LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w02 6/1 pp. 18-23
  • Imnaddfin Bħala Poplu Għal Opri Tajba

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Imnaddfin Bħala Poplu Għal Opri Tajba
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Nodfa għall-​Qima Vera
  • L-​Indafa Fiżika Tirrikkmandana
  • Qalb Mhix Imniġġsa
  • Imnaddfin għal Opri Tajba
  • Alla Jħobb Nies Nodfa
    “Żommu Ruħkom fl-Imħabba t’Alla”
  • Il-Qaddejja t’Alla Jridu Jkunu Nodfa
    Alla X’Jirrikjedi Minna?
  • Ġeħova jrid li n-nies tiegħu jkunu nodfa
    Kif tibqa’ fl-imħabba t’Alla
  • L-Indafa Morali Hija s-Sbuħija taż-Żgħożija
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1990
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
w02 6/1 pp. 18-23

Imnaddfin Bħala Poplu Għal Opri Tajba

“Ħa nitnaddfu minn kull tidnis tal-​ġisem u tar-​ruħ, u ntemmu l-​qdusija tagħna fil-​biżaʼ taʼ Alla.”—2 KORINTIN 7:1.

1. Jehovah x’jirrikjedi minn dawk li jqimuh?

“MIN jistaʼ jitlaʼ fuq l-​għolja tal-​Mulej, min joqgħod fil-​post imqaddes tiegħu?” Is-​Sultan David taʼ Iżrael tal-​qedem qajjem din il-​mistoqsija li tqanqal il-​ħsieb rigward il-​qima li hija aċċettata minn Jehovah. Imbagħad hu pprovda t-​tweġiba: “Min għandu jdejh indaf u qalbu safja, min ma jagħtix ruħu għall-​frugħa, u anqas jaħlef bil-​qerq.” (Salm 24:​3, 4) Biex ikun aċċettat minn Jehovah, li hu l-​istess essenza tal-​qdusija, wieħed irid ikun nadif u qaddis. Iktar kmieni, Jehovah fakkar lill-​kongregazzjoni taʼ Iżrael: “Għandkom titqaddsu, u tkunu qaddisin, għax jien qaddis.”—Levitiku 11:​44, 45; 19:2.

2. Pawlu u Ġakbu kif enfasizzaw l-​importanza taʼ l-​indafa fil-​qima vera?

2 Sekli wara, l-​appostlu Pawlu kiteb lill-​Kristjani sħabu fil-​belt taʼ Korintu li kienet imħassra moralment: “Meta għandna dawn il-​wegħdiet, għeżież tiegħi, ħa nitnaddfu minn kull tidnis tal-​ġisem u tar-​ruħ, u ntemmu l-​qdusija tagħna fil-​biżaʼ taʼ Alla.” (2 Korintin 7:1) Għal darb’oħra dan joħroġ il-​punt li biex ikollok relazzjoni m’Alla u tirċievi l-​barkiet imwiegħda, trid tkun nadif u bla ebda tniġġis u taħsir fiżiku u spiritwali. Bl-​istess mod, meta kiteb dwar qima li hija aċċettata minn Alla, id-​dixxiplu Ġakbu stqarr: “Reliġjon safja u bla tebgħa quddiem Alla ’l Missier hi din: Iżżur l-​iltiema u r-​romol fil-​hemm tagħhom, u li żżomm lilek innifsek bla tebgħa mid-​dinja.”—Ġakbu 1:​27, KŻ.

3. Jekk irridu li l-​qima tagħna tkun aċċettata minn Alla, dwar xiex irridu naħsbu serjament?

3 Ladarba l-​indafa, il-​qdusija, u n-​nuqqas taʼ tniġġis huma fatturi daqstant importanti fil-​qima vera, kulmin irid jikseb l-​approvazzjoni t’Alla għandu jaħseb bis-​serjetà dwar kif jistaʼ jwettaq dawn il-​ħtiġijiet. Madankollu, peress li n-​nies illum għandhom livelli u ideat differenti ferm rigward l-​indafa, irridu nifhmu u nimxu fuq dak li Jehovah iqis bħala nadif u aċċettabbli. Irridu nfittxu dak li Alla jirrikjedi f’dan ir-​rigward minn dawk li jqimuh u x’għamel biex jgħinhom isiru u jibqgħu nodfa u aċċettati minnu.—Salm 119:9; Danjel 12:10.

Nodfa għall-​Qima Vera

4. Spjega l-​konċett Bibliku taʼ l-​indafa.

4 Għal ħafna nies, li tkun nadif ifisser biss li tkun ħieles mill-​ħmieġ jew mit-​tniġġis. Madankollu, fil-​Bibbja nsibu għadd taʼ kliem, kemm bl-​Ebrajk u kemm bil-​Grieg, li jagħti l-​idea taʼ li wieħed ikun nadif mhux biss f’sens fiżiku imma spiss, iktar f’sens morali u spiritwali. B’hekk, enċiklopedija tal-​Bibbja tgħid: “‘Nadif’ u ‘mhux nadif’ huma termini li rari ssibhom marbutin biss maʼ kwistjonijiet taʼ iġjene, imma huma prinċipalment konċetti reliġjużi. Fi qbil maʼ dan, il-​prinċipju taʼ ‘l-​indafa’ jeffettwa kważi kull aspett tal-​ħajja.”

5. Il-​Liġi Mosajka sa liema punt kienet tirregola l-​indafa fil-​ħajja taʼ l-​Iżraelin?

5 Tabilħaqq, il-​Liġi Mosajka kienet tinkludi liġijiet u regolamenti kważi fuq kull aspett tal-​ħajja taʼ l-​Iżraelin, u kienet tispeċifika dak li kien nadif u aċċettabbli, u dak li ma kienx. Per eżempju, f’Levitiku kapitli 11 sa 15, insibu istruzzjonijiet dettaljati rigward l-​indafa u n-​nuqqas taʼ ndafa. Ċerti annimali ma kinux nodfa, u l-​Iżraelin ma setgħux jikluhom. It-​twelid taʼ tarbija kien jikkaġuna n-​nuqqas taʼ ndafa f’mara għal perijodu taʼ żmien speċifikat. Ċertu mard tal-​ġilda, partikolarment il-​ġdiem, u tisfija taʼ l-​organi sesswali kemm maskili u kemm femminili kienu bl-​istess mod jagħmlu lill-​individwu mhux nadif. Il-​Liġi speċifikat ukoll x’kellu jsir f’sitwazzjonijiet li jinvolvu n-​nuqqas taʼ ndafa. Per eżempju, f’Numri 5:2 naqraw: “Għid lil ulied Iżrael biex iwarrbu mill-​kamp lil kull min għandu l-​ġdiem, xi nxija jew tniġġes minħabba xi mejjet.”

6. Għala ngħataw il-​liġijiet dwar l-​indafa?

6 Bla ebda dubju, dawn u liġijiet oħrajn mingħand Jehovah kienu jirriflettu konċetti mediċi u fiżjoloġiċi minn ħafna qabel ma saru magħrufin mix-​xjenzati, u n-​nies ibbenefikaw meta kienu jsegwuhom. Madankollu, dawn il-​liġijiet ma ngħatawx sempliċement bħala kodiċi sanitarja jew biex jaqdu biss bħala gwida medika. Kienu parti mill-​qima vera. Il-​fatt li kienu jinvolvu l-​ħajja taʼ kuljum tan-​nies—l-​ikel, il-​ħlas, ir-​relazzjonijiet bejn il-​miżżewġin, u affarijiet oħra—sempliċement enfasizza l-​punt li Alla tagħhom, Jehovah, kellu d-​dritt jiddetermina għalihom dak li kien xieraq u dak li ma kienx fl-​aspetti kollha taʼ ħajjithom, li kienet ġiet dedikata esklużivament lil Jehovah.—Dewteronomju 7:6; Salm 135:4.

7. Liema barka kien se jirċievi l-​ġens taʼ Iżrael dment li jħares il-​Liġi?

7 Ukoll, il-​patt tal-​Liġi pproteġa lill-​Iżraelin mill-​prattiċi mniġġsa tal-​ġnus taʼ madwarhom. L-​Iżraelin kienu se jibqgħu aċċettabbli quddiem Alla tagħhom biex jaqduh u jirċievu l-​barka tiegħu dment li jħarsu fedelment il-​Liġi tiegħu, inkluż il-​ħtiġijiet kollha biex jibqgħu nodfa f’għajnejn Jehovah. F’dan ir-​rigward, Jehovah qal lill-​ġens: “Jekk tisimgħu leħni u żżommu l-​patt tiegħi, intom tkunu l-​wirt tiegħi minn fost il-​popli kollha, għax l-​art kollha tiegħi. Intom tkunu għalija saltna taʼ qassisin u ġens qaddis.”—Eżodu 19:​5, 6; Dewteronomju 26:19.

8. Il-​Kristjani llum għala għandhom joqogħdu attenti għal dak li jintqal fil-​Liġi dwar l-​indafa?

8 Ladarba Jehovah inkluda dawn id-​dettalji kollha fil-​Liġi biex jistruwixxi lill-​Iżraelin fuq kif isiru nodfa, qaddisin, u aċċettabbli quddiemu, m’huwiex xieraq li l-​Kristjani llum jikkunsidraw bir-​reqqa kif jinsabu f’dan ir-​rigward? Avolja l-​Kristjani m’humiex marbutin bil-​Liġi, iridu jżommu f’moħħhom li, bħalma spjega Pawlu, l-​affarijiet kollha mniżżlin fil-​Liġi “huma dell tal-​ħwejjeġ li għandhom jiġu, imma r-​realtà hija Kristu.” (Kolossin 2:17; Lhud 10:1) Jekk Alla Jehovah, li jgħid ‘Jien ma tbiddiltx,’ kien iqis l-​indafa u n-​nuqqas taʼ tniġġis bħala fatturi daqstant importanti fil-​qima vera f’dak iż-​żmien, aħna llum irridu nieħdu bis-​serjetà l-​kwistjoni taʼ l-​indafa fiżika, morali, u spiritwali jekk irridu l-​approvazzjoni u l-​barka tiegħu.—Malakija 3:6; Rumani 15:4; 1 Korintin 10:​11, 31.

L-​Indafa Fiżika Tirrikkmandana

9, 10. (a) L-indafa fiżika għala hija importanti għall-​Kristjani? (b) Taʼ spiss, x’kummenti jsiru dwar il-​konvenzjonijiet tax-​Xhieda taʼ Jehovah?

9 Għadha l-​indafa fiżika element importanti fil-​qima vera? Filwaqt li l-​indafa fiżika waħedha ma tagħmilx lil dak li jkun adoratur veru t’Alla, ċertament huwa xieraq li adoratur veru jkun nadif fiżikament safejn jippermettu ċ-​ċirkustanzi tiegħu. Speċjalment illum, meta ħafna nies ftit li xejn joqogħdu attenti dwar li jżommu lilhom infushom, ħwejjiġhom, jew l-​ambjent taʼ madwarhom nadif, dawk li jħobbu l-​indafa spiss jiġu notati min-​nies taʼ madwarhom. Dan jistaʼ jwassal għal riżultati pożittivi, sewwa sew bħalma Pawlu qal lill-​Kristjani f’Korintu: “Aħna xejn ma nagħmlu li jistaʼ jkun taʼ tfixkil lil xi ħadd, biex il-​ministeru tagħna ma jaqax fl-​għajb. F’kollox inqisu ruħna bħala ministri taʼ Alla.”—2 Korintin 6:​3, 4.

10 Għal darba wara l-​oħra, ix-​Xhieda taʼ Jehovah ġew imfaħħrin minn uffiċjali pubbliċi għall-​indafa, l-​ordni, u r-​rispett li juru fil-​kondotta u d-​drawwiet tagħhom, u li jiġu notati speċjalment fil-​konvenzjonijiet kbar tagħhom. Per eżempju, dwar konvenzjoni li nżammet fil-​provinċja taʼ Savona, l-​Italja, il-​gazzetta La Stampa kkummentat: “Hekk kif tidħol, mill-​ewwel tibqaʼ impressjonat bl-​indafa u l-​ordni tan-​nies li qed jużaw il-​post.” Wara konvenzjoni tax-​Xhieda fi stejdjum f’São Paulo, il-​Brażil, uffiċjal taʼ l-​istejdjum qal lil dak li jieħu ħsieb jorganizza t-​tindif: “Mil-​lum ’il quddiem irridu li l-​istejdjum jitnaddaf bħalma jnaddfuh ix-​Xhieda taʼ Jehovah.” Uffiċjal ieħor mill-​istess stejdjum qal: “Meta x-​Xhieda taʼ Jehovah ikunu jridu jikru l-​istejdjum, l-​unika ħaġa li tikkonċernana hija d-​dati. Ma ninkwetaw dwar xejn iżjed.”

11, 12. (a) Liema prinċipju Bibliku għandna nżommu f’moħħna rigward l-​indafa persunali? (b) Liema mistoqsijiet nistgħu nistaqsu dwar id-​drawwiet persunali tagħna u l-​mod kif ngħixu ħajjitna?

11 Jekk l-​indafa u l-​ordni fil-​postijiet taʼ qima tagħna jistgħu jġibu tifħir lil dak Alla li nqimu, ċertament li huwa daqstant importanti li nuru dawn il-​kwalitajiet fil-​ħajja persunali tagħna. Iżda, fil-​privatezza taʼ darna, forsi nħossu li għandna d-​dritt nintelqu u nagħmlu li rridu. U fejn jidħlu l-​ilbies u l-​apparenza tagħna, ċertament li għandna l-​libertà li nagħżlu dak li bih inħossuna komdi u attraenti! Madankollu, sa ċertu punt, din il-​libertà m’hijiex assoluta. Ftakar li meta kien qed jiddiskuti dwar li wieħed jistaʼ jagħżel li jiekol ċertu ikel, Pawlu wissa lill-​Kristjani sħabu: “Qisu li l-​libertà tagħkom ma tkunx taʼ tfixkil għad-​dgħajfa.” Imbagħad hu semma prinċipju siewi: “Kollox hu sewwa, iżda mhux kollox jaqbel; kollox jiswa, iżda mhux kollox jedifika.” (1 Korintin 8:9; 10:23) Kif japplika għalina l-​parir taʼ Pawlu fil-​kwistjoni taʼ l-​indafa?

12 Huwa raġunevoli li n-​nies jistennew li ministru t’Alla jkun nadif u taʼ ordni fil-​ħajja persunali tiegħu. Għalhekk, għandna nkunu ċerti li l-​apparenza taʼ darna u l-​ambjent taʼ madwarha ma jitfax dell ikrah fuqna bħala nies li nsostnu li aħna ministri t’Alla. Darna liema xorta taʼ xiehda, jew prova, tagħti dwarna u dwar dak li nemmnu? Turi din li aħna ġenwinament nixxennqu biex ngħixu f’dinja ġdida, nadifa, u taʼ ordni fejn jgħammru l-​ġustizzja u s-​sewwa, u li nirrikkmandawha lill-​oħrajn b’tant ħeġġa? (2 Pietru 3:13) Bl-​istess mod, id-​dehra persunali tagħna—kemm fil-​ħin liberu u kemm fil-​ministeru—tistaʼ jew issebbaħ jew tnaqqas mill-​qawwa tal-​messaġġ li nippridkaw. Per eżempju, innota dan il-​kumment minn riporter taʼ gazzetta fil-​Messiku: “Verament, hemm persentaġġ kbir taʼ żgħażagħ fost ix-​Xhieda taʼ Jehovah, u l-​iktar affarijiet li jispikkaw fihom huma l-​istil tax-​xagħar, l-​indafa, u l-​ilbies xieraq.” Kemm aħna ferħanin li għandna żgħażagħ bħal dawn f’nofsna!

13. X’nistgħu nagħmlu biex inkunu ċerti li l-​aspetti kollha taʼ ħajjitna minn jum għal jum ikunu nodfa u taʼ ordni?

13 M’għandniex xi ngħidu, li noqogħdu attenti biex persunitna, ħwejjiġna, u darna jkunu dejjem nodfa u taʼ ordni hu iżjed faċli tgħidu milli tagħmlu. M’hemmx għalfejn ikollna ħafna tagħmir u apparat komplikat u li jiswa l-​flus, iżda li għandna bżonn hu ppjanar tajjeb u sforz konsistenti. Irridu nwarrbu l-​ħin biex fost affarijiet oħra ninħaslu, naħslu ħwejjiġna, darna, u l-​karozza tagħna. Il-​fatt li nqattgħu ħafna ħin fil-​ministeru, fil-​laqgħat, u fi studju persunali—minbarra li nieħdu ħsieb obbligi oħra fil-​ħajja taʼ kuljum—ma jiskużaniex mill-​ħtieġa li nibqgħu nodfa u aċċettabbli f’għajnejn Alla u l-​bnedmin. Il-​prinċipju familjari li “kollox għandu żmienu” japplika wkoll għal dan l-​aspett taʼ ħajjitna.—Koħèlet 3:1.

Qalb Mhix Imniġġsa

14. Għala jistaʼ jingħad li l-​indafa morali u spiritwali hija saħansitra iktar importanti mill-​indafa fiżika?

14 Għalkemm huwa importantissmu li nieħdu ħsieb l-​indafa fiżika, huwa saħansitra iżjed importanti li nkunu konċernati dwar l-​indafa morali u spiritwali. Aħna naslu għal din il-​konklużjoni meta niftakru li l-​ġens taʼ Iżrael ġie mwarrab minn Jehovah, mhux minħabba n-​nuqqas taʼ ndafa fiżika, imma għaliex tħassar moralment u spiritwalment. Permezz tal-​profeta Isaija, Jehovah qalilhom li minħabba l-​fatt li kienu “ġens midneb, poplu mgħobbi bil-​ħażen,” is-​sagrifiċċji tagħhom, l-​osservanzi taʼ qamar ġdid u tas-​sabat, iva, u saħansitra t-​talb tagħhom kienu saru piż għalih. X’setgħu jagħmlu biex jiksbu l-​favur t’Alla? Jehovah qalilhom: “Inħaslu u tnaddfu, neħħu l-​ħażen taʼ għemilkom minn quddiem għajnejja, ieqfu mill-​ħażen.”—Isaija 1:​4, 11-16.

15, 16. Skond Ġesù, x’inhu dak li jtebbaʼ lill-​bniedem, u kif nistgħu nibbenefikaw mill-​kliem taʼ Ġesù?

15 Biex tapprezza iżjed l-​importanza taʼ l-​indafa morali u spiritwali, ikkunsidra dak li qal Ġesù meta l-​Fariżej u l-​iskribi sostnew li d-​dixxipli tiegħu ma kinux nodfa għaliex ma kinux jaħslu idejhom qabel jieklu. Ġesù kkoreġiehom billi qal: “Mhux dak li jidħol mill-​fomm itebbaʼ lill-​bniedem, imma dak li joħroġ mill-​fomm, dan hu li jtebbaʼ lill-​bniedem.” Ġesù mbagħad spjega: “Dak li joħroġ mill-​fomm joħroġ mill-​qalb, u dan hu li jtebbaʼ lill-​bniedem. Għax mill-​qalb joħorġu ħsibijiet ħżiena, qtil, adulterji, żína, serq, xhieda qarrieqa, dagħa. Dawn huma li jtebbgħu lill-​bniedem. Imma li wieħed jiekol b’idejh m’humiex maħsula, dan ma jtebbax lill-​bniedem.”—Mattew 15:​11, 18-20.

16 X’nistgħu nitgħallmu mill-​kliem taʼ Ġesù? Ġesù kien qed juri li atti ħżiena, immorali, u mhux indaf jiġu minn qalb b’inklinazzjonijiet ħżiena, immorali, u mhux indaf. Bħalma qal id-​dixxiplu Ġakbu, “Kull bniedem imġarrab jinġibed u jitħajjar mill-​passjoni tiegħu stess.” (Ġakbu 1:​14, 15) Għalhekk, jekk ma rridux naqgħu fid-​dnubiet serji li ddeskriva Ġesù, għandna nqaċċtu u nżommu ’l bogħod minn qalbna kwalunkwe tendenza lejn dawn l-​affarijiet. Dan ifisser li rridu noqogħdu attenti għal dak li naqraw, naraw, u nisimgħu. Illum, bl-​iskuża tal-​libertà tal-​kelma jew taʼ l-​arti, l-​industrija tad-​divertiment u r-​reklamar tipproduċi dilluvju taʼ ħsejjes u stampi li jqanqlu u jinkuraġġixxu x-​xenqiet tal-​ġisem dgħajjef. Għandna nkunu determinati li ma nħallux ideat bħal dawn jinbtu f’qalbna. Il-​punt fundamentali hu li biex nogħġbu lil Alla u nkunu aċċettabbli quddiemu, irridu kontinwament ngħassu biex inżommu qalbna nadifa u bla tniġġis.​—Proverbji 4:​23.

Imnaddfin għal Opri Tajba

17. Jehovah għala ġab lill-​poplu tiegħu f’kundizzjoni nadifa?

17 Ċertament hija barka u protezzjoni li, bl-​għajnuna taʼ Jehovah, nistgħu ngawdu l-​approvazzjoni tiegħu bħala nies nodfa. (2 Korintin 6:​14-18) Madankollu, napprezzaw ukoll li Jehovah ġab lill-​poplu tiegħu f’kundizzjoni nadifa għal skop speċifiku. Pawlu qal lil Titu li Kristu Ġesù “ta lilu nnifsu għalina, biex jifdina minn kull ħażen, u jnaddaf għalih innifsu poplu, li hu tiegħu, imħeġġeġ għall-​opri tajba.” (Titu 2:​14, KŻ) Bħala poplu mnaddaf, għal liema opri għandna nkunu mħeġġin?

18. Kif nistgħu nuru li aħna mħeġġin għal opri tajba?

18 L-​ewwel u qabel kollox, għandna nistinkaw biex niddikjaraw pubblikament l-​aħbar tajba tas-​Saltna t’Alla. (Mattew 24:14) Billi nagħmlu dan, inkunu qed noffru lin-​nies kullimkien it-​tama taʼ ħajja taʼ dejjem fuq l-​art li tkun ħielsa minn kull xorta taʼ tniġġis. (2 Pietru 3:13) L-​opri tajba tagħna jinkludu wkoll li nuru evidenza tal-​frott taʼ l-​ispirtu t’Alla fil-​ħajja tagħna taʼ kuljum, u b’hekk nigglorifikaw lil Missierna tas-​sema. (Galatin 5:​22, 23; 1 Pietru 2:12) U ma ninsewx lil dawk li m’humiex fil-​verità u li forsi nħakmu minn xi diżastri naturali jew traġedji umani. Inżommu f’moħħna l-​parir taʼ Pawlu: “Mela, dment li għandna ż-​żmien ħa nagħmlu l-​ġid maʼ kulħadd, l-​iktar maʼ qrabatna fil-​fidi.” (Galatin 6:10) Servizzi bħal dawn, magħmulin b’qalb nadifa u b’motiv pur, jogħġbuh ferm lil Alla.—1 Timotju 1:5.

19. Liema barkiet hemm jistennewna jekk nibqgħu nżommu livell għoli taʼ ndafa—fiżika, morali, u spiritwali?

19 Bħala qaddejja taʼ l-​Iktar Għoli, aħna nieħdu bis-​serjetà l-​kliem taʼ Pawlu: “Nitlobkom ħuti, għall-​ħniena taʼ Alla, offru ġisimkom b’sagrifiċċju ħaj, qaddis, jogħġob lil Alla, jiġifieri l-​qima spiritwali tagħkom.” (Rumani 12:1) Jalla nibqgħu napprezzaw il-​privileġġ li niġu mnaddfin minn Jehovah u nagħmlu l-​almu tagħna kollu biex inżommu livell għoli taʼ ndafa fiżika, morali, u spiritwali. Jekk nagħmlu dan, mhux biss se jkollna rispett lejna nfusna u sodisfazzjon issa, iżda se jkollna wkoll il-​prospett li naraw “il-​ħwejjeġ taʼ qabel”—is-​sistema preżenti mill-​agħar kollha taħsir—jgħibu meta Alla ‘jġedded kollox.’—Apokalissi 21:​4, 5.

Tiftakar Int?

• L-Iżraelin għala ngħataw dawk il-​ħafna liġijiet fuq l-​indafa?

• L-indafa fiżika kif issebbaħ il-​qawwa tal-​messaġġ li nippridkaw?

• L-indafa morali u spiritwali għala hija saħansitra iktar importanti mill-​indafa fiżika?

• Kif nistgħu nuru li aħna poplu ‘mħeġġeġ għal opri tajba’?

[Stampi f’paġna 21]

L-​indafa fiżika ssebbaħ il-​qawwa tal-​messaġġ li nippridkaw

[Stampa f’paġna 22]

Ġesù wissa li ħsibijiet ħżiena jwasslu għal għemejjel ħżiena

[Stampi f’paġna 23]

Bħala poplu mnaddaf, ix-​Xhieda taʼ Jehovah huma mħeġġin għal opri tajba

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja