LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w02 5/1 pp. 19-24
  • Min Se Jibqaʼ Ħaj fil-Jum taʼ Jehovah?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Min Se Jibqaʼ Ħaj fil-Jum taʼ Jehovah?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • It-​Tribulazzjoni l-​Kbira
  • Il-​Kristjaneżmu Jimita lil Iżrael
  • Titwettaq il-​Profezija
  • Jehovah Ibierek lill-​Qaddejja Tiegħu
  • Naqdu lil Jehovah bil-​Ferħ
  • Il-Jum li Qiegħed ‘Jaqbad Bħal Kalkara’
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1995
  • Punti Prinċipali mill-Ktieb taʼ Malakija
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
  • “Xita taʼ Barkiet Sakemm Ma Jkun Jonqoskom Xejn Iktar”
    Għix bil-Jum taʼ Ġeħova f’Moħħok
  • Il-Jum taʼ Jehovah li Jispira l-Biżaʼ Huwa Qrib
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1995
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
w02 5/1 pp. 19-24

Min Se Jibqaʼ Ħaj fil-​Jum taʼ Jehovah?

“Jiġi l-​Jum, jaqbad qisu forn.”—MALAKIJA 3:19 (4:​1, NW).

1. Malakija kif jiddeskrivi t-​tmiem taʼ din is-​sistema mill-​agħar?

IL-​PROFETA Malakija kien imnebbaħ minn Jehovah biex iniżżel bil-​miktub profeziji taʼ ġrajjiet taʼ l-​għaġeb li se jseħħu fil-​futur qarib. Dawn il-​ġrajjiet se jeffettwaw lil kull bniedem fuq l-​art. Malakija 3:19 (4:​1, NW) ibassar: “‘Ara, jiġi l-​Jum, jaqbad qisu forn, u l-​kburin kollha u dawk kollha li jagħmlu l-​ħażen ikunu tiben, u l-​jum li ġej għad jaħraqhom,’ jgħid il-​Mulej taʼ l-​eżerċti, ‘hekk li ma jħallilhom la għerq u lanqas fergħa.’” Kemm se tkun kompluta l-​qerda taʼ din is-​sistema mill-​agħar? Se tkun bħal siġra li l-​għeruq tagħha nqerdu għalkollox, u b’hekk qatt ma tistaʼ terġaʼ tikber.

2. Ċerti skritturi kif jiddeskrivu jum Jehovah?

2 Forsi int tistaqsi, ‘Liema “jum” qed ibassar dwaru l-​profeta Malakija?’ Huwa l-​istess jum li jitkellem dwaru Isaija 13:​9, li jiddikjara: “Araw, Jum il-​Mulej għad jasal, kiefer, mgħaddab, ħuġġieġa nar bil-​korla, biex jagħmel mill-​art ħerba, u jeqred minnha l-​midinbin.” Sofonija 1:15 jipprovdi din id-​deskrizzjoni: “Hu jum taʼ korla dak il-​Jum, jum taʼ dwejjaq u niket, jum taʼ qerda u diqa, jum taʼ dlam u swied, jum imsaħħab u taʼ ċpar magħqud.”

It-​Tribulazzjoni l-​Kbira

3. X’inhu l-​jum taʼ Jehovah?

3 Fit-​twettiq il-​kbir tal-​profezija taʼ Malakija, “Jum il-​Mulej” huwa dak il-​perijodu taʼ żmien li fih ikun hemm “diqa kbira,” jew tribulazzjoni kbira. Ġesù bassar: “Imbagħad ikun hawn diqa kbira li mill-​bidu tad-​dinja sa issa għadu qatt ma kien hawn bħalha u anqas ikun hawn.” (Mattew 24:21) Aħseb daqsxejn kemm niket diġà rat id-​dinja, speċjalment mill-​1914 ’l hawn. (Mattew 24:​7-12) Biss biss it-​Tieni Gwerra Dinjija swiet il-​ħajja taʼ iktar minn 50 miljun ruħ! Madankollu, it-​tribulazzjoni l-​kbira se tara diżastri li ħdejhom dak l-​inkwiet kollu se jkun qisu m’hu xejn. Din il-​ġrajja, l-​istess bħall-​jum taʼ Jehovah, tintemm f’Armageddon, billi ġġib fi tmiemhom l-​aħħar jiem taʼ din is-​sistema mill-​agħar.—2 Timotju 3:​1-5, 13; Apokalissi 7:14; 16:​14, 16.

4. Meta l-​jum taʼ Jehovah jintemm, x’se jkun seħħ?

4 Sa tmiem dak il-​jum taʼ Jehovah, id-​dinja taʼ Satana u dawk li jappoġġawha se jkunu spiċċaw għalkollox. L-​ewwel li se tinqered tkun ir-​reliġjon falza kollha. Imbagħad il-​ġudizzju taʼ Jehovah jitwettaq fuq is-​sistemi politiċi u kummerċjali taʼ Satana. (Apokalissi 17:​12-14; 19:​17, 18) Eżekjel ibassar: “Il-​fidda jarmuha fit-​toroq, u dehebhom isir bħaż-​żibel. Il-​fidda u d-​deheb tagħhom ma jeħilsuhomx f’Jum il-​korla tal-​Mulej.” (Eżekjel 7:19) Rigward dak il-​jum, Sofonija 1:14 jgħid: “Il-​Jum il-​kbir tal-​Mulej fil-​qrib! Fil-​qrib, u riesaq b’ħeffa li ma bħalha!” Meta nqisu x’tgħid il-​Bibbja dwar il-​jum taʼ Jehovah, għandna nkunu determinati li naġixxu fi qbil mal-​ħtiġijiet taʼ tjieba t’Alla.

5. Liema esperjenza jgawdu dawk li jibżgħu minn isem Jehovah?

5 Wara li jbassar x’se jagħmel il-​jum taʼ Jehovah lid-​dinja taʼ Satana, Malakija 3:20 (4:​2, NW) isemmi x’qal Jehovah: “Għalikom li tibżgħu minn Ismi titlaʼ x-​xemx tal-​ġustizzja, bis-​salvazzjoni fuq ġwenħajha; u intom toħorġu taqbżu qiskom għoġiela tal-​mandra.” Ġesù Kristu hu x-​“xemx tal-​ġustizzja.” Hu “d-​dawl [spiritwali] tad-​dinja.” (Ġwann 8:12) Ġesù jiddi bil-​fejqan li jagħti—l-​ewwelnett il-​fejqan spiritwali, li nesperjenzawh illum, u mbagħad fejqan fiżiku komplut fid-​dinja l-​ġdida. Bħalma jgħid Jehovah, l-​imfejqin se ‘joħorġu jaqbżu qishom għoġiela tal-​mandra’ eċċitati u ferħanin li qed jinħelsu mill-​irbit.

6. Liema ċelebrazzjoni tar-​rebħa se jgawdu l-​qaddejja taʼ Jehovah?

6 Xi ngħidu għal dawk li jinjoraw il-​ħtiġijiet taʼ Jehovah? Malakija 3:21 (4:​3, NW) jgħid: “‘[Intom il-​qaddejja t’Alla] tisħqu l-​ħżiena, għax huma jkunu qishom irmied taħt qigħan riġlejkom fil-​jum imħejji minni,’ jgħid il-​Mulej taʼ l-​eżerċti.” Il-​bnedmin li jqimu lil Alla mhux se jieħdu sehem meta tinqered id-​dinja taʼ Satana. Minflok, se ‘jisħqu l-​ħżiena’ b’mod figurattiv billi jieħdu sehem fiċ-​ċelebrazzjoni tar-​rebħa li se ssir wara l-​jum taʼ Jehovah. Kien hemm ċelebrazzjoni kbira wara l-​qerda taʼ l-​eżerċti taʼ Fargħun fil-​Baħar l-​Aħmar. (Eżodu 15:​1-21) It-​tneħħija taʼ Satana u d-​dinja tiegħu fit-​tribulazzjoni l-​kbira bl-​istess mod se tiġi segwita minn ċelebrazzjoni tar-​rebħa. In-​nies leali li jibqgħu ħajjin wara l-​jum taʼ Jehovah se jgħajtu bil-​ferħ u jgħidu: “Nifirħu u nithennew bis-​salvazzjoni tiegħu.” (Isaija 25:9) Kemm se jkun hemm għajat taʼ ferħ meta s-​sovranità taʼ Jehovah tiġi vindikata u l-​art titnaddaf biex in-​nies jgħixu fuqha fil-​paċi!

Il-​Kristjaneżmu Jimita lil Iżrael

7, 8. Iddeskrivi l-​kundizzjoni spiritwali taʼ Iżrael fi żmien Malakija.

7 Dawk li jsibu ruħhom f’pożizzjoni taʼ favur maʼ Jehovah huma dawk li jaqduh, b’kuntrast maʼ dawk li ma jaqduhx. L-​istess ġara meta Malakija kiteb il-​ktieb tiegħu. Fis-​sena 537 Q.E.K., fdal mill-​ġens taʼ Iżrael irritorna lura f’artu wara 70 sena fil-​jasar f’Babilonja. Madankollu, matul il-​mitt sena taʼ wara, il-​ġens beda miexi bil-​mod il-​mod lejn l-​apostasija u l-​ħażen. Il-​biċċa l-​kbira min-​nies kienu qed jiddiżonoraw l-​isem taʼ Jehovah; jinjoraw il-​liġijiet taʼ tjieba tiegħu; iniġġsu t-​tempju tiegħu billi joffru bħala sagrifiċċji annimali li kienu għomja, zopop, u morda; u jiddivorzjaw lin-​nisa li żżewġu f’żgħożithom.

8 B’hekk, Jehovah qalilhom: “Nersaq lejkom biex nagħmel il-​ġustizzja, u nkun xhud ħafif kontra s-​saħħara, u kontra ż-​żienja, u kontra min jaħlef bil-​qerq, u kontra min jaħqar il-​ħaddiem fi ħlasu u l-​armla u l-​iltim, u kontra min iwarrab il-​barrani u ma jibżax minni . . . Għax jien, il-​Mulej, ma tbiddiltx.” (Malakija 3:​5, 6) Madankollu, Jehovah għamel stedina lil kulmin ried idur lura mit-​triq ħażina tiegħu: “Erġgħu lura lejja, u jien nerġaʼ lura lejkom.”—Malakija 3:7.

9. Il-​profeziji taʼ Malakija kif kellhom twettiq tal-​bidu?

9 Dan il-​kliem kellu twettiq ukoll fl-​ewwel seklu E.K. Fdal minn fost il-​Lhud qeda lil Jehovah u sar parti minn “ġens” ġdid taʼ Kristjani midlukin bl-​ispirtu, li maż-​żmien sar jinkludi wkoll lill-​Ġentili. Imma fil-​maġġuranza kbira tagħhom l-​Iżraelin naturali ċaħduh lil Ġesù. Għalhekk, Ġesù qal lill-​ġens taʼ Iżrael: “Ara, darkom għad iħalluhielkom ħerba!” (Mattew 23:38; 1 Korintin 16:22) Fis-​sena 70 E.K., bħalma kien imbassar f’Malakija 3:19 (4:​1, NW), ġie “Jum, jaqbad qisu forn” fuq Iżrael naturali. Ġerusalemm u t-​tempju tagħha ġew meqrudin, u kien rapportat li iktar minn miljun ruħ mietu minħabba l-​ġuħ, il-​ġlied għall-​poter, u l-​attakki mill-​armati Rumani. Madankollu, dawk li qdew lil Jehovah ħelsu minn dik it-​tribulazzjoni.—Mark 13:​14-20.

10. In-​nies in ġenerali u l-​membri tal-​kleru b’liema mod jimitaw lil Iżrael taʼ l-​ewwel seklu?

10 Il-​bnedmin, u b’mod partikulari l-​Kristjaneżmu, qegħdin jimitaw lill-​ġens taʼ Iżrael fl-​ewwel seklu. Il-​mexxejja u n-​nies in ġenerali fil-​Kristjaneżmu jippreferu t-​twemmin reliġjuż tagħhom milli l-​veritajiet t’Alla li għallem Ġesù. It-​tort hu speċjalment tal-​membri tal-​kleru. Dawn jirrifjutaw li jużaw l-​isem taʼ Jehovah, u saħansitra neħħewh mill-​verżjonijiet tagħhom tal-​Bibbja. Lil Jehovah jiddiżonorawh b’tagħlim li ma jinstabx fl-​Iskrittura, bħad-​duttrini pagani tat-​turment etern fin-​nar taʼ l-​infern, it-​Trinità, l-​immortalità tar-​ruħ, u l-​evoluzzjoni. B’hekk, lil Jehovah jisirqulu t-​tifħir li tant jixraqlu, bħalma għamlu l-​qassisin fi żmien Malakija.

11. Ir-​reliġjonijiet tad-​dinja kif juru lil min qed jaqdu tassew?

11 Fl-​1914, meta bdew l-​aħħar jiem, ir-​reliġjonijiet taʼ din id-​dinja, immexxijin minn dawk li jsostnu li huma Kristjani, urew lil min tassew kienu qed jaqdu. Matul iż-​żewġ gwerer dinjin, inkuraġġew lill-​membri tagħhom biex imorru għall-​gwerra minħabba differenzi nazzjonali, anki jekk dan kien ifisser li joqtlu nies taʼ l-​istess reliġjon tagħhom. Il-​Kelma t’Alla tidentifika b’mod ċar lil dawk li jobdu lil Jehovah u lil dawk li ma jobduhx: “B’dan jidhru min huma wlied Alla u min huma wlied ix-​Xitan; għax min ma jagħmilx il-​ġustizzja m’huwiex minn Alla, anqas min ma jħobbx lil ħuh. Għax l-​aħbar li smajtu sa mill-​bidu hija din: li nħobbu lil xulxin. Mhux bħal Kajjin, li kien mill-​Ħażin u qatel lil ħuh.”​—1 Ġwann 3:​10-​12.

Titwettaq il-​Profezija

12, 13. Il-qaddejja t’Alla liema profeziji wettqu fi żmienna?

12 Sa meta ntemmet l-​Ewwel Gwerra Dinjija fl-​1918, il-​qaddejja taʼ Jehovah setgħu jaraw li Alla kien ikkundanna lill-​Kristjaneżmu u l-​kumplament tar-​reliġjon falza kollha. Minn dakinhar ’il quddiem ħarġet is-​sejħa għal dawk li huma taʼ qalbhom twajba: “Oħorġu minnha, poplu tiegħi, biex ma jkollkomx x’taqsmu magħha fi dnubietha, u biex mill-​kastigi tagħha ma tiħdux sehem. Għax dnubietha saru ħemel għoli sas-​sema, u Alla ftakar fl-​għemejjel ħżiena tagħha.” (Apokalissi 18:​4, 5) Dawk li xtaqu jaqdu lil Jehovah bdew jitnaddfu minn kull ħjiel taʼ reliġjon falza u bdew jippridkaw mad-​dinja kollha l-​aħbar tajba tas-​Saltna stabbilita, xogħol li jrid ikun komplut qabel jiġi t-​tmiem taʼ din is-​sistema mill-​agħar.​—Mattew 24:14.

13 Dan seħħ biex titwettaq il-​profezija taʼ Malakija 3:23 (4:​5, NW), fejn Jehovah qal: “Ara, jiena nibagħtilkom ’l Elija l-​profeta qabel ma jasal Jum il-​Mulej u Jum il-​biżaʼ.” Din il-​profezija kellha l-​ewwel twettiq fix-​xogħol taʼ Ġwanni l-​Għammied, li kien iffigurat bil-​quddiem minn Elija. Ġwanni għamel xogħol bħal dak taʼ Elija meta għammed lil-​Lhud li kienu nidmu minn dnubiethom kontra l-​patt tal-​Liġi. Iktar importanti minn hekk, Ġwanni kien dak li witta t-​triq għall-​Messija. Madankollu, ix-​xogħol taʼ Ġwanni kien biss twettiq inizjali tal-​profezija taʼ Malakija. Waqt li identifika lil Ġwanni bħala Elija ieħor, Ġesù wera li kien għad hemm xogħol bħal taʼ “Elija” xi jsir fil-​futur.​—Mattew 17:​11, 12.

14. Liema xogħol vitali jrid isir qabel tintemm din is-​sistema?

14 Il-​profezija taʼ Malakija wriet li dan ix-​xogħol kbir bħal taʼ Elija kellu jsir “qabel ma jasal Jum il-​Mulej u Jum il-​biżaʼ.” Dan il-​jum se jintemm bil-​gwerra, li riesqa bil-​ħeffa, tal-​jum il-​kbir t’Alla li Jistaʼ Kollox, f’Armageddon. Dan ifisser li, qabel jiġi t-​tmiem taʼ din is-​sistema mill-​agħar u jibda r-​Renju t’Elf Sena tas-​Saltna t’Alla mis-​sema f’idejn Ġesù Kristu fuq it-​tron, kellu jsir xogħol li jaqbel maʼ dak li kien għamel Elija. U sewwa sew kif tgħid dik il-​profezija, qabel Jehovah jeqred din is-​sistema mill-​agħar, il-​membri tal-​klassi taʼ Elija fi żmienna, bl-​appoġġ taʼ miljuni taʼ Kristjani sħabhom li għandhom it-​tama taʼ ħajja fuq l-​art, qegħdin iwettqu b’entużjażmu kbir ix-​xogħol li jistabbilixxu mill-​ġdid il-​qima pura, jigglorifikaw l-​isem taʼ Jehovah, u jgħallmu l-​veritajiet tal-​Bibbja lil dawk li huma bħal nagħaġ.

Jehovah Ibierek lill-​Qaddejja Tiegħu

15. Jehovah kif jiftakarhom lill-​qaddejja tiegħu?

15 Jehovah ibierek lil dawk li jaqduh. Malakija 3:16 jgħid: “Hekk qalu wieħed lil ieħor dawk li jibżgħu mill-​Mulej; u l-​Mulej ta widen u samaʼ; u nkiteb quddiemu ktieb it-​tifkiriet minħabba f’dawk li jibżgħu minnu u dawk li jafdaw f’Ismu.” Minn żmien Abel ’il quddiem, Alla beda bħallikieku jikteb fi ktieb l-​ismijiet taʼ dawk li kien se jiftakarhom biex jagħtihom il-​ħajja taʼ dejjem. Lil dawn Jehovah jgħidilhom: “Ġibuhom sħaħ id-​dieċmi u l-​offerti fit-​teżor, ħa jkun hemm l-​ikel f’dari. U b’hekk ejjew ġarrbuni . . . [u] taraw jekk niftaħx għalikom it-​twieqi tas-​sema, u jekk insawwabx fuqkom barka bl-​abbundanza.”—Malakija 3:10.

16, 17. Jehovah kif bierek lin-​nies tiegħu u x-​xogħol li jagħmlu?

16 Jehovah tabilħaqq bierek lil dawk li jaqduh. Kif? Mod wieħed huwa billi għenhom jifhmu iżjed ċar l-​iskopijiet tiegħu. (Proverbji 4:18; Danjel 12:10) Mod ieħor huwa billi tahom frott li ma bħalu fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar. Għadd kbir taʼ nies taʼ qalb onesta ngħaqdu magħhom fil-​qima vera, u dawn kollha jifformaw “kotra kbira . . . minn kull ġens u tribù, minn kull poplu u lsien, . . . u għollew leħenhom u bdew jgħidu: ‘Is-​salvazzjoni nafuha lil Alla tagħna li qiegħed fuq it-​tron, u lill-​Ħaruf.’” (Apokalissi 7:​9, 10) Din il-​kotra kbira bdiet tidher b’mod meraviljuż, u dawk li qed jaqdu lil Jehovah b’mod attiv issa jgħoddu ’l fuq minn sitt miljuni f’iktar minn 93,000 kongregazzjoni mad-​dinja kollha!

17 Il-​barka taʼ Jehovah tidher ukoll mill-​fatt li l-​pubblikazzjonijiet tax-​Xhieda taʼ Jehovah, ibbażati fuq il-​Bibbja, huma l-​iktar li kienu u għadhom jitqassmu fl-​istorja kollha tad-​dinja. Fil-​preżent, kull xahar jiġu stampati mad-​90 miljun kopja tar-​rivisti It-​Torri taʼ l-​Għassa u Stenbaħ!; It-​Torri taʼ l-​Għassa b’144 lingwa u Stenbaħ! b’87 lingwa. Il-​ktieb taʼ studju tal-​Bibbja Il-​Verità li Twassal għal Ħajja Eterna, pubblikat fl-​1968, laħaq ċirkulazzjoni taʼ iktar minn 107 miljun kopja b’117-il lingwa. Il-​ktieb Int Tistaʼ Tgħix għal Dejjem fil-​Ġenna Fuq l-​Art, li ħareġ fl-​1982, laħaq iktar minn 81 miljun kopja b’131 lingwa. Il-​ktieb Għarfien Li Jwassal Għall-​Ħajja Taʼ Dejjem, li ħareġ fl-​1995, s’issa ġie stampat f’iktar minn 85 miljun kopja b’154 lingwa. Il-​browxer Alla X’Jirrikjedi Minna?, pubblikat fl-​1996, diġà laħaq madwar il-​150 miljun kopja b’244 lingwa s’issa.

18. Għala ngawdu riżq spiritwali minkejja l-​oppożizzjoni?

18 Dan ir-​riżq spiritwali ġie gawdut minkejja l-​iktar oppożizzjoni ħarxa u fit-​tul mid-​dinja taʼ Satana. Dan juri kemm hu minnu l-​kliem li nsibu f’Isaija 54:17: “‘Ebda arma magħmula kontrik ma tiswa, u kull ilsien li jħaqqaq kontrik toħorġu b’ħati. [“Dan hu l-​wirt,” Saydon] tal-​qaddejja tal-​Mulej; mingħandi jieħdu r-​raġun,’ oraklu tal-​Mulej.” Kemm hu taʼ faraġ għall-​qaddejja taʼ Jehovah li jkunu jafu li Malakija 3:17 qed ikollu t-​twettiq ewlieni tiegħu fuqhom: “‘Fil-​jum imħejji minni,’ jgħid il-​Mulej taʼ l-​eżerċti, ‘huma jkunu għalija teżor li ma bħalu.’”

Naqdu lil Jehovah bil-​Ferħ

19. Dawk li jaqdu lil Jehovah kif inhuma differenti minn dawk li ma jaqduhx?

19 Il-​kuntrast bejn il-​qaddejja leali taʼ Jehovah u dawk li jinsabu fid-​dinja taʼ Satana qed isir dejjem iktar u iktar ċar iżjed ma jgħaddi ż-​żmien. Malakija 3:18 bassar: “Mbagħad mill-​ġdid tagħrfu tagħżlu bejn il-​ġust u l-​ħażin, bejn min jaqdi ’l Alla u min ma jaqdihx.” Waħda mill-​ħafna differenzi li jeżistu hija li min jaqdi lil Jehovah jagħmel dan b’ferħ kbir. Fost ir-​raġunijiet għal dan hemm it-​tama meraviljuża li għandhom. Huma fiduċjużi għall-​aħħar f’Jehovah meta jgħid: “Arani, se noħloq smewwiet ġodda u art ġdida. Ma jitfakkarx iżjed l-​imgħoddi, f’moħħ ħadd aktar ma jiġi. Imma għad jifirħu u jaqbżu bil-​ferħ għal dejjem, minħabba f’dak li għad noħloq jien.”​—Isaija 65:​17, 18; Salm 37:​10, 11, 29; Apokalissi 21:​4, 5.

20. Għala aħna poplu ferrieħi?

20 Aħna nemmnu fil-​wegħda taʼ Jehovah li n-​nies leali tiegħu se jibqgħu ħajjin wara l-​jum il-​kbir tiegħu u jsiru parti mid-​dinja l-​ġdida. (Sofonija 2:3; Apokalissi 7:​13, 14) U għalkemm xi wħud forsi jmutu qabel dak iż-​żmien minħabba x-​xjuħija, il-​mard, jew xi diżgrazzja, Jehovah jagħti kelmtu li se jirxoxtahom bl-​għan li jagħtihom il-​ħajja taʼ dejjem. (Ġwann 5:​28, 29; Titu 1:2) Mela, għalkemm ilkoll għandna l-​problemi u l-​isfidi tagħna, hekk kif navviċinaw dan il-​jum taʼ Jehovah, għandna kull raġun għalxiex inkunu l-​iktar poplu ferħan fuq wiċċ l-​art.

Int Kif Twieġeb?

• X’inhu l-​jum taʼ Jehovah?

• Ir-reliġjonijiet tad-​dinja kif jimitaw lil Iżrael tal-​qedem?

• Liema profeziji jwettqu l-​qaddejja taʼ Jehovah?

• Jehovah kif bierek lill-​poplu tiegħu?

[Stampa f’paġna 21]

Ġerusalemm taʼ l-​ewwel seklu ‘qabdet qisha forn’

[Stampi f’paġna 23]

Jehovah jipprovdi għal dawk li jaqduh

[Stampi f’paġna 24]

Minħabba t-​tama meraviljuża li għandhom, il-​qaddejja taʼ Jehovah huma verament henjin

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja