Il-Kelma taʼ Ġeħova Hi Ħajja
Punti Prinċipali mill-Kotba taʼ Naħum, Ħabakkuk, u Sofonija
IL-QAWWA dinjija taʼ l-Assirja diġà qerdet lis-Samarija, il-belt kapitali tas-saltna taʼ Iżrael b’għaxar tribujiet. L-Assirja ilha wkoll żmien twil thedded lil Ġuda. Il-profeta Naħum taʼ Ġuda għandu messaġġ dwar il-belt kapitali taʼ l-Assirja, Ninwè. Dan il-messaġġ jinsab fil-ktieb Bibliku taʼ Naħum, li nkiteb qabel is-sena 632 Q.E.K.
Il-qawwa dinjija li jmiss biex taħkem hija l-Imperu Babiloniż, li kultant kien immexxi minn slaten Kaldin. Il-ktieb taʼ Ħabakkuk, li x’aktarx tlesta fis-sena 628 Q.E.K., ibassar kif Ġeħova se juża din il-qawwa dinjija bħala l-aġent tiegħu biex jesegwixxi ġudizzju u x’kien se jiġri fl-aħħar mill-aħħar lil Babilonja.
Il-profeta Sofonija taʼ Ġuda pprofetizza qabel Naħum u Ħabakkuk. Hu jipprofetizza iktar minn 40 sena qabel il-qerda taʼ Ġerusalemm fis-sena 607 Q.E.K., u jipproklama messaġġ kemm taʼ kundanna u kemm taʼ tama għal Ġuda. Il-ktieb Bibliku taʼ Sofonija fih ukoll dikjarazzjonijiet kontra ġnus oħrajn.
“ĦAŻIN GĦAL BELT ID-DMIJA”
L-“oraklu dwar Ninwè” huwa minn Alla Ġeħova, li hu “tqil biex jagħdab, għalkemm kbir fil-qawwa.” Għalkemm Ġeħova huwa “fortizza f’jum l-għawġ” għal dawk li jmorru għandu għall-kenn, Ninwè xorta waħda se tinqered.—Naħum 1:1, 3, 7.
“Ġedded il-Mulej id-dielja taʼ Ġakobb.” Madankollu bħal ‘iljun li jqattaʼ bċejjeċ,’ l-Assirja werwret lill-ġens tal-poplu t’Alla. Ġeħova jgħid li ‘l-karrijiet li għandha [Ninwè] għad jagħmilhom duħħan; u frieħ l-iljuni tagħha x-xabla għad tikolhomlha.’ (Naħum 2:3, 13, 14 [2:2, 12, 13, NW]) “Ħażin għal belt id-dmija”—Ninwè. “Dawk kollha li jisimgħu bl-aħbar [tagħha] jinfexxu jċapċpu jdejhom” u jifirħu.—Naħum 3:1, 19.
Mistoqsijiet Skritturali Mweġbin:
1:9—Il-“qerda sħiħa” taʼ Ninwè x’se tfisser għal Ġuda? Din se tfisser li Ġuda se teħles kompletament mill-Assirja; “kull min iqum [kontriha] ma jqumx darbtejn.” Bħallikieku Ninwè m’għadhiex teżisti, Naħum jikteb: “Ara, fuq il-muntanji hemm ir-riġlejn taʼ min iġib l-aħbarijiet it-tajba, taʼ min is-sliem ixandar! Agħmel bil-ferħ il-festi tiegħek, Ġuda.”—Naħum 2:1 (1:15, NW).
2:7 (2:6, NW)—Liema “bwieb ix-xmajjar” infetħu? Dawn il-bwieb kienu jirreferu għall-fetħa fil-ħitan taʼ Ninwè li saret bl-ilmijiet tax-Xmara Tigri. Fis-sena 632 Q.E.K. meta l-forzi magħqudin tal-Babiloniżi u l-Medi telgħu kontra Ninwè, hi ma ħassithiex daqshekk mhedda. Minħabba li ħassitha protetta wara l-ħitan tagħha, hi qieset lilha nfisha bħala belt impenetrabbli. Madankollu, minħabba x-xita bil-qliel it-Tigri bdiet tfur. Skond l-istudjuż taʼ l-istorja Dijodoru, dan “għarraq porzjon mill-belt u waqqaʼ l-ħitan għal distanza twila.” B’hekk, il-bwieb tax-xmara nfetħu, u bħalma ġie mbassar, Ninwè nħatfet malajr daqskemm ‘in-nar [jaħtaf malajr] it-tiben niexef.’—Naħum 1:8-10.
3:4—Ninwè kif kienet bħal mara żienja? Ninwè qarrqet bil-ġnus billi wegħdithom il-ħbiberija u l-għajnuna tagħha, imma fil-fatt ġabet fuqhom madmad taʼ moħqrija. Per eżempju, l-Assirja tat xi għajnuna lis-Sultan Aħaż taʼ Ġuda kontra l-konfoffa taʼ Iżrael u s-Sirja. Madankollu, maż-żmien ‘ġie s-sultan taʼ l-Assirja u għakkes’ lil Aħaż.—2 Kronaki 28:20.
Lezzjonijiet Għalina:
1:2-6. Il-fatt li Ġeħova għamel vendetta fuq l-għedewwa tiegħu, li jirrifjutaw li jagħtuh devozzjoni esklużiva, juri li hu jistenna devozzjoni kompletament esklużiva mill-aduraturi tiegħu.—Eżodu 20:5.
1:10. Il-ħitan enormi b’mijiet taʼ torrijiet ma żammewx il-kelma taʼ Ġeħova kontra Ninwè milli titwettaq. L-għedewwa tan-nies taʼ Ġeħova llum mhux se jkunu jistgħu jaħarbu l-ġudizzji t’Alla kontrihom.—Proverbji 2:22; Danjel 2:44.
“IL-ĠUST JGĦIX”
L-ewwel żewġ kapitli tal-ktieb taʼ Ħabakkuk huma djalogu bejn il-profeta u Alla Ġeħova. Imnikket minħabba dak li qed iseħħ f’Ġuda, Ħabakkuk jistaqsi lil Alla: “Għaliex turini l-ħażen, u inti toqgħod tħares lejn il-ħtija?” Ġeħova jwieġbu: “Jiena nqajjem il-Kaldin, il-ġens qalil li jaħbat għal kulħadd.” Il-profeta juri li hu sorpriż minħabba li Alla kien se juża lil “nies mill-agħar” biex jikkastiga lil Ġuda. (Ħabakkuk 1:3, 6, 13) Ħabakkuk jiġi żgurat li l-ġust se jibqaʼ ħaj, imma li l-għadu ma kienx se jaħrab il-kastig. Iktar minn hekk, Ħabakkuk iniżżel bil-miktub ħames gwajijiet li kellhom jiġu fuq l-għedewwa Kaldin.—Ħabakkuk 2:4.
F’talba biex tintwera ħniena, Ħabakkuk jitkellem f’“għana tan-niket” dwar turijiet tal-passat tal-qawwa taʼ l-għaġeb taʼ Ġeħova bħal dawk li seħħew fil-Baħar l-Aħmar, fix-xagħri, u f’Ġeriko. Il-profeta jbassar ukoll li Ġeħova se jiġi b’rabja qerrieda f’Armageddon. It-talba tikkonkludi bil-kliem: “Il-Mulej Sidi huwa l-qawwa tiegħi; riġlejja jagħmilhomli bħal taċ-ċriev u fuq l-għoljiet jeħodni.”—Ħabakkuk 3:1, 19.
Mistoqsijiet Skritturali Mweġbin:
1:5, 6—Għala jistaʼ jkun li l-Lhud ma ridux jemmnu li l-Kaldin kienu se jiħduha kontra Ġerusalemm? Saż-żmien li Ħabakkuk beda jipprofetizza, Ġuda kienet ġiet taħt l-influwenza qawwija taʼ l-Eġittu. (2 Slaten 23:29, 30, 34) Għalkemm il-Babiloniżi kienu qed isiru dejjem iktar qawwijin, l-armata tagħhom kienet għadha ma ġietx megħluba mill-Fargħun Neko. (Ġeremija 46:2) Iktar minn hekk, it-tempju taʼ Ġeħova kien f’Ġerusalemm, u d-dinastija taʼ David ħakmet minn dan il-post mingħajr interruzzjoni. Għal-Lhud lura f’dak iż-żmien, l-“għemil” t’Alla li jħalli lill-Kaldin jeqirdu lil Ġerusalemm setaʼ deher impossibbli. Però, minkejja kemm setaʼ deher impossibbli l-kliem taʼ Ħabakkuk għalihom, il-viżjoni dwar il-qerda taʼ Ġerusalemm mill-Babiloniżi seħħet fis-sena 607 Q.E.K.—Ħabakkuk 2:3.
2:5 (NW)—Min hu r-“raġel b’saħħtu” u għala “ma jilħaqx il-mira tiegħu”? Il-Babiloniżi, li użaw il-qawwa militari tagħhom biex jirbħu kontra l-ġnus, kienu karatterizzati minn “raġel b’saħħtu.” L-esperjenza tar-rebħa għamlitu bħal xi ħadd fis-sakra bl-inbid. Madankollu, hu ma kienx se jirnexxilu jiġmaʼ għalih il-ġnus kollha, għaliex Ġeħova kien se juża lill-Medi u lill-Persjani biex iwaqqgħuh. Ir-“raġel” fi żmienna huwa karatterizzat mill-qawwiet politiċi. Hu wkoll huwa xurban bil-kunfidenza u bl-arroganza u għandu xenqa rgħiba biex jespandi. Imma hu mhux se jilħaq il-mira tiegħu li “jiġbor lill-ġnus kollha.” Is-Saltna t’Alla biss se tgħaqqad lill-bnedmin.—Mattew 6:9, 10.
Lezzjonijiet Għalina:
1:1-4; 1:12–2:1. Ħabakkuk staqsa mistoqsijiet sinċieri, u Ġeħova wieġbu. L-Alla l-veru jagħti widen għat-talb tal-qaddejja leali tiegħu.
2:1 (NW). Bħal Ħabakkuk, aħna għandna nibqgħu attenti u attivi spiritwalment. Għandna wkoll inkunu lesti li naġġustaw il-ħsieb tagħna fi qbil maʼ kwalunkwe ‘twiddiba,’ jew korrezzjoni, li nistgħu ningħataw.
2:3; 3:16. Hekk kif nistennew bil-fidi l-jum li ġej taʼ Ġeħova, ejja ma nitilfux is-sens t’urġenza tagħna.
2:4. Biex insalvaw fil-jum taʼ ġudizzju taʼ Ġeħova li ġej, irridu nissaportu lealment.—Ebrej 10:36-38.
2:6, 7, 9, 12, 15, 19. Żgur se jiġi gwaj fuq dawk li huma rgħiba għall-qligħ diżonest, iħobbu l-vjolenza, jipprattikaw l-immoralità, jew jieħdu sehem fl-idolatrija. Irridu noqogħdu attenti li nevitaw dawn il-karatteristiki u l-prattiki.
2:11. Jekk noqogħdu lura milli nikxfu l-ħażen taʼ din id-dinja, “sal-ġebla minn ġol-ħajt għad tgħajjat.” Huwa importanti li nibqgħu nippridkaw il-messaġġ tas-Saltna bil-kuraġġ!
3:6. Xejn ma se jkun jistaʼ jwaqqaf lil Ġeħova meta jesegwixxi l-ġudizzju tiegħu, lanqas saħansitra l-organizzazzjonijiet umani li jidhru permanenti daqs il-muntanji u l-għoljiet.
3:13. Aħna għandna l-assiguranza li l-qerda f’Armageddon mhux se ssir kif ġie ġie. Ġeħova se jsalva lill-qaddejja leali tiegħu.
3:17-19. Avolja għandna mnejn niffaċċjaw id-diffikultajiet qabel u matul Armageddon, nistgħu nkunu fiduċjużi li Ġeħova se jagħtina “l-qawwa” hekk kif inkomplu naqduh bil-ferħ.
“JUM IL-MULEJ JINSAB FIL-QRIB”
Il-qima taʼ Bagħal hija mifruxa sew f’Ġuda. Permezz tal-profeta tiegħu Sofonija, Ġeħova jgħid: “Idi tilħaq lil Ġuda, u lin-nies kollha taʼ Ġerusalemm.” Sofonija jwissi: “Jum il-Mulej jinsab fil-qrib.” (Sofonija 1:4, 7, 14) Dawk biss li jgħixu skond il-ħtiġijiet t’Alla se ‘jkollhom fejn jistkennu’ f’dak il-jum.—Sofonija 2:3.
“Ħażin għaliha . . . l-belt li taħqar”—Ġerusalemm! “Stennewni, oraklu tal-Mulej, għal dakinhar li fih inqum biex nixhed; għaliex hu digriet tiegħi li jien niġbor il-ġnus . . . sabiex il-qilla tiegħi nixħet fuqhom.” Imma Alla jwiegħed: “Nagħtikom isem fost il-popli kollha taʼ l-art u dawn ifaħħrukom u nreġġagħkom għal li kontu quddiem għajnejkom stess.”—Sofonija 3:1, 8, 20.
Mistoqsijiet Skritturali Mweġbin:
2:13, 14—Min ‘isammaʼ leħnu’ f’Ninwè li hija mħarbta għalkollox? Ladarba Ninwè kellha ssir post għall-annimali salvaġġi u għall-għasafar, il-leħen li kellu jinstemaʼ jirreferi għall-għana taʼ l-għasafar u possibbilment għall-ħoss tar-riħ għaddej mit-twieqi taʼ bini vojt.
3:9 (NW)—X’inhi l-“lingwa pura,” u kif inhi mitkellma? Hija l-verità t’Alla misjuba fil-Kelma tiegħu, il-Bibbja. Din tinkludi t-tagħlim kollu tal-Bibbja. Aħna nitkellmuha billi nemmnu l-verità, billi ngħallmuha lil oħrajn b’mod korrett, u billi ngħixu fi qbil mar-rieda t’Alla.
Lezzjonijiet Għalina:
1:8. Xi wħud fi żmien Sofonija milli jidher kienu qed ifittxu li jkunu aċċettati mill-ġnus taʼ madwarhom billi kienu ‘jilbsu bħall-barranin.’ Kemm ikun bla sens li l-aduraturi taʼ Ġeħova llum jipprovaw ikunu bħad-dinja b’modi simili!
1:12; 3:5, 16. Ġeħova kompla jibgħat lill-profeti biex iwissi lill-poplu tiegħu dwar il-ġustizzja tiegħu. Hu għamel dan avolja—bħat-tartru li jkun hemm fil-qiegħ taʼ bittija nbid—ħafna Lhud kienu ssetiljaw ħajjithom u saru apatetiċi lejn il-messaġġ. Hekk kif joqrob il-jum il-kbir taʼ Ġeħova, minflok ma nħallu l-attitudni indifferenti tan-nies iġġegħelna ‘nħallu idejna jintelqu’ biex nitnikkru, aħna għandna bżonn inkomplu niddikjaraw il-messaġġ tas-Saltna mingħajr ma naqtgħu qalbna.
2:3. Ġeħova biss jistaʼ jsalvana f’jum il-korla tiegħu. Biex nibqgħu ngawdu l-favur tiegħu, għandna bżonn ‘infittxu l-Mulej’ billi nistudjaw bir-reqqa l-Kelma tiegħu, il-Bibbja; billi bit-talb nitolbu għall-gwida tiegħu; u billi nersqu qrib lejh. Aħna għandna ‘nfittxu l-ġustizzja’ billi ngħixu ħajja nadifa moralment. U għandna bżonn ‘infittxu l-umiltà’ billi nikkultivaw attitudni ġwejda u sottomessa.
2:4-15; 3:1-5. Fil-jum meta Ġeħova se jesegwixxi l-ġudizzju, il-Kristjaneżmu u l-ġnus kollha, li ħaqru lill-poplu t’Alla, se jkollhom l-istess tmiem li kellhom Ġerusalemm tal-qedem u l-ġnus taʼ madwarha. (Rivelazzjoni 16:14, 16; 19:4-8) Aħna għandna nkomplu nxandru l-ġudizzji t’Alla bla biżaʼ.
3:8, 9. Hekk kif nistennew il-jum taʼ Ġeħova, aħna nippreparaw għas-salvazzjoni billi nitgħallmu nitkellmu l-“lingwa pura” (NW) u billi ‘nsejħu isem il-Mulej’ permezz taʼ dedikazzjoni persunali lilu. Aħna għandna wkoll naqdu lil Ġeħova b’“qalb waħda” fi sħubija mal-poplu tiegħu u noffrulu “sagrifiċċju taʼ tifħir” bħala rigal.—Ebrej 13:15.
“Riesaq b’Ħeffa”
Is-salmista kanta: “Ftit ieħor, u l-ħażin ma jkunx aktar; għad tħares fejn kien u ma ssibux.” (Salm 37:10) Meta nimmeditaw dwar dak li ġie mbassar dwar Ninwè fil-ktieb taʼ Naħum u dwar Babilonja u Ġuda apostata fil-ktieb taʼ Ħabakkuk, ma jkollna ebda dubju li l-kliem tas-salmista se jseħħ. Imma kemm għad irridu nistennew?
“Il-jum il-kbir tal-Mulej fil-qrib!” jgħid Sofonija 1:14. “Fil-qrib, u riesaq b’ħeffa li ma bħalha!” Il-ktieb taʼ Sofonija jurina wkoll kif nistgħu nistkennu f’dak il-jum u x’għandna nagħmlu issa biex nippreparaw ħalli nsalvaw. Tabilħaqq, “il-kelma t’Alla hi ħajja u qawwija.”—Ebrej 4:12.
[Stampi f’paġna 8]
Il-ħitan enormi taʼ Ninwè ma żammewx il-profezija taʼ Naħum milli titwettaq
[Sors]
Randy Olson/National Geographic Image Collection