Kapitlu 9
Profeziji Li Seħħew
Il-bnedmin ma jistgħux ibassru l-futur b’xi ċertezza. Darba wara l-oħra l-isforzi tagħħom biex ibassru fallew b’mod miżerabbli. Mela ktieb taʼ profeziji li verament seħħew għandu jiġbed l-attenzjoni tagħna. Il-Bibbja hija ktieb bħal dan.
1. (Inkludi l-introduzzjoni.) X’inhu ppruvat mill-fatt li l-Bibbja tirrekordja profeziji li seħħew?
ĦAFNA profeziji tal-Bibbja seħħew b’tant dettalji li xi kritiċi jsostnu li ġew miktubin wara li twettqu. Imma dak li jgħidu m’huwiex veru. Alla, peress li jistaʼ kollox, huwa kapaċi bis-sħiħ li jipprofetizza. (Isaija 41:21-26; 42:8, 9; 46: 8-10) Profeziji Bibliċi li seħħew huma evidenza taʼ ispirazzjoni divina, mhux taʼ kitba fit-tard. Aħna issa se nħarsu lejn xi profeziji li jispikkaw u li seħħew−u dan jipprovdi prova oħra li l-Bibbja hija l-kelma t’Alla, mhux sempliċement tal-bniedem.
L-Eżilju f’Babilonja
2, 3. Liema ħaġa wasslet lis-Sultan Ħeżekija biex juri t-teżori kollha tad-dar u d-dominju tiegħu lil xi mibgħutin minn Babilonja?
2 Ħeżekija kien sultan f’Ġerusalemm għal madwar 30 sena. Fis-sena 740 Q.E.K. hu ra b’għajnejh il-qerda taʼ Iżrael, il-ġar tiegħu lejn it-Tramuntana, minn idejn l-Assirja. Fis-sena 732 Q.E.K. hu ġarrab il-qawwa li għandu Alla biex isalva, meta l-attentat tal-Assirjani biex jikkonkwistaw lil Ġerusalemm kien falla, b’riżultati katastrofiċi għal dawk li invadew.−Isaija 37:33-38.
3 Issa, Ħeżekija qed jilqaʼ delegazzjoni minn Merodak-baladan, sultan taʼ Babilonja. Minn kif jidher minn barra, l-ambaxxaturi qegħdin hemm biex jifirħu lil Ħeżekija wara li fieq minn marda serja. X’aktarx, iżda, li Merodak-baladan iqis lil Ħeżekija bħala wieħed li jistaʼ jkun allejat kontra l-qawwa dinjija tal-Assirja. Ħeżekija ma jagħmel xejn biex iwarrab ideja bħal din meta juri lill-viżitaturi Babilonjani l-għana kollha taʼ daru u tad-dominju tiegħu. Forsi hu, ukoll, irid allejati f’każ li l-Assirjani jerġgħu lura.−Isaija 39:1, 2.
4. Isaija pprofetizza liema konsegwenza traġika għall-iżball taʼ Ħeżekija?
4 Isaija hu l-profeta li jispikka taʼ dak iż-żmien, u malajr jinduna bin-nuqqas taʼ diskrezzjoni taʼ Ħeżekija. Hu jaf li Jehovah, u mhux Babilonja, huwa l-iktar difiża żgura għal Ħeżekija, u jgħidlu li l-att tiegħu li juri l-għana tiegħu lill-Babilonjani se jwassal lejn traġedja. “Ġejjin jiem,” igħid Isaija, “u dak kollu li hemm f’darek stess u li missirijietek tal-qedem ħażnu sa dan il-jum sejjer attwalment jinġarr lejn Babilonja.” Jehovah qatagħha: “Xejn ma se jitħalla.”−Isaija 39:5, 6.
5, 6. (a) Ġeremija x’qal biex jikkonferma l-profezija taʼ Isaija? (b) Il-profeziji taʼ Isaija u taʼ ċeremija b’liema mod twettqu?
5 Lura fit-tmien seklu Q.E.K., setaʼ deher li ma tantx jistaʼ jkun li sseħħ dik il-profezija. Mitt sena wara, madankollu, is-sitwazzjoni nbidlet. Babilonja ħadet post l-Assirja bħala l-qawwa dinjija dominanti, fil-waqt li Ġuda tant sar degradanti, mill-aspett reliġjuż, li Alla ġibed lura l-barka tiegħu. Issa, profeta ieħor, Ġeremija, ġie mnebbaħ biex jirrepeti t-twissija taʼ Isaija. Ġeremija pproklama: “Jien se nġib [lill-Babilonjani] kontra din l-art u kontra l-abitanti tagħha . . . U din l-art kollha trid issir post imħarbat, oġġett taʼ stagħġib, u dawn il-ġnus se jkollhom jaqdu lis-sultan taʼ Babilonja sebgħin sena.”−Ġeremija 25:9, 11.
