma kellhomx għalfejn jixxabbtu magħhom biex jidħlu ġewwa. Jehovah mar quddiem Ċiru, iwitti “l-​mogħdijiet imħattba,” iva, l-​ostakli kollha. Isaija ġie muri li kien il-​messaġġier veru t’Alla.

13 Meta Ċiru kellu kontroll sħiħ fuq il-​belt, it-​teżori kollha tagħha waqgħu f’idejh, inklużi dawk moħbijin fi kmamar mudlama u misturin. Alla Jehovah għala għamel dan għal Ċiru? Sabiex ikun jaf li Jehovah, ‘dak li sejjaħlu b’ismu,’ hu dak Alla tal-​profezija vera u l-​Mulej Sovran taʼ l-​univers. Kien se jkun jaf li Alla kien irranġalu biex hu jieħu s-​setgħa biex jillibera lill-​poplu Tiegħu, Israel.

14, 15. Kif nafu li Ċiru kellu rebħa fuq Babilonja bis-​saħħa taʼ Jehovah?

14 Agħti widen għall-​kliem taʼ Jehovah lil Ċiru: “Minħabba Ġakobb, il-​qaddej tiegħi, u Iżrael, il-​maħtur tiegħi, jien sejjaħtlek b’ismek. Tajtek isem taʼ ġieħ għad li lanqas tafni. Jien il-​Mulej, m’hemmx ieħor ħliefi, m’hemmx Alla ieħor għajri. Jien ħażżimtek għad li lanqas tafni, biex mnejn titlaʼ x-​xemx safejn tinżel, il-​bnedmin jagħrfu li m’hemm ħadd ħliefi. Jiena l-​Mulej, m’hemmx ieħor ħliefi. Jien sawwart id-​dawl u ħlaqt id-​dlam; jien nagħmel ir-​riżq [jiġifieri, għall-​poplu eżiljat tiegħu] u noħloq id-​deni [għall-Babilonja]; jiena l-​Mulej, li nagħmel dan kollu.”—Isaija 45:4-7.

15 Ċiru kkonkwista lil Babilonja bis-​saħħa taʼ Jehovah, għax Hu kien li saħħu biex iwettaq l-​għaxqa Tiegħu kontra dik il-​belt mill-​agħar u jeħles lill-​poplu mjassar Tiegħu. F’li jagħmel dan, Alla ordna lis-​smewwiet tiegħu biex jitfgħu xita taʼ influwenzi jew forzi taʼ tjieba. Ordna lill-​art tiegħu biex tinfetaħ u tipproduċi ġrajjiet taʼ tjieba u salvazzjoni għall-​poplu eżiljat tiegħu. U s-​smewwiet u l-​art figurattivi tiegħu obdewh dan il-​kmand. (Isaija 45:8) Iktar minn mitt sena wara mewtu, Isaija ġie muri li kien il-​messaġġier veru taʼ Jehovah!

L-​Aħbar Tajba Tal-​Messaġġier Għal Sijon!

16. Liema aħbar tajba setgħet tiġi pproklamata fil-​belt magħmula ħerba taʼ Ġerusalemm meta Babilonja ġiet mirbuħa għalkollox?

16 Imma hemm iktar minn hekk. Isaija 52:7 jitkellem dwar aħbar tajba għal Ġerusalemm: “Kemm huma sbieħ fuq il-​muntanji r-​riġlejn taʼ min iħabbar il-​bxara, taʼ min ixandar is-​sliem, taʼ min iħabbar ir-​riżq, taʼ min ixandar is-​salvazzjoni, u jgħid lil Sijon: ‘Alla tiegħek isaltan!’” Immaġina kemm kien kommoventi li tara messaġġier ġej lejn Ġerusalemm mill-​muntanji! Bil-​fors li jġorr xi aħbar. X’inhi? Hija aħbar eċċitanti għal Sijon. Aħbar taʼ paċi, iva, aħbar dwar ir-​rieda tajba t’Alla. Ġerusalemm u t-​tempju tagħha kellhom jiġu mibnijin mill-​ġdid! U l-​messaġġier jipproklama b’entużjażmu trijonfanti: “Alla tiegħek isaltan!”

17, 18. Il-​fatt li Babilonja ġiet megħluba minn Ċiru kif effettwa l-​isem taʼ Jehovah stess?

17 Meta Jehovah ħalla lill-​Babilonjani jegħlbu t-​tron tipiku tiegħu li fuqu poġġew is-​slaten mil-​linja taʼ David, dan setaʼ deher li Hu ma kienx għadu Sultan. Minflok, Marduk, l-​alla ewlieni taʼ Babilonja, deher li kien is-​sultan. Madankollu, meta Alla taʼ Sijon għeleb lil Babilonja, hu wera s-​sovranità universali tiegħu​—li hu kien l-​aqwa Sultan. U biex jiġi enfasizzat dan il-​fatt, Ġerusalemm, “[i]l-Belt tas-​Sultan il-​kbir,” kellha tiġi stabbilita mill-​ġdid, flimkien mat-​tempju tagħha. (Mattew 5:35) Inkwantu għall-​messaġġier li ġab aħbar sabiħa bħal din, għalkemm saqajh mimlijin trab, maħmuġin, u mbenġlin, f’għajnejn dawk li jħobbu lil Sijon u lil dak Alla tagħha, dawn kienu jidhru, tabilħaqq sbieħ!

18 F’sens profetiku, il-​waqgħa taʼ Babilonja kienet tfisser li s-​Saltna t’Alla ġiet stabbilita u dak li kien iġorr aħbar tajba kien xandâr taʼ dak il-​fatt. Barra minn hekk, dan il-​kurrier tal-​qedem, imbassar permezz taʼ Isaija, iffigura bil-​quddiem messaġġier t’aħbar tajba iktar grandjuża​—iktar grandjuża minħabba l-​kontenut sublimi tagħha u t-​tema tagħha tas-​Saltna, b’implikazzjonijiet meraviljużi għan-​nies kollha taʼ fidi.

19. Jehovah ta liema messaġġ dwar l-​art taʼ Israel permezz taʼ Eżekjel?

19 Eżekjel ukoll ngħata profeziji li jibbrillaw taʼ restawr. Hu pprofetizza: “Dan jgħid Sidi l-​Mulej: ‘. . . ngħammar mill-​ġdid l-​ibliet tagħkom u nibni mill-​ġdid il-​ħerbiet tagħkom . . . U kulħadd jgħid: “L-​art li kienet imħarbta issa qisha l-​ġnien taʼ l-​Għeden.”’”—Eżekjel 36:33, 35.

20. Isaija liema tħeġġiġ ferrieħi ta b’mod profetiku lil Ġerusalemm?

20 Fil-​jasar Babilonjan, in-​nies t’Alla kienu qegħdin jitnikktu minħabba Sijon. (Salm 137:1) Issa, setgħu jithennew. Isaija ħeġġiġhom: “Intom, ħerbiet taʼ Ġerusalemm, għajjtu lkoll bil-​ferħ, għax farraġ il-​Mulej il-​poplu tiegħu, feda lil Ġerusalemm. Kixef il-​Mulej id-​driegħ tiegħu qaddis, quddiem il-​ġnus kollha, u raw it-​truf kollha taʼ l-​art is-​salvazzjoni taʼ Alla tagħna.”—Isaija 52:9, 10.

21. Il-​kliem f’Isaija 52:9, 10 kif twettaq wara li Babilonja ġiet megħluba?

21 Iva, il-​poplu magħżul taʼ Jehovah kellu raġun kbir għall-​ferħ. Issa kienu sejrin jokkupaw mill-​ġdid dawk il-​postijiet li darba kienu ħerba, billi mill-​ġdid iġagħluhom isiru bħall-​ġnien t’Għeden. Jehovah kien ‘kixef id-​driegħ qaddis tiegħu’ għan-​nom tagħhom. Hu xammar il-​komma, biex ngħidu hekk, biex setaʼ jaħdem ħalli jġibhom lura lejn il-​maħbuba art twelidhom. Dan ma kienx xi inċident żgħir fl-​istorja, li ħadd ma ntebaħ bih. Le, in-​nies kollha li kienu jgħixu f’dak iż-​żmien raw id-​‘driegħ mikxuf’ t’Alla jeżerċita l-​qawwa fi kwistjonijiet umani sabiex iġib salvazzjoni li tgħaġġeb taʼ ġens. Huma ngħataw prova impekkabbli li Isaija u Eżekjel kienu l-​messaġġieri veri taʼ Jehovah. Ħadd ma setaʼ jiddubita li dak Alla taʼ Sijon kien l-​uniku Alla ħaj u veru fl-​art kollha. F’Isaija 35:2, naqraw: “Għad jaraw is-​sebħ tal-​Mulej, il-​ġmiel taʼ Alla tagħna.” Dawk li aċċettaw din l-​evidenza tad-​Divinità taʼ Jehovah daru biex iqimuh.

22. (a) Aħna għal xiex għandna nkunu grati llum? (b) Għala għandna nkunu speċjalment grati li Jehovah jikxef lill-​messaġġieri foloz?

22 Kemm għandna nkunu grati li Jehovah jidentifika lill-​messaġġieri veri tiegħu! Hu tabilħaqq dak ‘li jwettaq kliem il-​qaddej tiegħu, u jtemm [‘iwettaq għalkollox,’ NW] il-​ħsieb li jxandru l-​messaġġiera tiegħu.’ (Isaija 44:26) Il-​profeziji taʼ restawr li ta lil Isaija u lil Eżekjel juru ċar l-​imħabba kbira, il-​qalb tajba mhix mistħoqqa, u l-​ħniena tiegħu lejn il-​qaddejja tiegħu. Verament, Jehovah jixraqlu t-​tifħir kollu tagħna għal dan! U aħna llum għandna nkunu speċjalment grati li hu jikxef lill-​messaġġieri foloz. Dan huwa għaliex hemm ħafna minnhom issa fix-​xena dinjija. Il-​messaġġi esaġerati tagħhom jinjoraw l-​iskopijiet imħabbrin taʼ Jehovah. L-​artiklu li jmiss se jgħinna nidentifikaw lil dawk il-​messaġġieri foloz. (w97 5/1)

[Nota taʼ taħt]

a The Monuments and the Old Testament, minn Ira Maurice Price, 1925.

Tistaʼ Tispjega?

◻ Jehovah kif jidentifika l-​messaġġieri veri tiegħu?

◻ Permezz taʼ Isaija, Jehovah lil min innomina bħala l-​aġent tiegħu biex jegħleb lil Babilonja?

◻ Kif twettqu l-​profeziji taʼ Isaija li jiddeskrivu l-​fatt li Babilonja ġiet megħluba?

◻ Il-​fatt li Babilonja ġiet megħluba liema riżultat tajjeb kellu fuq l-​isem taʼ Jehovah?

[Stampa f’paġna 19]

F’għajnejn il-​ġnus taʼ żmien Eżekjel, Babilonja kienet tidher li ħadd ma setaʼ jikkonkwistaha

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja