-
Tgħallem mill-Iżbalji TiegħuImita l-Fidi Tagħhom
-
-
18, 19. Xi ġralu Ġona fl-abbissi tal-baħar, liema tip taʼ ħliqa kienet involuta, u min kien hemm wara dawn il-ġrajjiet? (Ara wkoll in-nota taʼ taħt.)
18 Imma stenna ftit! Fil-qrib, kien hemm xi ħaġa titħarrek—ħliqa taʼ lewn sewdieni u taʼ kobor enormi! Bdiet tħuf fil-viċin u f’salt wieħed marret għalih. Xedaq kbir infetaħ beraħ, ħatfu, u belgħu sħiħ!
Ġeħova “bagħat ħuta kbira biex tiblaʼ lil Ġona”
19 Żgur li Ġona ra l-mewt maʼ wiċċu. Madankollu, ħass xi ħaġa li lanqas titwemmen—kien għadu ħaj! La kien ġie mgħaffeġ, la diġerit, u lanqas fgat. Le, kien għadu qawwi u sħiħ, avolja kien f’dak li setaʼ faċilment ikun qabru. Bil-mod il-mod, Ġona beda jħoss riverenza profonda. Bla dubju, kien Alla tiegħu, Ġeħova, li kien “bagħat ħuta kbira biex tiblaʼ lil Ġona.”c—Ġona 1:17.
20. X’nistgħu nitgħallmu dwar Ġona mit-talba li lissen meta kien ġol-ħuta kbira?
20 Għaddew il-minuti u gerbu s-sigħat. Hemm ġew, fi dlam ċappa li qatt ma kien ra bħalu, Ġona kellu ċans jimmedita u jitlob lil Alla Ġeħova. It-talba tiegħu, imniżżla fit-tieni kapitlu tal-ktieb taʼ Ġona, tgħallimna ħafna affarijiet dwaru. Turi li Ġona kellu għarfien kbir dwar l-Iskrittura, għax it-talba spiss tirreferi għas-Salmi. Turi wkoll kwalità li tmiss il-qalb: il-gratitudni. Ġona kkonkluda u qal: “Ngħid għalija, b’leħen taʼ radd il-ħajr se noffrilek sagrifiċċji. Dak li wegħedt, se rroddu. Is-salvazzjoni hi taʼ Ġeħova.”—Ġona 2:9.
21. Ġona x’tgħallem dwar is-salvazzjoni, u liema lezzjoni taʼ valur jalla niftakru?
21 Hemm ġew, fl-iktar post stramb—“fil-ġewwieni tal-ħuta”—Ġona tgħallem li Ġeħova jistaʼ jsalva lil kwalunkwe persuna, fi kwalunkwe post, u fi kwalunkwe ħin. Saħansitra hemm ġew, Ġeħova sab u ħeles lill-qaddej tiegħu li kien f’diffikultà. (Ġona 1:17) Ġeħova biss jistaʼ jżomm bniedem qawwi u sħiħ għal tlett ijiem u tlett iljieli f’żaqq ħuta kbira. Illum ikun tajjeb li tiftakar li Ġeħova hu “l-Alla li f’idu qiegħed nifsek.” (Dan. 5:23) Aħna nafu kull nifs li nieħdu u l-eżistenza nfisha tagħna lilu. Inħossuna grati? Mhuwiex xieraq mela li nuru ubbidjenza lejn Ġeħova?
22, 23. (a) Il-gratitudni taʼ Ġona kif ma damitx ma ġiet imġarrba? (b) X’nistgħu nitgħallmu minn Ġona rigward l-iżbalji li nagħmlu?
22 Xi ngħidu għal Ġona? Tgħallem juri gratitudni lejn Ġeħova permezz tal-ubbidjenza? Iva. Wara tlett ijiem u tlett iljieli, il-ħuta ħadet lil Ġona proprju sax-xatt u “qalgħet lil Ġona għal fuq l-art niexfa.” (Ġona 2:10) Immaġina ftit—wara dak kollu, Ġona lanqas biss kellu għalfejn jgħumha sax-xatt! M’għandniex xi ngħidu, hu kellu jara kif se jsib triqtu minn hemmhekk. Iżda l-gratitudni tiegħu ma damitx ma ġiet imġarrba. Ġona 3:1, 2, jgħid: “Imbagħad il-kelma taʼ Ġeħova ġiet għand Ġona għat-tieni darba, tgħid: ‘Qum, mur Ninwe l-belt il-kbira, u xandrilha dan li qed ngħidlek.’” X’kien se jagħmel Ġona?
-
-
Tgħallem mill-Iżbalji TiegħuImita l-Fidi Tagħhom
-
-
c Il-kelma Ebrajka għal “ħuta” ġiet tradotta bil-Grieg bħala “mostru tal-baħar,” jew “ħuta enormi.” Għalkemm m’hemm ebda mod kif niddeterminaw eżatt liema tip taʼ ħliqa tal-baħar kienet involuta, ġie osservat li fil-Mediterran hemm klieb il-baħar kbar biżżejjed biex jibilgħu bniedem sħiħ. F’postijiet oħrajn, hemm klieb il-baħar li huma bil-wisq ikbar minn dawn; il-kelb il-baħar li jixbah lill-balena (whale shark) jistaʼ jikber saħansitra sa 15-il metru—u jistaʼ jkun anki iktar!
-