6 Madwar erba’ snin wara li Ġeremija lissen dik il-profezija, il-Babilonjani għamlu lil Ġuda parti mill-imperu tagħhom. Tliet snin wara dan, huma ħadu lil xi priġunieri Lhud, flimkien ma’ xi ftit mill-għana tat-tempju taʼ Ġerusalemm, lejn Babilonja. Tmien snin wara, Ġuda rvella u reġaʼ ġie invadut mis-sultan Babilonjan, Nebukadneżżar. Din id-darba, il-belt u t-tempju tagħha ġew meqrudin. Il-għana kollu tat-tempju, u l-Lhud infushom, inġarru lejn Babilonja ’l bogħod, sewwa sew bħalma Isaija u Ġeremija kienu bassru.−2 Kronaki 36:6, 7, 12, 13, 17-21.
7. L-arkeoloġija kif tagħti xiehda favur it-twettieq tal-profeziji taʼ Isaija u taʼ Ġeremija dwar Ġerusalemm?
7 The Archaeological Encyclopedia of the Holy Land tinnota li meta l-attakk Babilonjan kien spiċċa, “il-qerda tal-belt [ta’ Ġerusalemm] kienet waħda totali.”1 L-arkeologu W. F. Albright jistqarr: “L-iskavazzjoni u l-esplorazzjoni fil-wiċċ ġewwa Ġuda taw prova li l-ibliet taʼ Ġuda mhux biss kienu meqrudin għalkollox mill-Kaldin fiż-żewġ invażjonijiet tagħhom, imma ma reġgħux ġew okkupati għal ġenerazzjonijiet−spiss qatt iktar fl-istorja.”2 B’hekk, l-arkeoloġija tikkonferma t-twettieq li jkexkex taʼ din il-profezija.
Id-Destin taʼ Tir
8, 9. Eżekjel liema profezija lissen kontra Tir?
8 Eżekjel kien kittieb antik ieħor li niżżel bil-miktub profeziji mnebbħa b’mod divin. Hu pprofetizza minn tmiem is-seba’ seklu Q.E.K. sas-sitt seklu−jiġifleri, matul is-snin li wasslu għall-qerda taʼ Ġerusalemm u mbagħad matul l-ewwel egħxur taʼ snin tal-eżilju tal-Lhud f’Babilonja. Anki xi kritiċi moderni jaqblu li l-ktieb inkiteb bejn wieħed u ieħor f’dan iż-żmien.
9 Eżekjel niżżel bil-miktub profezija li tolqtok dwar il-qerda taʼ Tir, il-ġar taʼ Iżrael lejn it-Tramuntana, li kien mar minn pożizzjoni taʼ ħbiberija mal-poplu t’Alla għal waħda taʼ għadwa. (1 Slaten 5:1-9; Salm 83:2-8) Hu kiteb: “Dan hu dak li qal il-Mulej Sovran Jehovah, ‘Hawn jien kontra tiegħek, O Tir, u se nġib kontra tiegħek ħafna ġnus, sewwa sew bħalma l-baħar iġib il-mewġ tiegħu. U ċertament li se jġibu lill-ħitan taʼ Tir f’rovina u jwaqqgħu t-torrijiet tagħha, u se nobrox it-trab tagħha lil hinn minnha u nagħmilha wiċċ vojt u jiddi taʼ blata. . . . U l-ġebliet tiegħek u x-xogħol tal-injam tiegħek u t-trab tiegħek huma se jqiegħdu sewwa sew fln-nofs tal-ilma.’”−Eżekjel 26:3, 4, 12.
10-12. Il-profezija taʼ Eżekjel meta ġiet imwettqa fl-aħħarnett, u kif?
10 Dan veru ġara? Sewwa, ftit tas-snin wara li Eżekjel lissen il-profezija, is-sultan taʼ Babilonja, Nebukadneżżar, għamel assedju kontra Tir. (Eżekjel 29: 17,18) Ma kienx, madankollu, xi assedju faċli. Parti minn Tir kienet tinsab fuq l-art prinċipali (il-parti msejħa Tir tal-Qedem). Imma parti mill-belt kienet fuq gżira madwar nofs mil ’il barra mix-xatt. Nebukadneżżar dam jassedja lill-gżira għal 13-il sena sħaħ qabel ma ċediet fl-aħħarnett għalih.
11 Kien, madankollu, fis-sena 332 Q.E.K. li l-profezija taʼ Eżekjel ġiet imwettqa fl-aħħarnett fid-dettalji kollha tagħha. F’dak iż-żmien, Alessandru l-Kbir, il-konkwistatur minn Maċedonja, kien qed jinvadi lill-Asja. Tir, fis-sigurtà fil-post tagħha fuq il-gżira, irreżistietu. Alessandru ma riedx iħalli għadu potenzjali li jistaʼ jattakkah minn wara, imma ma riedx iqattaʼ snin sħaħ jassedja lil Tir, bħalma kien għamel Nebukadneżżar.
12 Kif solva din il-problema militari? Hu bena pont tal-ġebel, jew moll, minn fuq l-art prinċipali għal fuq il-gżira, u b’hekk is-suldati tiegħu setgħu jimmarċjaw għan-naħa l-oħra u jattakkaw lill-belt fuq il-gżira. Innota, iżda, x’affarijiet uża biex jibni l-moll. The Encyclopedia Americana tirrapporta: “Bit-terrapien tal-porzjon tal-art prinċipali tal-belt, li hu kien farrak biċċiet, hu bena moll enormi fit-332 biex igħaqqad lill-gżira mal-art prinċipali.” Wara assedju relattivament qasir, il-belt fuq il-gżira ġiet meqruda. Barra minn hekk, il-profezija taʼ Eżekjel ġiet imwettqa fid-dettalji kollha tagħha. Saħansitra l-‘ġebliet u x-xogħol tal-injam u t-trab’ taʼ Tir tal-qedem ġew ‘impoġġijin sewwa sew fin-nofs tal-ilma.’
13. Vjaġġatur tas-seklu 19 kif iddeskriva l-post taʼ Tir tal-qedem?
13 Vjaġġatur tas-seklu 19 ikkummenta dwar dak li kien baqaʼ minn Tir tal-qedem fi żmienu, billi qal: “Minn Tir l-oriġinali magħrufa minn Salamun u mill-profeti taʼ Iżrael, lanqas traċċa żgħira ma jibqaʼ ħlief fis-sepulkri tagħha maqtugħin fll-blat fuq il-ġnub tal-muntanja, u fil-ħitan tal-pedamenti . . . Saħansitra l-gżira, li Alessandru l-Kbir, meta assedja lill-belt, dawwarha f’peninsula billi mela l-ilma taʼ bejnha u bejn l-art prinċipali bit-terrapien, ma fiha ebda sinjali li jintgħarfu taʼ xi perijodu iktar bikri minn dak tal-Kruċjati. Il-belt moderna, li kollha kemm hi hija komparattivament ġdida, tokkupa n-nofs taʼ fuq taʼ dik li darba kienet il-gżira, waqt li kważi l-bqija kollha tal-wiċċ huwa mgħotti b’rovini li ma jintgħarfux.”3
Imiss lil Babilonja
14, 15. Isaija u Ġeremija liema profeziji rrekordjaw kontra Babilonja?
14 Lura fit-tmien seklu Q.E.K., Isaija, il-profeta li wissa lil-Lhud dwar il-jasar tagħhom li kien ġej taħt Babilonja, ukoll bassar xi ħaġa li tiskantak: il-qerda għalkollox u totali taʼ Babilonja nfisha. Hu bassar dan b’dettal grafiku: “Hawn jien qed inqajjem kontra tagħhom lill-Medi . . . U Babilonja, id-dekorazzjoni taʼ sal-tniet, il-ġmiel tal-kobor tal-Kaldin, trid issir bħal meta Alla għeleb lil Sodom u Gomorra. Qatt ma se tkun abitata, lanqas ma se tgħammar għal ġenerazzjoni wara ġenerazzjoni.”−Isaija 13:17-20.
15 Il-profeta Ġeremija wkoll bassar il-waqgħa taʼ Babilonja, li kellha sseħħ bosta snin wara. U hu inkluda dettal interessanti: “Hemm qerda fuq l-ilmijiet tagħha, u jridu jiġu mnixxfin. . . . L-irġiel setgħana taʼ Babilonja ma baqgħux jiġ-ġieldu. Huma baqgħu joqogħdu bil-qiegħda fil-postijiet b’saħħithom. Is-setgħa tagħhom nixfet.”−Ġeremija 50:38; 51:30.
16. Babilonja meta ġiet ikkonkwistata, u minn min?
16 Fis-sena 539 Q.E.K., iż-żmien taʼ ħakma taʼ Babilonja bħala l-qawwa dinjija li tisboq lill-oħrajn kollha ġie fi tmiem meta Ċiru, il-ħakkiem Persjan vigoruż, akkumpanjat mill-armata taʼ Medja, immarċja kontra l-belt. Dak li sab Ċiru, madankollu, kien formidabbli. Babilonja kienet imdawra b’ħitan enormi u kienet tidher li ħadd ma setaʼ jidħol fiħa. Ix-xmara l-kbira Ewfrat, ukoll, kienet tgħaddi minn ġol-belt u kkontribwiet b’mod importanti għad-difiżi tagħha.
17, 18. (a) B’liema mod kien hemm “qerda fuq l-ilmijiet [ta’ Babilonja]”? (b) ‘L-irġiel setgħana’ taʼ Babilonja għala ‘ma baqgħux jiġġieldu’?
17 Il-kittieb Grieg tal-istorja Herodotus jiddeskrivi kif Ċiru ħa ħsieb il-problema: “Hu poġġa parti mill-armata tiegħu fil-post fejn ix-xmara tidħol fil-belt, u ġemgħa oħra fin-naħa taʼ wara tal-post min-fejn toħroġ, b’ordnijiet biex jimmarċjaw għal ġol-belt billi jgħaddu minn fuq il-qiegħ tax-xmara, malli l-ilma jsir baxx biżżejjed . . . Hu dawwar lill-Ewfrat permezz taʼ kanal għal ġol-baċir [għadira artifiċjali mħaffra minn ħakkiem preċedenti taʼ Babilonja], li kien f’dak iż-żmien għadira kollha tajn, li fuqha l-livell tax-xmara tant tbaxxa li wieħed setaʼ jgħaddi bil-mixi minn fuq il-qiegħ naturali tax-xmara. Minnufih il-Persjani li kienu tħallew apposta f’Babilonja fuq il-ġenb tax-xmara, daħlu minn fuq ix-xmara, li issa kienet tbaxxiet sa tali punt li kienet tasal sa nofs il-koxxa taʼ raġel, u b’hekk daħlu għal ġol-belt.”4
18 B’dan il-mod il-belt waqgħet, kif kienu wissew Ġeremija u Isaija. Imma innota t-twettieq dettaljat tal-profezija. Kien hemm litteralment ‘qerda fuq l-ilmijiet tagħha, u ġew imnixxfin.’ Kien il-mod kif l-ilmijiet tal-Ewfrat tbaxxew li għen lil Ċiru jikseb aċċess għal ġol-belt. ‘Waqfu mill-ġlied l-irġiel setgħana taʼ Babilonja,’ kif Ġeremija kien wissa? Il-Bibbja−kif ukoll il-kittieba Griegi tal-istorja Herodotus u Xenofon−tirrekordja li l-Babilonjani kienu attwalment qed jippranzaw meta seħħ l-attakk Persjan.5 Il-Kronaka taʼ Nabonidus, iskrizzjoni uffiċjali f’forma taʼ spnar, tgħid li t-truppi taʼ Ċiru daħlu f’Babilonja “mingħajr battalja,” li x’aktarx iflsser mingħajr ma kien hemm battalja kbira.6 B’mod evi-denti, l-irġiel setgħana taʼ Babilonja ma tantx għamlu ħafna biex jipproteġuha.
19. Il-profezija li Babilonja ma kellha ‘qatt tkun abitata’ twettqet? Spjega.
19 Xi ngħidu dwar it-tbassir li Babilonja ma kellha “qatt tkun abitata” mill-ġdid? Dak ma kienx imwettaq immedjatament fis-sena 539 Q.E.K. Imma mingħajr żball il-profezija seħħet. Wara l-waqgħa tagħha, Babilonja kienet iċ-ċentru taʼ għadd taʼ rvellijiet, sas-sena 478 Q.E.K. meta ġiet meqruda minn Xerxes. Fit-tmiem tar-raba seklu, Alessandru l-Kbir kellu l-ħsieb li jirrestawraha, imma miet qabel ma x-xogħol kien mexa ħafna ’l quddiem. Minn dak in-nhar ’il quddiem, il-belt sempliċement marret mill-ħażin għall-agħar. Kien għad hemm in-nies igħixu hemmhekk fl-ewwel seklu tal-Era Komuni tagħna, imma llum dak kollu li baqaʼ minn Babilonja tal-qedem huwa gozz fdalijiet fl-Iraq. Saħansitra kieku l-fdalijiet tagħha kellhom jiġu restawrati parzjalment, Babilonja tkun biss esibizzjoni għat-turisti, mhux belt ħajja mimlija attività. Il-fdalijiet tagħha jagħtu xiehda favur it-twettieq flnali tal-profeziji mnebbħin kontra tagħha.
Il-Marċ tal-Qawwiet Dinjin
20, 21. Danjel liema profezija ra dwar il-marċ tal-qawwiet dinjin, u dan kif twettaq?
20 Fis-sitt seklu Q.E.K., matul l-eżilju Lhudi ġewwa Babilonja, profeta ieħor, Danjel, ġie mnebbaħ biex jirrekordja xi viżjonijiet tal-għaġeb li jbassru l-korsa futura taʼ ġrajjiet dinjin. F’waħda minnhom, Danjel jiddeskrivi għadd taʼ annimali simboliċi li jieħdu post xulxin fix-xena dinjija. Anġlu jispjega li dawn l-annimali jiffiguraw bil-quddiem il-marċ tal-qawwiet dinjin minn dak iż-żmien ’il quddiem. Billi jitkellem dwar l-aħħar żewġ bhejjem, hu jgħid: “Il-muntun li int rajt li għandu ż-żewġt iqran jirrappreżenta lis-slaten tal-Medja u tal-Persja. U l-bodbod muxgħar jirrappreżenta lis-sultan tal-Greċja; u inkwantu għall-qarn kbir li kien hemm bejn għajnejh, jirrappreżenta lill-ewwel sultan. U peress li dak il-wieħed ġie miksur, biex b’hekk kien hemm erbgħa li fl-aħħarnett qamu bil-wieqfa minfloku, hemm erba’ saltniet mill-ġens tiegħu li se jqumu bil-wieqfa, imma mhux bil-qawwa tiegħu.”−Danjel 8:20-22.
21 Din il-ħarsa bil-quddiem profetika ġiet imwettqa b’mod eżatt. L-Imperu Babilonjan ġie megħlub mill-Medo-Persja, li, 200 sena wara, ċediet għall-qawwa dinjija Griega. L-Imperu Grieg kien immexxi minn Alessandru l-Kbir, “il-qarn kbir.” Madankollu, wara l-mewt taʼ Alessandru, il-ġenerali tiegħu ġġieldu bejniethom għall-poter, u eventwalment l-imperu mxerred ma’ kullimkien inqasam f’erba’ imperi iżgħar, “erba’ saltniet.”
22. Fi profezija li għandha x’taqsam mal-marċ tal-qawwiet dinjin, liema qawwa dinjija oħra kienet ipprofetizzata?
22 F’Danjel kapitlu 7, viżjoni kemmxejn simili wkoll ħarset ’il bogħod fll-futur. Il-qawwa dinjija Babilonjana kienet iffigurata minn iljun, il-Persjana minn ors, u l-Griega minn lijupard b’erba’ ġwienaħ fuq daharu u erbat irjus. Imbagħad, Danjel jara bhima selvaġġa oħra, “tal-biżaʼ u terribbli u b’saħħitha mhux tas-soltu . . . , u kellha għaxart iqran.” (Danjel 7:2-7) Din ir-raba bhima selvaġġa ffigurat bil-quddiem lill-Imperu Ruman taʼ qawwa kbira, li beda jiżżviluppa madwar tliet sekli wara li Danjel kiteb din il-profezija.
23. Ir-raba bhima selvaġġa tal-profezija taʼ Danjel b’liema mod kienet “differenti mis-saltniet l-oħra kollha”?
23 L-anġlu pprofetizza rigward Ruma: “Inkwantu għar-raba bhima, hemm ir-raba saltna li se jkun hawn fuq l-art, li se tkun differenti mis-saltniet l-oħra kollha; u se tiblaʼ lill-art kollha u se tirfisha u tfarrakha.” (Danjel 7:23) H. G. Wells, fil-ktieb tiegħu A Pocket History of the World, igħid: “Din il-qawwa ġdida Rumana li qamet biex tiddomina lid-dinja tal-Punent fit-tieni u l-ewwel sekli Q.K. kienet f’diversi aspetti ħaġa differenti minn kull wieħed mill-imperi kbar li sa dak in-nhar kienu ddominaw fld-dinja ċivilizzata.”7 Bdiet bħala repubblika u kompliet bħala monarkija. Kontra dak li għamlu l-imperi taʼ qabilha, din il-qawwa ma kinetx il-ħolqien taʼ xi konkwistatur wieħed imma kibret bla waqflen matul is-sekli. Hija damet ħafna, ħafna iktar u kkontrollat ferm iktar territorju minn kull imperu taʼ qabilha.
24, 25. (a) Il-għaxart iqran tal-bhima selvaġġa kif għamlu d-dehra tagħhom? (b) Danjel ra bil-quddiem liema taqbida bejn l-iqran tal-bhima selvaġġa?
24 Xi ngħidu, iżda, dwar il-għaxart iqran taʼ din il-bhima immensa? L-anġlu qal: “U inkwantu għall-għaxart iqran, minn ġo dik is-saltna hemm għaxar slaten li se jqumu; u jerġaʼ wieħed ieħor se jqum warajhom, u hu nnifsu se jkun differenti minn dawk tal-ewwel, u lil tliet slaten se jumilja.” (Danjel 7:24) Dan kif seħħ?
25 Sewwa, meta l-Imperu Ruman beda sejjer mill-ħażin għall-agħar fil-ħames seklu E.K., postu ma tteħidx mill-ewwel minn qawwa dinjija oħra. Minflok, spiċċa f’għadd taʼ saltniet, “għaxar slaten.” Fl-aħħarnett, l-Imperu Britanniku għeleb lit-tliet imperi rivali taʼ Spanja, Franza, u l-Olanda biex isir l-akbar qawwa dinjija. B’hekk il-‘qarn’ ġdid umilja lil “tliet slaten.”
Il-Profeziji taʼ Danjel−Wara l-Fatt?
26. Il-kritiċi meta jsostnu li nkiteb il-ktieb taʼ Danjel, u għala?
26 Il-Bibbja tindika li l-ktieb taʼ Danjel kien miktub matul is-sitt seklu Q.E.K. Madankollu, it-twettieq tal-profeziji tiegħu tant hu eżatt li xi kritiċi jsostnu li bil-fors li ġie miktub madwar is-sena 165 Q.E.K., meta għadd mill-profeziji kienu diġà twettqu.8 Minkejja l-fatt li l-unika raġuni rejali għala jsostnu dan hija li l-profeziji taʼ Danjel twettqu, din id-data hekk tard tal-kitba taʼ Danjel hija ppreżentata bħala fatt stabbilit f’ħafna xogħlijiet taʼ referenza.
27, 28. X’inhuma xi ftit mill-fatti li juru li l-ktieb taʼ Danjel ma kienx miktub fls-sena 165 Q.E.K.?
27 Kontra teorija bħal din, iżda, aħna rridu niżnu l-fatti li ġejjin. L-ewwel, il-ktieb saret referenza għalih f’xogħlijiet Lhud ipproduċuti matul it-tieni seklu Q.E.K., bħalma hu l-ewwel ktieb tal-Makkabej. Ukoll, kien inkluż fil-verżjoni Settwaġinta Griega, li t-traduzzjoni tagħha bdiet fit-tielet seklu Q.E.K.9 It-tielet, biċċiet taʼ kopji taʼ Danjel kienu fost ix-xogħlijiet misjubin iktar taʼ spiss fir-Rombli tal-Baħar il-Mejjet−u xi wħud jemmnu li dawn il-biċċiet għandhom id-data taʼ madwar is-sena 100 Q.E.K.10 Biċ-ċar, malajr wara li l-ktieb taʼ Danjel huwa maħsub li nkiteb, kien diġà magħruf u rrispettat ma’ kullimkien: evidenza qawwija li kien ipproduċut ħafna qabel ma l-kritiċi jgħidu li kien.
28 Iktar minn hekk, il-ktieb taʼ Danjel fih dettalji storiċi li ma kinux ikunu magħrufin minn kittieb tat-tieni seklu. Li jispikka huwa l-każ taʼ Belxażżar, il-ħakkiem taʼ Babilonja li kien maqtul meta Babilonja waqgħet fis-sena 539 Q.E.K. Is-sorsi maġġuri u mhux Bibliċi tal-għarfien tagħna dwar il-waqgħa taʼ Babilonja huma Ħerodotus (il-ħames seklu), Xenofon (il-ħames u r-raba sekli), u Berossus (it-tielet seklu). Ħadd minn dawn ma kien jaf dwar Belxażżar.11 Ma jistax ikun li kittieb tat-tieni seklu kellu tagħrif li ma kienx disponibbli għal dawn l-awturi iktar bikrin! Il-kitba dwar Belxażżar f’Danjel kapitlu 5 hija argument qawwi li Danjel kiteb il-ktieb tiegħu qabel ma dawn il-kittieba l-oħra kitbu tagħhom.a
29. Għala huwa impossibbli li l-ktieb taʼ Danjel kien miktub wara t-twettieq tal-profeziji li hemm flh?
29 Fl-aħħarnett, hemm għadd taʼ profeziji f’Danjel li kienu mwettqa ħafna wara s-sena 165 Q.E.K. Waħda minn dawn kienet il-profezija dwar l-Imperu Ruman, li semmejna qabel. Oħra hija profezija tal-għaġeb li tbassar il-wasla taʼ Ġesù, il-Messija.
Il-Miġja tal-Wieħed Midluk
30, 31. (a) Liema profezija taʼ Danjel bassret iż-żmien tad-dehra tal-Messija? (b) Kif nistgħu nikkalkulaw, billi nibbażaw fuq il-profezija taʼ Danjel, is-sena meta l-Messija kellu jidher?
30 Din il-profezija hija rrekordjata f’Danjel, kapitlu 9, u taqra kif ġej: “Sebgħin ġimgħa [ta’ snin, jew erba’ mija u disgħin sena] huma maħtura fuq il-poplu tiegħek u fuq il-belt qaddisa tiegħek.”b (Danjel 9:24, The Amplified Bible) X’kellu jiġri matul dawn il-490 sena? Naqraw: “Mill-ħruġ tal-kmandament biex Ġerusalemm tiġi restawrata u mibnija sa[l-miġja ta]l-wieħed midluk, prinċep, se jkun hemm seba’ ġimgħat [ta’ snin], u tnejn u sittin ġimgħa [ta’ snin].” (Danjel 9:25, AB) Mela din hi profezija dwar iż-żmien tal-miġja tal-“wieħed midluk,” il-Messija. Kif ġiet imwettqa?
31 Il-kmand biex Ġerusalemm tiġi restawrata u mibnija ‘ħareġ’ fis-“sena għoxrin taʼ Artaxerxes is-sultan” tal-Persja, jiġifieri, fis-sena 455 Q.E.K. (Neħemija 2:1-9) Sat-tmiem taʼ 49 sena (7 ġimgħat taʼ snin), ħafna mill-glorja taʼ Ġerusalemm kienet ġiet restawrata. U mbagħad, billi ngħoddu l-483 sena sħaħ (7 + 62 ġimgħat taʼ snin) mis-sena 455 Q.E.K., naslu fis-sena 29 E.K. Din kienet, fil-fatt, “il-ħmistax-il sena tar-renju taʼ Tiberju Ċesri,” is-sena meta Ġesù ġie mgħammed minn Ġwanni l-Għammied. (Luqa 3:1) F’dak iż-żmien, Ġesù ġie identifikat pubblikament bħala l-Iben t’Alla u beda l-ministeru tiegħu taʼ li jippriedka l-aħbar tajba lill-ġens Lhudi. (Mattew 3: 13-17; 4:23) Hu sar il-“wieħed midluk,” jew Messija.
32. Skond il-profezija taʼ Danjel, kemm kellu jdum il-ministeru taʼ Ġesù fuq l-art, u x’kellu jiġri fit-tmiem tiegħu?
32 Il-profezija żżid: “U wara t-tnejn u sittin ġimgħa [ta’ snin] il-wieħed midluk se jiġi maqtugħ.” Tgħid ukoll: “U hu se jidħol f’patt qawwi u sod mal-ħafna għal ġimgħa waħda [seba’ snin]; u f’nofs il-ġimgħa se jġiegħel li jieqfu s-sagrifiċċju u l-offerta.” (Danjel 9:26, 27, AB) Fi qbil ma’ dan, Ġesù mar esklussivament għand ‘il-ħafna,’ il-Lhud tal-laħam. Kultant, hu ppriedka wkoll lis-Samaritani, li kienu jemmnu f’xi biċċiet mill-Iskrittura imma li kienu ffurmaw setta separata mir-reliġjon prinċipali tal-Ġudajiżmu. Imbagħad, “f’nofs il-ġimgħa,” wara tliet snin u nofs taʼ ippridkar, hu ċeda l-ħajja tiegħu bħala sagrifiċċju u b’hekk ġie “maqtugħ.” Dan kien ifisser it-tmiem tal-Liġi taʼ Mosè bis-sagrifiċċji u l-offerti taʼ għotja tagħha. (Galatin 3:13, 24, 25) B’hekk, permezz tal-mewt tiegħu, Ġesù ġiegħel “li jieqfu s-sagrifiċċju u l-offerta.”
33. Jehovah kemm kellu jdum jittratta b’mod esklussiv mal-Lhud, u liema ġrajja mmarkat it-tmiem taʼ dan il-perijodu?
33 Madankollu, għal tliet snin u nofs oħra l-kongregazzjoni Kristjana mwielda ġdida tat xiehda biss lil-Lhud u, iktar tard, lis-Samaritani li kienu jiġu minnhom. Fis-sena 36 E.K., madankollu, fit-tmiem tas-70 ġimgħat taʼ snin, l-appostlu Pietru ġie ggwidat biex jippriedka lil wieħed Ġentil, Kornelju. (Atti 10:1-48) Issa, il-“patt mal-ħafna” ma baqax iktar limitat għal-Lhud. Is-salvazzjoni ġiet ippridkata wkoll lill-Ġentili mhux ċirkonċiżi.
34. Fi qbil mal-profezija taʼ Danjel, Iżrael tal-laħam xi ġralhom talli ma aċċettawx lill-Messija?
34 Peress li l-ġens Lhudi m’aċċettawx lil Ġesù u kkonfoffaw biex jiġi maqtul, Jehovah ma ħarishomx meta r-Rumani ġew u qerdu lil Ġerusalemm fis-sena 70 E.K. B’hekk, il-kliem l-ieħor taʼ Danjel ġie mwettaq: “U l-poplu tal-prinċep l-ieħor li se jiġi se jeqred lill-belt u lis-santwarju. It-tmiem tagħha se jiġi b’dulluvju, u saħansitra sat-tmiem se jkun hemm gwerra.” (Danjel 9:26b, AB) Dan it-tieni “prinċep” kien Titus, il-ġeneral Ruman li qered lil Ġerusalemm fis-sena 70 E.K.
Profezija Li Kienet Imnebbħa
35. Liema profeziji oħra dwar Ġesù seħħew?
35 B’dan il-mod, il-profezija taʼ Danjel dwar is-70 ġimgħa ġiet imwettqa b’mod preċiż tal-għaġeb. Tabilħaqq, ħafna mill-profeziji rrekordjati fl-Iskrittura Ebrajka twettqu matul l-ewwel seklu, u għadd minn dawn kellhom x’jaqsmu ma’ Ġesù. Il-post fejn twieled Ġesù, iż-żelu tiegħu għad-dar t’Alla, l-attività tiegħu taʼ ippridkar, il-fatt li kellu jiġi ttradut għal tletin biċċa tal-fidda, il-mod kif miet, il-fatt li tefgħu x-xorti għall-ilbies tiegħu−dawn id-dettalji kollha kienu pprofetizzati fl-Iskrittura Ebrajka. It-twettieq tagħhom wera mingħajr l-iċken dubju li Ġesù kien il-Messija, u wera mill-ġdid li l-profeziji kienu mnebbħin.−Mikea 5:2; Luqa 2:1-7; Żakkarija 11:12; 12:10; Mattew 26:15; 27:35; Salm 22:18; 34:20; Ġwann 19:33-37.
36, 37. X’nitgħallmu mill-fatt li l-profeziji tal-Bibbja seħħew, u dan il-għarfien liema fiduċja jagħtina?
36 Fil-fatt, il-profeziji kollha tal-Bibbja li kellhom jitwettqu seħħew. L-affarijiet ġraw eżatt kif il-Bibbja qalet li kellhom jiġru. Din hi evidenza qawwija li l-Bibbja hija l-Kelma t’Alla. Bil-fors li kien hemm iktar minn għerf uman wara dawk l-istqarrijiet profetiċi għalihom biex ikunu daqshekk eżatti.
37 Imma hemm tbassiriet oħra fll-Bibbja li ma kinux imwettqin f’dawk iż-żminijiet. Għala? Għaliex kellhom jitwettqu fl żmienna stess, u saħansitra fil-futur tagħna. Il-fatt li dawk il-profeziji tal-qedem huma taʼ min jorbot fuqhom jagħmilna fiduċjużi li dawn it-tbassiriet l-oħra se jseħħu mingħajr dubju. Bħalma se naraw fil-kapitlu li jmiss, dan huwa tabilħaqq il-każ.
[Noti taʼ taħt]
a Ara kapitlu 4, “It-‘Testment il-Qadim’ Kemm Hu taʼ Min Jemmnu?” paragrafl 16 u 17.
b F’din it-traduzzjoni, il-kliem fil-parentesi ġie miżjud mit-traduttur biex jiċċara t-tifsir.
[Kumment f’paġna 55]
Il-profeziji kollha li kellhom jitwettqu seħħew. L-affarijiet ġraw eżatt kif il-Bibbja qalet li kellhom jiġru