Referenzi għall-Fuljett għall-Istudju tal-Laqgħa tal-Ħajja u l-Ministeru Tagħna
5-11 taʼ Marzu
TEŻORI MILL-KELMA T’ALLA | MATTEW 20-21
“Kulmin irid isir kbir fostkom irid ikun il-qaddej tagħkom”
nwtsty midja
Is-suq
Xi swieq, bħal dak li jidher fil-Fuljett għall-Istudju tal-Laqgħa, kienu jarmaw fit-toroq. Il-bejjiegħa normalment tant kienu jpoġġu affarijiet għall-bejgħ fit-triq li kienu jimblokkawha. Ir-residenti lokali setgħu jixtru affarijiet komuni għad-dar, fuħħar, affarijiet tal-ħġieġ li kienu jqumu l-flus, u kif ukoll affarijiet tal-ikel. Minħabba li n-nies ma kienx ikollhom friġġ, kien ikollhom imorru s-suq kuljum biex jixtru. Hawnhekk dawk li kienu jmorru jixtru kienu jisimgħu b’dak li kien ikun qed jiġri minn negozjanti u viżitaturi oħra, it-tfal setgħu jilagħbu, u dawk li riedu jaħdmu setgħu jistennew biex iħaddimhom xi ħadd. Fis-suq, Ġesù fejjaq il-morda u Pawlu pprietka. (At 17:17) B’kuntrast, l-iskribi u l-Fariżej kburin kienu jħobbu l-attenzjoni tan-nies u li jsellmulhom f’dawn il-postijiet pubbliċi.
nwtsty noti taʼ studju dwar Mt 20:20, 21
omm ulied Żebedew: Jiġifieri omm l-appostli Ġakbu u Ġwanni. Skont ir-rakkont taʼ Marku, dawk li avviċinaw lil Ġesù kienu Ġakbu u Ġwanni. Milli jidher, huma riedu li ssir din it-talba, imma qabdu lil ommhom, Salomè, biex tgħidlu hi. Din setgħet kienet iz-zija taʼ Ġesù.—Mt 27:55, 56; Mk 15:40, 41; Ġw 19:25.
wieħed fuq il-lemin tiegħek u l-ieħor fuq ix-xellug: Hawnhekk iż-żewġ pożizzjonijiet juru unur u awtorità. Imma l-pożizzjoni tal-akbar unur dejjem tibqaʼ l-lemin.—Sa 110:1; At 7:55, 56; Rum 8:34.
nwtsty nota taʼ studju dwar Mt 20:26
qaddej: Jew “ministru.” Il-Bibbja spiss tuża l-kelma Griega dijakonos biex tirreferi għal xi ħadd li jibqaʼ jagħmel xogħol umli għal ħaddieħor. Dan it-terminu jintuża biex jiddeskrivi lil Kristu (Rum 15:8), ministri jew qaddejja taʼ Kristu (1Ko 3:5-7; Kol 1:23), qaddejja ministerjali (Flp 1:1; 1Ti 3:8), u anki qaddejja tad-dar (Ġw 2:5, 9) u uffiċjali tal-gvern (Rum 13:4).
Ħaffer għal ġawhar spiritwali
nwtsty nota taʼ studju dwar Mt 21:9
Salva, nitolbuk: Litteralment “Hosanna.” Dan it-terminu Grieg ġej minn espressjoni Ebrajka li tfisser “salva, nitolbuk” jew “salva, jekk jogħġbok.” Hawnhekk it-terminu qed jintuża bħala talba bil-ħerqa lil Alla għal salvazzjoni jew rebħa; jistaʼ jfisser “jekk jogħġbok, salva.” Maż-żmien, dat-terminu sar espressjoni kemm taʼ talb u kemm taʼ tifħir. L-espressjoni Ebrajka tinsab f’Sa 118:25. Dal-vers kien parti mill-għanjiet tal-Ħallel (Sa 113-118) li kienu jitkantaw b’mod regolari matul l-istaġun tal-Qbiż. Għaldaqstant, dan il-kliem mill-ewwel kien jiġi f’moħħ dak li jkun f’din l-okkażjoni. Mod kif Alla wieġeb din it-talba biex isalva lil Bin David kien billi rxoxtah mill-mewt. F’Mt 21:42, Ġesù nnifsu jikkwota minn Sa 118:22, 23 u japplikah għall-Messija.
Bin David: Din l-espressjoni hawnhekk turi li qed tiġi rikonoxxuta d-dixxendenza taʼ Ġesù u l-irwol tiegħu bħala l-Messija mwiegħed.
12-18 taʼ Marzu
TEŻORI MILL-KELMA T’ALLA | MATTEW 22-23
“Obdi l-akbar żewġ kmandamenti”
nwtsty nota taʼ studju dwar Mt 22:37
qalbek: Meta dan it-terminu jintuża f’sens figurattiv, ġeneralment jirreferi għall-persuna ġewwinija kollha kemm hi. Però, meta jissemma flimkien mar-ruħ u l-moħħ, milli jidher jieħu tifsira iktar speċifika u jirreferi l-iktar għall-emozzjonijiet, ix-xewqat, u s-sentimenti taʼ persuna. It-tliet termini li jintużaw hawn (qalb, ruħ, u moħħ) ma jfissrux li huma kompletament differenti minn xulxin, iżda għandhom x’jaqsmu maʼ xulxin sabiex jiġi enfasizzat bl-iktar mod b’saħħtu li hemm bżonn inħobbu lil Alla b’kulma għandna.
ruħek: Jew “inti bħala persuna.”
moħħok: Jiġifieri l-abbiltà li taħseb u tifhem. Persuna għandha tuża l-abbiltà mentali biex issir taf lil Alla u biex l-imħabba tagħha għalih tikber. (Ġw 17:3; Rum 12:1) Il-kliem oriġinali bl-Ebrajk f’Dt 6:5 juża tliet termini—‘qalb, ruħ, u forza.’ Però, meta Mattew ikkwota dan il-vers fir-rakkont tiegħu bil-Grieg, minflok it-terminu ‘forza,’ hu uża ‘moħħ.’ Għandu mnejn hemm diversi raġunijiet għala ntużaw termini differenti. L-ewwel, għalkemm l-Ebrajk antik ma kellux kelma speċifika għal ‘moħħ,’ dan il-ħsieb spiss kien jiġi inkluż fil-kelma Ebrajka ‘qalb.’ Meta dan it-terminu jiġi użat f’sens figurattiv, ikun qed jirreferi għal persuna ġewwinija kollha kemm hi. Dan jinkludi l-ħsieb, is-sentimenti, l-attitudni, u l-motivazzjoni taʼ persuna. (Dt 29:4; Sa 26:2; 64:6; ara n-nota taʼ studju dwar qalbek f’dan il-vers.) Għal din ir-raġuni, meta bl-Ebrajk tintuża l-kelma ‘qalb,’ is-Settanta Griega spiss użat il-kelma ekwivalenti tagħha ‘moħħ.’ (Ġen 8:21; 17:17; Pr 2:10; Is 14:13) Raġuni oħra għala Mattew jistaʼ jkun li uża l-kelma Griega ‘moħħ’ flok “forza” meta kkwota minn Dt 6:5 hi minħabba li bl-Ebrajk il-kelma tradotta “forza” jew saħħa tistaʼ tinkludi kemm is-saħħa fiżika u kemm is-saħħa mentali jew l-abbiltà li wieħed jaħseb u jifhem. Hu x’inhu l-każ, il-konnessjoni simili li hemm bejn it-termini Ebrajċi u Griegi forsi tgħinna nifhmu għala l-kittieba tal-Evanġelji m’użawx eżatt l-istess kliem meta kkwotaw minn Dewteronomju.
nwtsty nota taʼ studju dwar Mt 22:39
It-tieni: F’Mt 22:37 hemm miktub it-tweġiba diretta taʼ Ġesù lil Fariżew. Imma Ġesù mar oltre mill-mistoqsija oriġinali u kkwota t-tieni kmandament (Le 19:18). B’hekk, kien qed jgħallem li ż-żewġ kmandamenti huma marbutin ħafna flimkien u li l-Liġi kollha u l-Profeti huma bbażati fuqhom.—Mt 22:40.
proxxmu: Il-kelma Griega għal “proxxmu” (litteralment tfisser “il-wieħed viċin”) tirreferi għal kwalunkwe persuna li tiġi f’kuntatt magħha.—Lq 10:29-37; Rum 13:8-10.
nwtsty nota taʼ studju dwar Mt 22:40
iżżomm: Il-verb Grieg f’sens letterali jfisser “iżżomm maʼ.” Hawnhekk, intuża f’sens figurattiv li jfisser “li tiddependi minn; ikun ibbażat fuq.” B’hekk, Ġesù wera li mhux biss il-Liġi bl-Għaxar Kmandamenti hi bbażata fuq l-imħabba imma l-Iskrittura Ebrajka kollha.—Rum 13:9.
il-Liġi . . . il-Profeti: “Il-Liġi” tirreferi għall-kotba Bibliċi minn Ġenesi sa Dewteronomju. Il-kelma “l-Profeti” tirreferi għall-kotba profetiċi tal-Iskrittura Ebrajka. Però, meta dawn it-termini jissemmew flimkien, l-espressjoni tistaʼ tinkludi l-Iskrittura Ebrajka kollha.—Mt 7:12; 22:40; Lq 16:16.
