-
“Ħadd minn Min Jgħammar Hemm Ma Jgħid: ‘Jien Marid’”Il-Profezija taʼ Isaija—Dawl għall-Bnedmin Kollha I
-
-
Fejqan
20. In-nies t’Alla se jġarrbu liema tip taʼ fejqan, u meta?
20 Din is-silta mill-profezija taʼ Isaija tagħlaq b’wegħda li tqawwi l-qalb: “Ħadd minn min jgħammar hemm ma jgħid: ‘Jien marid.’ Il-poplu li hemm fiha tinħafirlu ħżunitu.” (Isaija 33:24) Il-mard li jitkellem dwaru Isaija huwa primarjament spiritwali, għax huwa marbut mad-dnub, jew il-‘ħażen.’ Meta dan il-kliem jitwettaq għall-ewwel darba, Jehovah jwiegħed li wara li jinħelsu mill-jasar f’Babilonja, in-nies tal-ġens se jitfejqu spiritwalment. (Isaija 35:5, 6; Ġeremija 33:6; qabbel Salm 103:1-5.) Wara li jkunu nħafrulhom id-dnubiet li jkunu għamlu qabel, il-Lhud li jirritornaw se jistabbilixxu mill-ġdid il-qima safja f’Ġerusalemm.
21. L-adoraturi taʼ Jehovah llum b’liema mod iġarrbu fejqan spiritwali?
21 Madankollu, il-profezija taʼ Isaija għandha twettiq modern. Illum, in-nies taʼ Jehovah wkoll gawdew fejqan spiritwali, billi ġew meħlusin minn tagħlim falz bħalma hu l-immortalità tar-ruħ, it-Trinità, u n-nar taʼ l-infern. Huma jirċievu gwida morali, u din tilliberahom minn drawwiet immorali u tgħinhom jieħdu deċiżjonijiet tajbin. U grazzi għas-sagrifiċċju taʼ Ġesù Kristu li tħallas bħala prezz tal-fidwa, huma jidhru nodfa quddiem Alla u jgawdu kuxjenza safja. (Kolossin 1:13, 14; 1 Pietru 2:24; 1 Ġwann 4:10) Dan il-fejqan spiritwali għandu benefiċċji fiżiċi. Per eżempju, il-fatt li jevitaw is-sess immorali u l-użu taʼ prodotti tat-tabakk jipproteġi lill-Kristjani minn mard trasmess sesswalment u minn ċerti għamliet taʼ kanċer.—1 Korintin 6:18; 2 Korintin 7:1.
22, 23. (a) Isaija 33:24 xi twettiq grandjuż se jkollu fil-futur? (b) X’inhi d-determinazzjoni taʼ l-adoraturi veri llum?
22 Iktar minn hekk, se jkun hemm twettiq iktar grandjuż tal-kliem taʼ Isaija 33:24 wara Armageddon, fid-dinja l-ġdida t’Alla. Taħt il-ħakma tas-Saltna Messjanika, il-bnedmin se jġarrbu fejqan fiżiku kbir flimkien mal-fejqan spiritwali li kisbu. (Apokalissi 21:3, 4) Ftit wara l-qerda tas-sistema taʼ Satana, bla dubju mad-dinja kollha se jseħħu mirakli bħal dawk li wettaq Ġesù meta kien fuq l-art. L-għomja se jaraw, it-torox se jisimgħu, iz-zopop se jimxu! (Isaija 35:5, 6) Minħabba f’hekk, dawk kollha li jibqgħu ħajjin wara t-tribulazzjoni l-kbira se jkunu jistgħu jieħdu sehem fix-xogħol grandjuż li jġibu l-art f’kundizzjoni taʼ ġenna.
23 Iktar tard, meta jibda l-irxoxt, dawk li jiġu lura għall-ħajja bla dubju se jitqajmu f’saħħithom. Imma hekk kif il-valur tas-sagrifiċċju li tħallas bħala prezz tal-fidwa jissarraf u jinfirex dejjem iżjed, dan se jġib iktar benefiċċji fiżiċi, sakemm il-bnedmin jitgħollew għall-perfezzjoni. Imbagħad, it-twajbin se ‘jieħdu l-ħajja’ fis-sens l-iktar sħiħ. (Apokalissi 20:5, 6) F’dak iż-żmien, kemm spiritwalment u kemm fiżikament, “Ħadd minn min jgħammar hemm ma jgħid: ‘Jien marid.’” X’wegħda eċċitanti! Jalla l-adoraturi veri kollha llum jiddeċiedu li jkunu fost dawk li se jġarrbu t-twettiq taʼ din il-wegħda!
-
-
“Ħadd minn Min Jgħammar Hemm Ma Jgħid: ‘Jien Marid’”Il-Profezija taʼ Isaija—Dawl għall-Bnedmin Kollha I
-
-
[Stampa f’paġna 353]
Grazzi għas-sagrifiċċju li tħallas bħala prezz tal-fidwa, in-nies taʼ Jehovah jidhru nodfa quddiemu
[Stampa f’paġna 354]
Fid-dinja l-ġdida, se jkun hemm fejqan fiżiku kbir
-