Jehovah—Alla li Jgħallem
“Huma lkoll se jkunu mgħallmin minn Jehovah.”—ĠWANN 6:45.
1. Ġesù x’qiegħed jagħmel issa f’Kapernahum?
ĠESÙ KRISTU kien riċentement wettaq mirakli u issa jidher jgħallem f’sinagoga f’Kapernahum, ħdejn il-Baħar tal-Galilija. (Ġwann 6:1-21, 59) Ħafna jesprimu nuqqas taʼ twemmin meta jgħid: “Jien inżilt mis-sema.” Huma jgergru: “M’huwiex dan Ġesù bin Ġużeppi, li missieru u ommu nafuhom aħna? Kif inhu li issa jgħid, ‘Jien inżilt mis-semaʼ?” (Ġwann 6:38, 42) Billi jċanfarhom, Ġesù jipproklama: “Ebda bniedem ma jistaʼ jiġi għandi jekk il-Missier, li bagħatni, ma jiġbdux; u jien se nirxoxtah fl-aħħar jum.”—Ġwann 6:44.
2. Liema bażi hemm biex nemmnu l-wegħda taʼ Ġesù dwar l-irxoxt?
2 X’wegħda meraviljuża—li tiġi rxoxtat fl-aħħar jum, meta taħkem is-Saltna t’Alla! Nistgħu nemmnu din il-wegħda għaliex hija appoġġjata mill-Missier, Alla Jehovah. (Ġob 14:13-15; Isaija 26:19) Tabilħaqq, Jehovah, li jgħallem li l-mejtin se jqumu, hu “l-aqwa għalliem minnhom kollha.” (Ġob 36:22, Today’s English Version) Billi jiffoka fuq it-tagħlim tal-Missier, Ġesù mbagħad jgħid: “Huwa miktub fil-Profeti, ‘U huma lkoll se jkunu mgħallmin minn Jehovah.’”—Ġwann 6:45.
3. Liema mistoqsijiet se nikkunsidraw?
3 Ċertament, ikun privileġġ li tkun fost dawk li dwarhom il-profeta Isaija kiteb: “Uliedek subjien kollha se jkunu persuni mgħallmin minn Jehovah.” (Isaija 54:13) Nistgħu aħna nkunu? Min huma dawk li kienu bħala wlied subjien għalih u rċevew it-tagħlim tiegħu? X’inhu tagħlim vitali taʼ Jehovah li għandna nkunu nafu u naġixxu fuqu biex nirċievu l-barka tiegħu? Jehovah kif għallem fil-passat, u għadu hu jgħallem bl-istess mod illum? Dawn huma mistoqsijiet li se nikkunsidraw.
Missier, Għalliem, Raġel Miżżewweġ
4. Min kienu l-ewwel ulied subjien taʼ Jehovah li rċevew it-tagħlim tiegħu?
4 Jehovah sar għall-ewwel darba kemm Missier kif ukoll Għalliem meta ħalaq lill-Iben uniġenitu tiegħu, Ġesù qabel ma sar bniedem. Dan il-wieħed hu msejjaħ “il-Kelma” għaliex hu l-Kelliemi Ewlieni taʼ Jehovah. (Ġwann 1:1, 14; 3:16) Il-Kelma qeda ‘ħdejn [il-Missier] bħala mgħallem,’ u tgħallem sewwa mit-tagħlim taʼ Missieru. (Proverbji 8:22, 30) Fil-fatt, sar l-Aġent, jew il-mezz, li permezz tiegħu l-Missier ħalaq l-affarijiet l-oħrajn kollha, inklużi “wlied Alla” spirti. Kemm żgur li thennew li jkunu mgħallmin minn Alla! (Ġob 1:6; 2:1; 38:7; Kolossin 1:15-17) Iktar tard, l-ewwel uman, Adam, ġie maħluq. Hu wkoll kien “bin Alla,” u l-Bibbja tirrivela li Jehovah tah struzzjoni.—Luqa 3:38; Ġenesi 2:7, 16, 17.
5. Liema privileġġ prezzjuż intilef minn Adam, u madankollu Jehovah lil min għallem, u għala?
5 B’sogħba, Adam, bid-diżubbidjenza volontarja tiegħu, tilef il-privileġġ li jibqaʼ jkun bin Alla. Id-dixxendenti tiegħu, għalhekk, ma setgħux ikollhom bi dritt ir-relazzjoni li jkunu wlied Alla sempliċement fuq il-bażi taʼ twelid. Madankollu, Jehovah għallem lil umani imperfetti li fittxewh għall-gwida. Noè, per eżempju, ta prova li kien “raġel twajjeb” li “mexa maʼ dak Alla veru,” u għalhekk Jehovah struwixxa lil Noè. (Ġenesi 6:9, 6:13–7:5) Bl-ubbidjenza tiegħu, Abraham ta prova tiegħu nnifsu li kien “il-ħabib taʼ Jehovah,” u għalhekk hu wkoll kien mgħallem minn Jehovah.—Ġakbu 2:23; Ġenesi 12:1-4; 15:1-8; 22:1, 2.
6. Jehovah lil min kien sar iqis bħala ‘ibnu,’ u liema xorta t’għalliem kien għalihom?
6 Ħafna iżjed wara, fi żmien Mosè, Jehovah daħal f’relazzjoni taʼ patt mal-ġens taʼ Iżrael. Bħala riżultat, dak il-ġens sar il-poplu magħżul tiegħu u kien meqjus bħala ‘ibnu.’ Alla qal: “Iżrael hu ibni.” (Eżodu 4:22, 23; 19:3-6; Dewteronomju 14:1, 2) Fuq il-bażi taʼ dik ir-relazzjoni taʼ patt, l-Iżraeliti setgħu jgħidu, kif iddokumentat mill-profeta Isaija: “Int, O Jehovah, int Missierna.” (Isaija 63:16) Jehovah assuma r-responsabbiltà tiegħu taʼ missier u b’imħabba għallem lit-tfal tiegħu, Iżrael. (Salm 71:17; Isaija 48:17, 18) Fil-fatt, meta ma baqgħux leali, appellalhom bil-ħniena: “Irritornaw, O intom ulied xellerati.”—Ġeremija 3:14.
7. Iżrael x’relazzjoni kellu maʼ Jehovah?
7 Bħala konsegwenza tar-relazzjoni taʼ patt maʼ Iżrael, Jehovah b’mod figurattiv sar ukoll ir-Raġel Miżżewweġ tal-ġens, u dan sar il-mara figurattiva tiegħu. Dwarha l-profeta Isaija kiteb: “Il-Grandjuż li Għamlek hu sidek bħala żewġek, billi Jehovah taʼ l-armati huwa ismu.” (Isaija 54:5; Ġeremija 31:32) Għalkemm Jehovah b’mod onorabbli wettaq l-irwol tiegħu bħala Raġel Miżżewweġ, il-ġens taʼ Iżrael sar mara miżżewġa mhix leali. “Bħalma mara miżżewġa telqet bi tradiment lis-sieħeb tagħha,” Jehovah qal, “hekk int, O dar taʼ Iżrael, ittrattajt bi tradiment miegħi.” (Ġeremija 3:20) Jehovah baqaʼ jappella lill-ulied subjien taʼ martu li ma baqgħetx leali; hu baqaʼ jkun “l-Għalliem Grandjuż” tagħhom.—Isaija 30:20; 2 Kronaki 36:15.
8. Għalkemm Iżrael bħala ġens ġie miċħud minn Jehovah, liema mara miżżewġa figurattiva antitipika għad għandu?
8 Meta d-dar taʼ Iżrael ċaħdet u qatlet lil Ibnu, Ġesù Kristu, Alla finalment ċaħad lilha. Mela dak il-ġens Lhudi ma kienx iktar mara miżżewġa figurattiva għalih, lanqas ma kien hu l-Missier u l-Għalliem taʼ l-ulied subjien żvijati tagħha. (Mattew 23:37, 38) Madankollu, Iżrael kienet biss mara miżżewġa tipika, jew simbolika. L-appostlu Pawlu kkwota lil Isaija 54:1, li jitkellem dwar “mara ħawlija” li hi differenti u distinta mill-“mara b’raġel bħala sidha,” il-ġens taʼ Iżrael naturali. Pawlu jirrivela li Kristjani midlukin huma tfal tal-“mara ħawlija,” li hu jsejħilha “Ġerusalemm taʼ fuq.” Din il-mara figurattiva antitipika tikkonsisti fl-organizzazzjoni tas-sema t’Alla taʼ ħlejjaq spirti.—Galatin 4:26, 27.
9. (a) Ġesù għal min kien qiegħed jirreferi meta tkellem dwar ‘uliedek subjien jiġu mgħallmin minn Jehovah’? (b) In-nies fuq liema bażi jsiru wlied spiritwali t’Alla?
9 B’hekk, fis-sinagoga taʼ Kapernahum, meta Ġesù kkwota l-profezija taʼ Isaija: “Uliedek subjien kollha se jkunu persuni mgħallmin minn Jehovah,” kien qiegħed jitkellem dwar dawk li kellhom ikunu ‘wlied’ “Ġerusalemm taʼ fuq,” l-organizzazzjoni bħal mara miżżewġa tas-sema t’Alla. Billi jaċċettaw it-tagħlim tar-rappreżentant t’Alla mis-sema, Ġesù Kristu, dawk is-semmiegħa Lhud setgħu jsiru tfal tal-mara tas-sema t’Alla li qabel kienet ħawlija u jifformaw “ġens qaddis,” l-“Iżrael t’Alla” spiritwali. (1 Pietru 2:9, 10; Galatin 6:16) Billi ddeskriva l-opportunità grandjuża li Ġesù għamel disponibbli biex isiru wlied subjien spiritwali t’Alla, l-appostlu Ġwanni kiteb: “Hu ġie f’daru stess, imma niesu stess ma daħħluhx ġewwa. Madankollu, dawk kollha li laqgħuh, lilhom ta l-awtorità li jsiru t-tfal t’Alla, għaliex kienu qegħdin jeżerċitaw fidi f’ismu.”—Ġwann 1:11, 12.
Tagħlim Vitali Taʼ Jehovah
10. Immedjatament wara l-irvell f’Għeden, Jehovah x’għallem rigward iż-“żerriegħa,” u dan iż-Żerriegħa min ta prova li kien?
10 Jehovah, bħala Missier taʼ mħabba, jinforma lit-tfal tiegħu dwar l-iskopijiet tiegħu. B’hekk, meta anġlu ribelluż ħajjar lill-ewwel koppja umana biex ma jobdux, Jehovah immedjatament informahom dwar x’kellu jagħmel biex iwettaq l-iskop tiegħu li jagħmel l-art ġenna. Qal li kellu jqiegħed mibgħeda bejn “is-serpent oriġinali,” li huwa Satana x-Xitan, “u l-mara.” Imbagħad spjega li ż-“żerriegħa” tal-mara kellu jbenġel lil Satana b’mod fatali, “fir-ras.” (Ġenesi 3:1-6, 15; Rivelazzjoni 12:9; 20:9, 10) Bħalma nnotajna, il-mara—iktar tard identifikata bħala “Ġerusalemm taʼ fuq”—hija l-organizzazzjoni tas-sema t’Alla taʼ ħlejjaq spirti. Imma min hu ż-“żerriegħa” tagħha? Hu l-Iben t’Alla, Ġesù Kristu, il-wieħed mibgħut mis-sema u l-wieħed li eventwalment se jeqred lil Satana.—Galatin 4:4; Ebrej 2:14; 1 Ġwann 3:8.
11, 12. Jehovah kif espanda fuq it-tagħlim vitali tiegħu rigward iż-“żerriegħa”?
11 Jehovah espanda fuq dan it-tagħlim vitali rigward iż-“żerriegħa” meta wiegħed lil Abraham: “Jien żgur li se nimmultiplika liż-żerriegħa tiegħek bħall-kwiekeb tas-smewwiet . . . U permezz taż-żerriegħa tiegħek il-ġnus kollha taʼ l-art ċertament li se jbierku lilhom infushom.” (Ġenesi 22:17, 18) Jehovah uża lill-appostlu Pawlu biex jispjega li Ġesù Kristu hu l-imwiegħed Żerriegħa t’Abraham imma li oħrajn ukoll kellhom isiru parti miż-“żerriegħa.” “Jekk intom tappartjenu lil Kristu,” kiteb Pawlu, “intom tassew iż-żerriegħa t’Abraham, werrieta b’referenza għal wegħda.”—Galatin 3:16, 29.
12 Jehovah irrivela wkoll li Kristu, iż-Żerriegħa, kellu jiġi mil-linja rjali taʼ Ġuda u li lilu “se tappartjeni l-ubbidjenza tal-popli.” (Ġenesi 49:10) Rigward is-Sultan David tat-tribù taʼ Ġuda, Jehovah wiegħed: “Jien ċertament li se nistabbilixxi liż-żerriegħa tiegħu għal dejjem u t-tron tiegħu bħall-jiem tas-sema. Iż-żerriegħa tiegħu nfisha se tagħti prova li hija saħansitra għal żmien indefinit, u t-tron tiegħu bħax-xemx quddiemi.” (Salm 89:3, 4, 29, 36) Meta l-anġlu Gabrijel ħabbar it-twelid taʼ Ġesù, spjega li t-tifel kien il-Ħakkiem maħtur t’Alla, iż-Żerriegħa taʼ David. “Dan il-wieħed se jkun kbir u se jkun imsejjaħ Bin l-Iktar Għoli,” qal Gabrijel, “u Alla Jehovah se jagħtih it-tron taʼ David missieru, . . . u ma se jkun hemm ebda tmiem għas-saltna tiegħu.”—Luqa 1:32, 33; Isaija 9:6, 7; Danjel 7:13, 14.
13. Biex nirċievu l-barka taʼ Jehovah, kif irridu nwieġbu għat-tagħlim tiegħu?
13 Sabiex nirċievu l-barka taʼ Jehovah, irridu nkunu nafu dan it-tagħlim vitali dwar is-Saltna t’Alla u naġixxu fuqu. Irridu nemmnu li Ġesù niżel mis-sema, li hu s-Sultan maħtur t’Alla—iż-Żerriegħa rjali li se jindokra r-restawrazzjoni tal-Ġenna fuq l-art—u li se jirxoxta lill-mejtin. (Luqa 23:42, 43; Ġwann 18:33-37) F’Kapernahum meta Ġesù tkellem dwar li jirxoxta l-mejtin, kellu jkun evidenti għal-Lhud li hu tkellem il-verità. Iva, ftit ġimgħat biss qabel, wisq probabbli hemmhekk stess f’Kapernahum, kien irxoxta lit-tifla taʼ 12-il sena taʼ wieħed uffiċjal li jippresiedi tas-sinagoga! (Luqa 8:49-56) Ċertament aħna wkoll għandna kull raġuni biex nemmnu u naġixxu f’armonija mat-tagħlim taʼ Jehovah li jispira t-tama rigward is-Saltna tiegħu!
14, 15. (a) Kemm hija importanti s-Saltna taʼ Jehovah għal Ġesù? (b) X’jeħtieġ li nifhmu u nkunu kapaċi nispjegaw dwar is-Saltna taʼ Jehovah?
14 Ġesù ddedika l-ħajja tiegħu fuq l-art biex jgħallem dwar is-Saltna t’Alla. Għamilha t-tema tal-ministeru tiegħu, u saħansitra struwixxa lis-segwaċi tiegħu biex jitolbu għaliha. (Mattew 6:9, 10; Luqa 4:43) Lhud naturali kienu intitolati biex ikunu “wlied is-saltna,” imma minħabba nuqqas taʼ fidi, il-biċċa l-kbira minnhom tilfu dak il-privileġġ. (Mattew 8:12; 21:43) Ġesù rrivela li “merħla ċkejkna” biss jirċievu l-privileġġ li jsiru “wlied is-saltna.” Dawn l-‘ulied subjien’ isiru “werrieta bi sħab maʼ Kristu” fis-Saltna tiegħu tas-sema.—Luqa 12:32; Mattew 13:38; Rumani 8:14-17; Ġakbu 2:5.
15 Kristu kemm se jieħu werrieta tas-saltna fis-sema biex jaħkmu miegħu għal fuq l-art? 144,000 biss, skond il-Bibbja. (Ġwann 14:2, 3; 2 Timotew 2:12; Rivelazzjoni 5:10; 14:1-3; 20:4) Imma Ġesù qal li kellu “ngħaġ oħrajn,” li se jkunu ċittadini fuq l-art taʼ dik il-ħakma tas-Saltna. Dawn se jgawdu saħħa perfetta u paċi għal dejjem fuq art magħmula ġenna. (Ġwann 10:16; Salm 37:29; Rivelazzjoni 21:3, 4) Jeħtieġ li nifhmu u nkunu kapaċi nispjegaw it-tagħlim taʼ Jehovah dwar is-Saltna.
16. Liema tagħlim vitali taʼ Jehovah jeħtieġ li nitgħallmu u nipprattikaw?
16 L-appostlu Pawlu identifika tagħlim vitali ieħor taʼ Jehovah. Qal: “Intom infuskom mgħallmin minn Alla biex tħobbu lil xulxin.” (1 Tessalonkin 4:9) Biex nogħġbu lil Jehovah, jeħtieġ li nuru mħabba bħal din. “Alla hu mħabba,” tgħid il-Bibbja, u rridu nimitaw l-eżempju tiegħu f’li nuru mħabba. (1 Ġwann 4:8; Efesin 5:1, 2) B’dispjaċir, il-biċċa l-kbira tan-nies naqsu b’mod miżerabbli li jitgħallmu biex iħobbu lill-bnedmin sħabhom bħalma jgħallimna Alla biex nagħmlu. Xi ngħidu dwarna? Weġibna aħna għal dan it-tagħlim taʼ Jehovah?
17. L-attitudni taʼ min għandna nimitaw?
17 Huwa vitali li naċċettaw it-tagħlim kollu taʼ Jehovah. Jalla l-attitudni tagħna tkun dik tas-salmisti tal-Bibbja li kitbu: “Ġegħilni nkun naf mogħdijietek stess, O Jehovah; għallimni l-passaġġi tiegħek stess. Agħmilni nimxi fil-verità tiegħek u għallimni.” “Għallimni r-regolamenti tiegħek. Għallimni t-tjubija, is-sensibilità u l-għarfien infushom . . . Għallimni d-deċiżjonijiet ġudizzjarji tiegħek stess.” (Salm 25:4, 5; 119:12, 66, 108) Jekk is-sentimenti tiegħek huma l-istess bħal dawk tas-salmisti, int tistaʼ tkun fost folla vasta li huma mgħallmin minn Jehovah.
Folla Kbira Taʼ Wħud Mgħallmin
18. Il-profeta Isaija x’bassar li kellu jiġri fi żmienna?
18 Il-profeta Isaija bassar x’kellu jiġri fi żmienna: “[I]rid iseħħ fil-parti finali tal-jiem li l-muntanja tad-dar taʼ Jehovah se tiġi stabbilita fis-sod ’il fuq mill-quċċata tal-muntanji . . . U ħafna popli ċertament li se jmorru u jgħidu: ‘Ejjew u ħalli nitilgħu lejn il-muntanja taʼ Jehovah, lejn id-dar taʼ dak Alla taʼ Ġakobb; u hu se jistruwina dwar il-mogħdijiet tiegħu.’” (Isaija 2:2, 3; Mikea 4:2) Min huma dawn il-persuni mgħallmin minn Jehovah?
19. Min illum huma inklużi fost dawk mgħallmin minn Jehovah?
19 Dawn jinkludu lil oħrajn minbarra dawk li se jaħkmu fis-sema maʼ Kristu. Bħalma ġie nnotat qabel, Ġesù qal li kellu “ngħaġ oħrajn”—sudditi fuq l-art tas-Saltna—minbarra l-“merħla ċkejkna” taʼ werrieta tas-Saltna. (Ġwann 10:16; Luqa 12:32) Il-“folla kbira,” li jibqgħu ħajjin wara “t-tribulazzjoni l-kbira,” huma tal-klassi tan-ngħaġ oħrajn, u jgawdu waqfa approvata quddiem Jehovah fuq il-bażi tal-fidi tagħhom fid-demm imxerred taʼ Ġesù. (Rivelazzjoni 7:9, 14) Avolja n-ngħaġ oħrajn m’humiex inklużi direttament fost l-‘ulied subjien’ imsemmijin f’Isaija 54:13, huma mberkin b’li jiġu mgħallmin minn Jehovah. Għaldaqstant, jindirizzaw b’mod xieraq lil Alla bħala “Missier” għaliex se jkun, fil-fatt, in-Nannu tagħhom permezz tal-“Missier Etern,” Ġesù Kristu.—Mattew 6:9; Isaija 9:6.
Kif Jgħallem Jehovah
20. Jehovah b’liema modi jgħallem?
20 Jehovah jgħallem b’ħafna modi. Per eżempju, jagħmel hekk permezz tax-xogħlijiet tiegħu taʼ ħolqien, li jixhdu kemm dwar l-eżistenza tiegħu kif ukoll dwar l-għerf kbir tiegħu. (Ġob 12:7-9; Salm 19:1, 2; Rumani 1:20) Jerġaʼ, hu jgħallem permezz taʼ komunikazzjoni diretta, bħalma għamel meta struwixxa lil Ġesù qabel sar bniedem. B’mod simili, fi tliet okkażjonijiet iddokumentati, kellem dirett mis-sema lil nies fuq l-art.—Mattew 3:17; 17:5; Ġwann 12:28.
21. Jehovah liema anġlu uża b’mod partikulari bħala r-rappreżentant tiegħu, imma kif nafu li oħrajn ukoll intużaw?
21 Jehovah juża wkoll rappreżentanti anġeliċi biex jgħallem, inkluż lill-Ewwel Imwieled tiegħu, “il-Kelma.” (Ġwann 1:1-3) Għalkemm Jehovah setaʼ tkellem direttament maʼ l-iben uman perfett tiegħu, Adam, fil-ġnien t’Għeden, x’aktarx li uża lil Ġesù qabel sar bniedem biex jitkellem għaliH. (Ġenesi 2:16, 17) Dan il-wieħed probabbli kien “l-anġlu taʼ dak Alla veru li kien miexi quddiem il-kamp taʼ Iżrael” u li dwaru Jehovah ikkmanda: “Obdi lil leħnu.” (Eżodu 14:19; 23:20, 21) Bla dubju Ġesù qabel sar bniedem kien ukoll il-“prinċep taʼ l-armata taʼ Jehovah” li deher lil Ġożwè biex isaħħu. (Ġożwè 5:14, 15) Jehovah juża wkoll anġli oħrajn biex jgħaddi t-tagħlim tiegħu, bħal dawk li uża biex jagħti l-Liġi tiegħu lil Mosè.—Eżodu 20:1; Galatin 3:19; Ebrej 2:2, 3.
22. (a) Jehovah lil min uża fuq l-art biex jgħallem? (b) Liema huwa l-mezz primarju li bih Jehovah jistruwixxi lill-bnedmin illum?
22 Jerġaʼ, Alla Jehovah juża rappreżentanti umani biex jgħallem. Il-ġenituri f’Iżrael kellhom jgħallmu lit-tfal tagħhom; profeti, qassisin, prinċpijiet, u Leviti għallmu l-Liġi taʼ Jehovah lill-ġens. (Dewteronomju 11:18-21; 1 Samwel 12:20-25; 2 Kronaki 17:7-9) Ġesù kien il-Kelliem prinċipali t’Alla fuq l-art. (Ebrej 1:1, 2) Ġesù taʼ spiss qal li dak li għallem kien preċiżament dak li kien tgħallem mingħand il-Missier, u għalhekk is-semmiegħa tiegħu kienu, fil-fatt, qegħdin jiġu mgħallmin minn Jehovah. (Ġwann 7:16; 8:28; 12:49; 14:9, 10) Jehovah ġiegħel li kliemu jiġi ddokumentat, u fi żmienna jgħallem lill-bnedmin primarjament permezz taʼ din l-Iskrittura spirata.—Rumani 15:4; 2 Timotew 3:16.
23. Liema mistoqsijiet se jiġu kkunsidrati fl-artiklu li jmiss?
23 Aħna qegħdin ngħixu fi żminijiet importanti, ladarba l-Iskrittura twiegħed li ‘fil-parti finali tal-jiem [li fihom qegħdin ngħixu] ħafna popli se jiġu struwiti dwar il-mogħdijiet taʼ Jehovah.’ (Isaija 2:2, 3) Din l-istruzzjoni kif tiġi pprovduta? X’irridu nagħmlu biex nibbenefikaw mill-programm taʼ tagħlim grandjuż taʼ Jehovah, kif ukoll biex nieħdu sehem fih? Se nikkunsidraw mistoqsijiet bħal dawn fl-artiklu li jmiss. (w95 8/1)
Kif Twieġeb Int?
◻ Jehovah kif sar Missier, Għalliem, u Raġel Miżżewweġ?
◻ Jehovah x’jgħallem rigward iż-“żerriegħa”?
◻ Liema tagħlim vitali minn Alla rridu nosservaw?
◻ Jehovah kif jgħallem?
[Stampa f’paġna 23]
L-irxoxtar taʼ bint Ġajru pprovda bażi biex nemmnu l-wegħda taʼ Ġesù dwar l-irxoxt