Kapitlu 1
L-Unità fil-Qima—X’Għandha Tfisser Għalik?
1, 2. (a) Fuq liema bażi qiegħda l-vera unità taʼ qima sseħħ fi żmienna? (b) Il-Bibbja kif tiddeskrivi dak li qiegħed iseħħ?
MADWAR il-globu hemm moviment eċċitanti lejn l-unità fil-qima. Qiegħed jiġbed flimkien lil nies taʼ kull ġens u tribù u lingwa. L-unità tagħhom m’hijiex riżultat taʼ xi kompromess taʼ twemmin. M’hijiex qiegħda tintlaħaq billi huma jżommu lura milli jikkritikaw stili taʼ ħajja li huma f’konflitt mal-Kelma t’Alla. Allura dan għalxiex inhu dovut? Għall-fatt li nies minn kull qasam tal-ħajja qegħdin isiru jafu lil Jehovah bħala l-uniku Alla veru u li minn jeddhom qegħdin iġibu ħajjiethom f’armonija mal-mogħdijiet taʼ tjieba tiegħu.—Qabbel Rivelazzjoni 15:3, 4.
2 Dan huwa bi twettiq taʼ profezija li ġiet iddokumentata madwar 2,700 sena ilu mill-profeta Mikea. B’referenza għall-“parti finali tal-jiem,” hu kiteb: “Ħafna ġnus ċertament li se jmorru u jgħidu: ‘Ejjew, u ħalli mmorru ’l fuq lejn il-muntanja taʼ Jehovah u lejn id-dar taʼ dak Alla taʼ Ġakobb; u hu se jistruwina dwar il-mogħdijiet tiegħu, u aħna se nimxu fil-passaġġi tiegħu.’” (Mik. 4:1, 2)a Qiegħed int tara dak iseħħ?
3, 4. (a) Kif inhu veru li “ġnus” qegħdin iduru lejn Jehovah? (b) Liema mistoqsijiet għandna nistaqsu lilna nfusna?
3 M’hemm ebda “ġnus” sħaħ li qegħdin jippreżentaw lilhom infushom fid-dar spiritwali taʼ Jehovah għall-qima. Imma individwi minn ġnus bħal dawn qegħdin jagħmlu hekk. Hekk kif jitgħallmu dwar l-iskop taʼ mħabba u l-personalità li tiġbdek t’Alla Jehovah, qlubhom jitqanqlu profondament. Umilment huma jfittxu li jsiru jafu x’jeħtieġ Alla minnhom. It-talba tagħhom hija bħal dik taʼ David, raġel taʼ fidi li qal: “Għallimni nagħmel ir-rieda tiegħek, għax int Alla tiegħi.”—Salm 143:10.
4 Tara int lilek innifsek fost dik il-folla vasta taʼ adoraturi taʼ Jehovah? Tagħti t-tweġiba tiegħek għall-istruzzjoni li rċevejt evidenza li int verament tapprezza li Jehovah hu s-sors tagħha? Sa liema punt qiegħed int ‘timxi fil-passaġġi tiegħu’?
KIF TINTLAĦAQ
5. (a) Sa liema punt se tkun eventwalment milħuqa l-unità taʼ qima? (b) Għala huwa urġenti li ssir adoratur taʼ Jehovah issa, u kif nistgħu ngħinu lil oħrajn biex jagħmlu dan?
5 L-iskop taʼ Jehovah huwa li l-ħolqien intelliġenti kollu jkun magħqud fil-qima—billi ebda wieħed ma jiġi żvijat mill-qerq, billi ebda wieħed ma jkollu jteftef fid-dlam minħabba l-falliment f’li jsib it-tifsir veru tal-ħajja. Kemm nixxennqu għall-jum meta dawk kollha li jgħixu se jbierku lill-uniku Alla veru! (Salm 103:19-22) Imma qabel ma dak jistaʼ jkun, jeħtieġ li Jehovah inaddaf il-ħolqien tiegħu minn dawk li jiddisprezzaw l-istat tiegħu taʼ Sultan u li jinsistu f’li jħassru l-ħajja għal oħrajn. B’mod ħanin hu javża bil-quddiem dwar dak li se jagħmel. In-nies kullimkien għandhom l-opportunità biex ibiddlu l-korsa tagħhom. B’hekk fi żmienna stess dan l-appell urġenti qiegħed isir mad-dinja kollha: “Ibżgħu minn Alla u agħtuh glorja, għaliex is-siegħa tal-ġudizzju minnu waslet, u għalhekk qimu lill-Wieħed li għamel is-sema u l-art u l-baħar u n-nixxigħat taʼ ilmijiet.” (Riv. 14:6, 7) Aċċettajt int dik l-istedina? Jekk inhu hekk, issa huwa l-privileġġ tiegħek li taħdem maʼ l-organizzazzjoni taʼ Jehovah sabiex tgħin lil oħrajn jagħmlu hekk.