Ħaffer għal ġawhar spiritwali
nwtsty nota taʼ studju dwar Mt 22:21
lil Ċesari dak li hu taʼ Ċesari: Din it-tweġiba taʼ Ġesù, li ssibha wkoll f’Mk 12:17 u Lq 20:25, hija l-unika referenza mniżżla fejn Ġesù rrefera għall-imperatur Ruman. L-espressjoni “dak li hu taʼ Ċesari” tinkludi li jitħallsu s-servizzi li jagħti l-gvern u kif ukoll unur u sottomissjoni li għandhom jintwerew lejn awtoritajiet bħal dawn.—Rum 13:1-7.
lil Alla dak li hu t’Alla: Din l-espressjoni tinkludi li tagħti qima lil Alla b’qalbek kollha, li tħobbu b’ruħek kollha, u li b’mod leali tobdih f’kollox.—Mt 4:10; 22:37, 38; At 5:29; Rum 14:8.
nwtsty nota taʼ studju dwar Mt 23:24
li ssaffu nemusa u tibilgħu ġemel: In-nemusa u l-ġemel kienu fost l-iżgħar u l-akbar ħlejjaq mhux nodfa li kienu jafu bihom l-Iżraelin. (Le 11:4, 21-24) Hawnhekk Ġesù juża iperbole, jew esaġerazzjoni, flimkien maʼ ftit ironija. Dan għamlu biex jgħid li l-mexxejja reliġjużi kienu joqogħdu jsaffu x-xorb minn xi nemusa biex ikunu jistgħu jieħdu sehem f’ċerimonji reliġjużi, filwaqt li kienu jinjoraw għalkollox l-affarijiet iktar importanti tal-Liġi, azzjoni li qabbilha maʼ li wieħed jiblaʼ ġemel.
19-25 taʼ Marzu
TEŻORI MILL-KELMA T’ALLA | MATTEW 24
“Ibqaʼ mqajjem spiritwalment matul l-aħħar jiem”
it-2 279 ¶6
L-imħabba
L-imħabba taʼ xi ħadd tistaʼ tibred. Meta Ġesù Kristu qal lid-dixxipli tiegħu dwar l-affarijiet li kienu għadhom iridu jseħħu, semma li l-imħabba (agape) taʼ ħafna li jgħidu li jemmnu f’Alla kienet se tibred. (Mt 24:3, 12) L-appostlu Pawlu qal li bħala sinjal taż-żmien kritiku li kellu jiġi, il-bnedmin kienu se jsiru “jħobbu l-flus.” (2Ti 3:1, 2) Għaldaqstant, huwa ċar li individwu jistaʼ ma jibqax jiffoka fuq prinċipji tajbin għax jibda jħobb affarijiet ħżiena. U b’hekk, l-imħabba vera li xi darba kellu tistaʼ tisfaxxa fix-xejn. Dan juri l-importanza li dak li jkun għandu jibqaʼ juri u jkabbar l-imħabba billi jimmedita fuq il-Kelma t’Alla u jaddatta ħajtu fi qbil mal-prinċipji Tiegħu.—Ef 4:15, 22-24.
Qiegħed Twettqu l-Obbligu Kollu Tiegħek Lejn Alla?
5 Ġesù Kristu qal dan dwar iż-żmien kritiku li qed ngħixu fih: “Bħal fi żmien Noè, hekk tkun il-miġja taʼ Bin il-bniedem. Għax kif fiż-żmien taʼ qabel id-dilluvju kienu jieklu u jixorbu, jiżżewwġu u jżewwġu sa dakinhar li Noè daħal fl-arka, u b’xejn ma ntebħu sa ma wasal id-dilluvju u ġarr lil kulħadd, hekk tkun il-miġja taʼ Bin il-bniedem.” (Mattew 24:37-39) Bil-moderazzjoni, m’hemm xejn ħażin f’li wieħed jiekol u jixrob, u ż-żwieġ huwa arranġament li oriġinah Alla nnifsu. (Ġenesi 2:20-24) Madankollu, jekk nirrealizzaw li l-interessi normali tal-ħajja saru t-tħassib ewlieni tagħna, għala ma ninkludux dan fit-talb tagħna? Jehovah jistaʼ jgħinna biex inżommu l-interessi tas-Saltna l-ewwel, nagħmlu dak li hu sewwa, u nwettqu l-obbligu tagħna lejh.—Mattew 6:33; Rumani 12:12; 2 Korintin 13:7.
Ħaffer għal ġawhar spiritwali
nwtsty nota taʼ studju dwar Mt 24:8
uġigħ tal-ħlas: Din l-espressjoni hawnhekk tirreferi għan-niket, l-uġigħ, u t-tbatija f’sens ġenerali. Però, tistaʼ tagħti x’tifhem ukoll li bħall-uġigħ tal-ħlas, qabel it-tribulazzjoni l-kbira li ssemmiet f’Mt 24:21, il-problemi u s-sofferenzi mbassrin se jkunu iktar frekwenti, iktar qawwijin, u jdumu iktar.
nwtsty nota taʼ studju dwar Mt 24:20
fix-xitwa: Xita qalila, għargħar, u temp kiesaħ matul dan l-istaġun jagħmluha diffiċli biex dak li jkun jivvjaġġa u jsib l-ikel u l-kenn.—Esd 10:9, 13.
f’jum is-Sabat: F’territorji bħal-Lhudija, restrizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-liġi tas-Sabat jagħmluha diffiċli biex individwu jivvjaġġa fit-tul u jġorr xi affarijiet tqal; barra minn hekk, il-bibien tal-belt kienu jibqgħu magħluqin matul il-jum tas-Sabat.—Ara At 1:12 u s-16-il taqsima tal-ktejjeb Gwida għall-istudju tal-Kelma t’Alla.