6. Wara li nitgħallmu t-tagħlim bażiku tal-Bibbja, liema progress addizzjonali għandna nistinkaw bis-serjetà biex nagħmlu?
6 M’huwiex l-iskop t’Alla li jdaħħal fl-organizzazzjoni tiegħu nies li sempliċement jgħidu li jemmnu f’Jehovah u li jixtiequ jgħixu fil-Ġenna imma li fl-istess ħin ikomplu jiġru wara l-interessi egoistiċi tagħhom stess. Hu jrid li n-nies jaslu għal “għarfien eżatt tar-rieda tiegħu,” u dan għandu jkun rifless f’ħajjiethom. (Kol. 1:9, 10) Wara li persuni li japprezzaw jitgħallmu t-tagħlim fundamentali tal-Bibbja, iridu jistinkaw ’il quddiem lejn maturità Kristjana. Ix-xewqa tagħhom hija li jsiru jafu lil Jehovah intimament, li jwessgħu u jipprofondaw il-fehma tagħhom tal-Kelma tiegħu, u li japplikawha iktar bis-sħiħ f’ħajjiethom. Huma jfittxu li jkunu bħal missierhom tas-sema, billi jirriflettu l-kwalitajiet tiegħu u jħarsu lejn l-affarijiet bħalma jħares hu. Dan iqanqalhom biex ifittxu modi kif jieħdu sehem bis-sħiħ kemm jistaʼ jkun fix-xogħol li hu qiegħed iġiegħel li jsir fl-art fi żmienna. Huwa dak li qiegħed tagħmel int?—Ef. 5:1; Eb. 5:12–6:3; 1 Tim. 4:15.
7. Il-vera unità f’liema modi hija possibbli issa, u kif tiġi milħuqa?
7 Il-Bibbja turi li dawk li jaqdu lil Jehovah għandhom ikunu poplu magħqud. (Ef. 4:1-3) Din l-unità għandha teżisti issa, avolja qegħdin ngħixu f’dinja mifruda u għadna nitħabtu maʼ l-imperfezzjonijiet tagħna stess. Ġesù talab bis-serjetà biex id-dixxipli tiegħu jkunu kollha ħaġa waħda, billi jgawdu unità vera. Dan x’kellu jfisser? Li l-ewwelnett ikollhom relazzjoni tajba maʼ Jehovah u Ibnu. Ukoll li kellhom ikunu magħqudin flimkien. (Ġwn. 17:20, 21) Dan qiegħed jintlaħaq issa hekk kif japplikaw l-istruzzjoni miksuba fid-“dar” taʼ Jehovah.
LIEMA FATTURI JIKKONTRIBWIXXU GĦALL-UNITÀ?
8. (a) X’niżviluppaw meta aħna personalment nużaw il-Bibbja biex nirraġunaw dwar tweġibiet għal mistoqsijiet li jeffettwawna? (b) Billi twieġeb il-mistoqsijiet imniżżlin hawn fuq, analizza l-fatturi li jikkontribwixxu għall-unità Kristjana.
8 Ftit mill-fatturi prinċipali li jikkontribwixxu għal din l-unità huma nnumerati hawn taħt. Hekk kif twieġeb il-mistoqsijiet li jiġu wara dawn, aħseb dwar kif kull wieħed jeffettwa r-relazzjoni tiegħek stess maʼ Jehovah u maʼ Kristjani sħabek. L-irraġunar tiegħek fuq dawn il-punti fid-dawl taʼ l-iskritturi ċċitati se jikkontribwixxi għal li tiżviluppa l-abbiltà li taħseb u d-dixxerniment orjentati lejn Alla, li huma kwalitajiet li lkoll kemm aħna neħtieġu. (Prov. 5:1, 2; Fil. 1:9-11) Mela ikkunsidra dawn il-fatturi wieħed wara l-ieħor:
(1) Aħna lkoll inqimu lil Jehovah u nirrikonoxxu d-dritt tiegħu li jistabbilixxi l-livell taʼ x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin.
Jekk ninjoraw apposta l-parir taʼ Jehovah fuq ħaġa li tidher ċkejkna għalina, hu kif se jħares lejn dan? (Luqa 16:10; qabbel Malakija 1:6-8.)
Huma oħrajn effettwati jekk aħna ma nobdux il-kmandi taʼ Jehovah dejjem? (Qabbel Rumani 5:12; Ġożwè 7:20-26; 1 Slaten 14:16.)
(2) Inkunu fejn inkunu fid-dinja, għandna l-Kelma t’Alla biex tiggwidana.
Meta nieħdu deċiżjonijiet, liema periklu hemm f’li sempliċement nagħmlu dak li “nħossu” li huwa sewwa? (Ġer. 17:9; Prov. 14:12)
Jekk ma nafux liema parir tagħti l-Bibbja fuq kwistjoni partikulari, x’għandna nagħmlu? (Prov. 2:3-5)
(3) Aħna lkoll nibbenefikaw mill-istess programm taʼ għoti taʼ ikel spiritwali.
Liema kundizzjonijiet jeżistu fost dawk li ma japprezzawx l-arranġamenti taʼ Jehovah għall-għoti taʼ ikel spiritwali? (Qabbel Isaija 1:3; 9:16; 65:14.)
(4) Ġesù Kristu, u ebda bniedem, hu l-Mexxej tagħna u l-wieħed li permezz tiegħu aħna lkoll nersqu lejn Jehovah fil-qima.
Hemm xi ħadd minna li għandu raġuni valida biex jemmen li bħala persuni aħna superjuri għal oħrajn? (Rum. 3:23, 24; 12:3; Matt. 23:8-10)
(5) Noqogħdu fejn noqogħdu, aħna nħarsu lejn is-Saltna t’Alla bħala l-unika tama għall-ispeċi umana.
Dan kif jissalvagwardjana kontra influwenzi li jifirdu? (Matt. 6:9, 10; Mik. 4:3)
(6) L-ispirtu qaddis jipproduċi fl-adoraturi taʼ Jehovah kwalitajiet li huma vitali għall-unità Kristjana.
Kif niftħu l-mogħdija għall-ispirtu t’Alla biex jipproduċi l-frott tiegħu fina? (Salm 1:2; Prov. 22:4; Riv. 3:6; Atti 5:32)
Li jkollna l-frott taʼ l-ispirtu kif jinfluwenza r-relazzjoni tagħna maʼ Jehovah? Maʼ ħutna? (Gal. 5:22, 23)
(7) Ilkoll kemm aħna għandna r-responsabbiltà li nippridkaw l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla.
Li jkollna ħafna x’nagħmlu f’li nieħdu sehem f’din l-attività taʼ ppridkar maʼ Kristjani sħabna kif jinfluwenza l-mod taʼ kif inħossuna dwarhom? (Qabbel Kolossin 4:7, 11.)
9. X’inhu l-effett meta tassew napplikaw dawn il-veritajiet f’ħajjietna?
9 Li tirrikonoxxi dawn il-fatti hija ħaġa. Li tgħix f’armonija magħhom jirrikjedi ħafna iktar. Imma meta nagħmlu hekk, nitressqu qrib lejn Jehovah. Is-sħubija tagħna maʼ kredenti sħabna wkoll issir sors taʼ rifreskar. Bħalma jgħid Salm 133:1: “Ħares! Kemm huwa tajjeb u kemm huwa pjaċevoli li aħwa jgħammru flimkien f’unità!” M’esperjenzajtx int personalment kemm jistaʼ jkun rifreskanti li titwarrab mid-dinja, bl-egoiżmu kollu tagħha, u li tkun preżenti għal-laqgħat m’oħrajn li verament iħobbu lil Jehovah?
EVITA INFLUWENZI LI JIFIRDU
10. Għala għandna bżonn noqogħdu attenti biex nevitaw spirtu taʼ indipendenza?
10 Sabiex ma nħassrux dik l-unità prezzjuża, irridu nevitaw influwenzi li jifirdu. Waħda mill-iktar notevoli fost dawn hija l-ispirtu taʼ indipendenza. Jehovah jgħinna biex nevitawh billi jiżvela lill-oriġinatur tiegħu, Satana x-Xitan. Huwa l-wieħed li qarraq b’Eva f’li taħseb li jkun taʼ vantaġġ għaliha li tinjora dak li kien qal Alla u li tieħu d-deċiżjonijiet tagħha stess. Adam issieħeb magħha f’dik il-korsa ribelluża. Ir-riżultat kien gwaj għalihom u għalina. (Ġen. 2:16, 17; 3:1-6, 17-19) Aħna qegħdin ngħixu f’dinja li hija mgħarrqa f’dak l-ispirtu indipendendenti, u għalhekk m’għandux jissorprendina jekk ikollna bżonn inrażżnu dak l-ispirtu fina nfusna. B’imħabba Jehovah jgħinna nagħmlu hekk permezz taʼ pariri mill-organizzazzjoni tiegħu.
11. Liema ħaġa se turi jekk aħniex sinċerament qegħdin nippreparaw għal ħajja fl-Ordni Ġdid taʼ tjieba t’Alla?
11 Permezz taʼ dik l-organizzazzjoni aħna tgħallimna dwar il-wegħda grandjuża taʼ Jehovah li l-ambjent preżenti se jċedi postu lis-smewwiet ġodda u lill-art ġdida li fihom “it-tjieba għandha tgħammar.” (2 Piet. 3:13) Inħossuna eċċitati bil-prospett li dalwaqt din id-dinja mill-agħar se tkun telqet u l-art se tiġi ttrasformata f’Ġenna. Imma juri l-mod taʼ ħajja tagħna stess li aħna sinċerament qegħdin nippreparaw għal ħajja f’dinja fejn it-tjieba se tkun il-prattika prevalenti? Il-Bibbja tgħidilna ċar u tond: “Tkunux tħobbu lid-dinja jew l-affarijiet fid-dinja. Jekk xi ħadd iħobb lid-dinja, l-imħabba tal-Missier m’hijiex fih.” (1 Ġwn. 2:15) Huwa veru li hemm ħafna affarijiet tad-dinja li ħadd minna ma jħobb. Imma nobogħdu aħna prinċipalment lil dawk l-aspetti tad-dinja li jolqtu lit-tgawdija immedjata tagħna stess tal-ħajja? Jew naħarbu wkoll l-ispirtu tagħha—l-attitudni indipendenti tagħha, l-importanza żejda għal li kulħadd jiġbed lejh? Qegħdin aħna ġenwinament nagħmluha drawwa li nagħtu widen lil Jehovah u li nobduh minn qalbna, minkejja kwalunkwe inklinazzjonijiet kuntrarji tal-laħam? Il-korsa sħiħa tal-ħajja tagħna—inkunu fejn inkunu, nagħmlu x’nagħmlu—għandha tagħti evidenza li l-ħsibijiet u l-motivi tagħna huma orjentati lejn Alla.—Prov. 3:5, 6.
12. (a) Għala huwa importanti li naħtfu l-opportunità issa biex nitgħallmu l-mogħdijiet taʼ Jehovah u biex insegwuhom f’ħajjietna? (b) L-iskritturi ċċitati fil-paragrafu xi jfissru għalina personalment?
12 Meta ż-żmien maħtur taʼ Jehovah jasal biex jeqred lil din is-sistema t’affarijiet mill-agħar u lil dawk kollha li jħobbu l-mogħdijiet tagħha, hu mhux se jittardja. Mhux se jipposponi dak iż-żmien jew ibiddel il-livelli tiegħu sabiex jakkomoda lil dawk li għadhom qegħdin jipprovaw iżommu qabda mad-dinja, dawk li huma b’nofs qalb biss f’li jitgħallmu dwar ir-rieda t’Alla u jagħmluha. Issa huwa ż-żmien għall-azzjoni! (Luqa 13:23, 24; 17:32; 21:34-36) Kemm huwa taʼ tqanqil il-qalb, għalhekk, li tara l-“folla kbira” taʼ persuni li qegħdin jaħtfu din l-opportunità prezzjuża, u bil-ħeġġa jfittxu l-istruzzjoni li Jehovah jipprovdi permezz taʼ l-organizzazzjoni taʼ mħabba tiegħu u mbagħad jimxu magħqudin fil-passaġġi tiegħu!
[Nota taʼ taħt]
a Kwotazzjonijiet mill-Iskrittura f’dan il-ktieb huma tradotti min-New World Translation of the Holy Scriptures, edizzjoni taʼ l-1981.
Diskussjoni Bħala Reviżjoni
● X’inhu l-iskop taʼ Jehovah rigward il-qima?
● Wara li nkunu tgħallimna d-duttrini bażiċi tal-Bibbja, liema progress addizzjonali għandna nfittxu bis-serjetà li nagħmlu?
● X’nistgħu nagħmlu individwalment, sabiex il-fatturi li jikkontribwixxu għall-unità li ddiskutejna jinfluwenzaw lil ħajjietna kif suppost?
[Stampa taʼ paġna sħiħa f’paġna 4]