LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • It-Tjieba Mhux bi Tradizzjonijiet Orali
    It-Torri tal-Għassa—1991 | Jannar 1
    • It-​Tjieba Mhux bi Tradizzjonijiet Orali

      “Jekk it-​tjieba tagħkom ma toktorx iktar minn dik tal-​iskribi u l-​Fariżej, intom bl-​ebda mod ma se tidħlu ġewwa s-​saltna tas-​smewwiet.”—MATTEW 5:20.

      1, 2. X’ġara eżatt qabel ma Ġesù ta l-​Priedka tiegħu fuq il-​Muntanja?

      ĠESÙ kien qattaʼ l-​lejl fuq muntanja. Is-​smewwiet mimlijin kwiekeb kienu jinsabu mifruxa fuq rasu. Annimali żgħar taʼ bil-​lejl kienu jħaxwxu qalb il-​ħaxix. Lejn il-​Lvant l-​ilmijiet tal-​Baħar tal-​Galilija ħabbtu bil-​ħlewwa max-​xatt. Imma Ġesù setaʼ kien biss ftit li xejn konxju tal-​ambjent sabiħ taʼ paċi u taʼ serħan taʼ madwaru. Hu kien qattaʼ l-​lejl jitlob lil Missieru tas-​sema, Jehovah. Hu kien jinħtieġ il-​gwida taʼ Missieru. Il-​ġurnata li kienet riesqa kienet kruċjali.

      2 Fil-​Lvant is-​sema ddawwal. Agħsafar bdew jittajru ’l hawn u ’l hinn, fil-​waqt li jpespsu bil-​ħlewwa. Il-​fjuri selvaġġi kienu jitbandlu bil-​mod il-​mod maż-​żiffa. Hekk kif l-​ewwel raġġi tax-​xemx feġġew fuq ix-​xefaq, Ġesù sejjaħ ħdejh lid-​dixxipli tiegħu u minn fosthom għażel 12 biex ikunu l-​appostli tiegħu. Imbagħad, flimkien magħhom ilkoll, hu beda nieżel ’l isfel mal-​ġenb tal-​muntanja. Diġà l-​folol kienu jistgħu jintlemħu ġejjin bħal gelgul mill-​Galilija, Tir u Sidon, il-​Ġudea u Ġerusalemm. Huma ġew biex jitfejqu mill-​mard tagħhom. Qawwa mingħand Jehovah kienet toħroġ minn Ġesù hekk kif ħafna nies kienu jmissuh u jfiqu. Huma kienu ġew ukoll biex jisimgħu l-​kliem tiegħu bħal balzmu taʼ fejqan għall-​erwieħ imħabbtin tagħhom.—Mattew 4:25; Luqa 6:12-19.

      3. Id-​dixxipli u l-​folol għala kienu ħerqana meta Ġesù beda jitkellem?

      3 Fis-​sessjonijiet taʼ tagħlim iktar formali tagħhom, ir-​rabbini kienu mdorrijin joqogħdu bil-​qiegħda, u f’din il-​għodwa partikulari tar-​rebbiegħa tas-​sena 31 E.K., Ġesù hekk għamel, milli jidher f’post livell ogħla fuq il-​ġenb tal-​għolja. Meta d-​dixxipli tiegħu u l-​folol raw dan, huma rrealizzaw li kienet ġejja xi ħaġa speċjali, u għalhekk inġabru madwaru ħerqana. Meta beda jitkellem, huma laqgħu kliemu bil-​ħeġġa; meta hu spiċċa jitkellem xi ftit tal-​ħin wara, huma baqgħu mistgħaġbin b’dak li kienu semgħu. Ejjew naraw il-​għala.—Mattew 7:28.

      Żewġ Kwalitajiet taʼ Tjieba

      4. (a) Liema żewġ kwalitajiet taʼ tjieba kienu nvoluti? (b) X’kien l-​iskop tat-​tradizzjonijiet orali, u ġie rrealizzat?

      4 Fil-​Priedka tiegħu fuq il-​Muntanja, li nsibuha mniżżla bil-​miktub kemm f’​Mattew 5:1-7:29 kif ukoll f’​Luqa 6:17-49, Ġesù għamel kuntrast qawwi bejn żewġ klassijiet: l-​iskribi u l-​Fariżej u n-​nies komuni li lilhom dawn kienu jgħakksu. Hu tkellem dwar żewġ kwalitajiet taʼ tjieba, it-​tjieba ipokrita tal-​Fariżej u l-​vera tjieba t’Alla. (Mattew 5:6, 20) It-​tjieba f’għajnejhom stess tal-​Fariżej kellha l-​egħruq tagħha fi tradizzjonijiet orali. Dawn kienu nbdew fit-​tieni seklu Q.E.K. bħala “ħajt madwar il-​Liġi” biex jipproteġuha mill-​avvanzi tal-​Ħelleniżmu (kultura Griega). Bdew jitqiesu bħala parti mil-​Liġi. Fil-​fatt, l-​iskribi stmaw lit-​tradizzjonijiet orali saħansitra iktar mil-​Liġi miktuba. Il-​Mixna jgħid: “Attenzjoni akbar tapplika għall-​osservanza tal-​kliem tal-​Iskribi [it-tradizzjonijiet orali tagħhom] milli għall-​osservanza tal-​kliem tal-​Liġi miktuba.” B’hekk, minflok ma kienu “ħajt madwar il-​Liġi” biex jipproteġuha, it-​tradizzjonijiet tagħhom dgħajfu l-​Liġi u għamluha ma tiswa xejn, preċiż kif qal Ġesù: “Intom twarrbu fil-​ġenb b’kapaċità l-​kmandamenti t’Alla sabiex iżżommu t-​tradizzjoni tagħkom.”—Mark 7:5-9; Mattew 15:1-9.

      5. (a) X’kienet il-​kundizzjoni tan-​nies komuni li ġew jisimgħu lil Ġesù, u kif kienu meqjusin mill-​iskribi u l-​Fariżej? (b) X’kien jagħmel lit-​tradizzjonijiet orali tagħbija tant tqila fuq spallejn il-​ħaddiema?

      5 In-​nies komuni li marru bi ħġarhom biex jisimgħu lil Ġesù kienu fqar spiritwalment, billi kienu ġew “[i]mqaxxrin u mitfugħin ’il hawn u ’l hemm bħal ngħaġ mingħajr ragħaj.” (Mattew 9:36) Bi kburija arroganti l-​iskribi u l-​Fariżej żebilħuhom, billi kienu jsejħulhom ‘am ha·’a’rets (nies tal-​art), u kienu jobogħduhom bħala midinbin injoranti u misħutin li ma jixirqilhomx irxoxt għaliex ma kinux iħarsu t-​tradizzjonijiet orali. Sa żmien Ġesù dawk it-​tradizzjonijiet kienu tant saru kotrana u oppressivi fid-​dettalji legalistiċi—imgħobbijin wisq b’ritwali ċerimonjali li jieħdu ħafna ħin—li l-​ebda ħaddiem ma setaʼ possibilment iħarishom. Mhux taʼ b’xejn li Ġesù kkundanna t-​tradizzjonijiet bħala ‘tagħbijiet tqal fuq spallejn il-​bnedmin.’—Mattew 23:4; Ġwann 7:45-49.

      6. Il-​pronunzji tal-​ftuħ taʼ Ġesù għala kienu tant li jaħsduk, u x’bidla indikaw għad-​dixxipli tiegħu u għall-​iskribi u l-​Fariżej?

      6 Mela meta Ġesù qagħad bil-​qiegħda mal-​ġenb tal-​għolja, dawk li resqu qrib biex jisimgħu kienu d-​dixxipli tiegħu u l-​folol imġewħa spiritwalment. Dawn probabbli li nħasdu bil-​pronunzji tal-​ftuħ tiegħu. ‘Henjin il-​foqra, henjin dawk bil-​ġuħ, henjin dawk li jibku, henjin dawk mibgħudin.’ Imma min jistaʼ jkun ferħan meta jkun fqir, bil-​ġuħ, jibki, u mibgħud? U gwajijiet kienu ddikjarati għal dawk li kienu għonja, mitmugħin tajjeb, daħqana, u ammirati! (Luqa 6:20-26) Fi ftit kliem biss, Ġesù biddel dak kollu li normalment kien stmat u l-​livelli umani aċċettati. Kienet bidla drammatika taʼ pożizzjonijiet, fi qbil mal-​kliem li Ġesù qal iżjed tard: “Min igħolli lilu nnifsu se jiġi umiljat, imma min jumilja lilu nnifsu se jiġi mgħolli.”−Luqa 18:9-14.

      7. X’effett żgur li kellu l-​kliem tal-​ftuħ taʼ Ġesù fuq il-​folla mġewħa spiritwalment li kienet tismaʼ lil Ġesù?

      7 F’kuntrast mal-​iskribi u l-​Fariżej li kienu sodisfatti bihom infushom, dawk li ġew għand Ġesù f’din il-​għodwa partikulari kienu konxji tal-​istat spiritwali tal-​biki tagħhom. Il-​kliem li fetaħ bih żgur li mliehom bit-​tama: “Henjin dawk li huma konxji tal-​bżonn spiritwali tagħhom, ladarba s-​saltna tas-​smewwiet tappartjeni lilhom.” U min jaf kif l-​ispirtu tagħhom tar bil-​ferħ meta żied: “Henjin dawk bil-​ġuħ u bil-​għatx għat-​tjieba, ladarba se jimtlew”! (Mattew 5:3, 6; Ġwann 6:35; Rivelazzjoni 7:16, 17) Mimlijin bit-​tjieba, iva, imma mhux bit-​tip taʼ tjieba tal-​Fariżej.

      Mhux Biżżejjed li Tkun ‘Twajjeb Quddiem il-​Bnedmin’

      8. Xi wħud għala kienu se jistagħgbu kif it-​tjieba tagħhom setgħet toktor iżjed minn dik tal-​iskribi u l-​Fariżej, u madankollu għala trid tagħmel dan?

      8 “Jekk it-​tjieba tagħkom ma toktorx iktar minn dik tal-​iskribi u l-​Fariżej,” qal Ġesù, “intom bl-​ebda mod ma se tidħlu ġewwa s-​saltna tas-​smewwiet.” (Mattew 5:17-20; ara Mark 2:23-28; 3:1-6; 7:1-13.) Xi wħud żgur li ħasbu: ‘Iżjed taʼ tjieba mill-​Fariżej? Dawk isumu u jitolbu u jagħtu l-​egħxur u l-​karità u jqattgħu ħajjithom jistudjaw il-​Liġi. It-​tjieba tagħna kif qatt tistaʼ tisboq lil tagħhom?’ Imma riedet toktor iżjed. Il-​Fariżej setgħu forsi kienu stmati ħafna mill-​bnedmin, imma mhux minn Alla. F’okkażjoni oħra Ġesù qal lil dawn il-​Fariżej: “Intom dawk li tiddikjaraw lilkom infuskom twajbin quddiem il-​bnedmin, imma Alla jafhom lil qlubkom; għaliex dak li hu mgħolli fost il-​bnedmin huwa ħaġa moqżieża fid-​dehra t’Alla.”—Luqa 16:15.

      9-11. (a) X’kien mod wieħed li bih l-​iskribi u l-​Fariżej ħasbu li kienu se jirċievu waqfa taʼ tjieba quddiem Alla? (b) Liema kien it-​tieni mod li bih stennew li jiksbu t-​tjieba? (ċ) X’kien it-​tielet mod li straħu fuqu, u x’qal l-​appostlu Pawlu li lil dan ikkundannah bħala falliment?

      9 Ir-​rabbini kienu vvintaw ir-​regoli tagħhom stess taʼ kif tikseb it-​tjieba. Waħda kienet b’mertu għax tkun dixxendent taʼ Abraham: “Id-​dixxipli taʼ Abraham missierna jgawdu din id-​dinja u jirtu d-​dinja li ġejja.” (Mixna) Kien forsi biex jikkumbatti din it-​tradizzjoni li Ġwanni l-​Għammied wissa lill-​Fariżej li ġew għandu: “Ipproduċu frott li jixraq lill-​indiema; u tippretendux li tgħidu lilkom infuskom, ‘Bħala missier għandna lil Abraham [bħal li kieku dak kien biżżejjed].’” —Mattew 3:7-9; ara wkoll Ġwann 8:33, 39.

      10 It-​tieni mod biex tikseb it-​tjieba, qalu huma, kien bil-​għoti tal-​karità. Żewġ kotba Apokrifa miktuba minn Lhud devoti matul it-​tieni seklu Q.E.K. jirriflettu l-​ħarsa tradizzjonali. Stqarrija waħda tidher f’Tobit: “Il-​għoti taʼ karità jsalva lil wieħed mill-​mewt u jpatti għal kull dnub.” (12:9, The New American Bible) Il-​ktieb taʼ Sirak (Ekkleżjastikus) jaqbel: “L-​ilma jitfi fjamma nar, u l-​karità tpatti għad-​dnubiet.”−3:29, NAB.

      11 It-​tielet mod li bih fittxew it-​tjieba kien b’xogħlijiet tal-​Liġi. It-​tradizzjonijiet orali tagħhom għallmu li jekk l-​opri taʼ bniedem kienu fil-​biċċa l-​kbira tajbin, hu kellu jiġi salvat. Il-​ġudizzju “hu skond l-​ammont biżżejjed taʼ xogħlijiet jekk humiex tajbin jew ħżiena.” (Mixna) Biex joqogħdu bil-​favur fil-​ġudizzju, it-​tħassib tagħhom kien “li jiksbu merti li jpattu għad-​dnubiet.” Jekk ix-​xogħlijiet tajbin taʼ bniedem jegħlbu x-​xogħlijiet ħżiena b’wieħed, hu se jiġi salvat—bħal li kieku Alla ġġudika billi qagħad igħodd l-​attivitajiet insinjifikanti tagħhom! (Mattew 23:23, 24) Billi ppreżenta l-​ħarsa korretta, Pawlu kiteb: “B’xogħlijiet tal-​liġi ebda laħam ma se jkun iddikjarat twajjeb quddiem [Alla].” (Rumani 3:20) Ċertament, it-​tjieba Kristjana trid bil-​fors toktor iżjed minn dik tal-​iskribi u l-​Fariżej!

      “Smajtu Intom Li Ntqal”

      12. (a) Liema bidla mill-​mod tas-​soltu tiegħu li jintroduċi referenzi għall-​Iskrittura Ebrajka għamel Ġesù fil-​Priedka tiegħu fuq il-​Muntanja, u għala? (b) X’nitgħallmu mis-​sitt użu tal-​espressjoni “Intqal”?

      12 Meta Ġesù iktar kwieni kkwota mill-​Iskrittura Ebrajka, hu qal: “Hu miktub.” (Mattew 4:4, 7, 10) Imma sitt darbiet fil-​Priedka taʼ fuq il-​Muntanja, hu introduċa dawk li nstemgħu bħal qishom stqarrijiet mill-​Iskrittura Ebrajka bil-​kelmiet: “Intqal.” (Mattew 5:21, 27, 31, 33, 38, 43) Għala? Għaliex hu kien qed jirreferi għall-​Iskrittura kif interpretata fid-​dawl tat-​tradizzjonijiet tal-​Fariżej li kienu jikkontradixxu l-​kmandamenti t’Alla. (Dewteronomju 4:2; Mattew 15:3) Dan jintgħamel ovvju fis-​sitt referenza li hi l-​aħħar waħda li għamel Ġesù f’din is-​serje: “Smajtu intom li ntqal, ‘Int trid tħobb lil għajrek u tobgħod lill-​għadu tiegħek.”ˈ Imma l-​ebda liġi taʼ Mosè ma qalet: “Obgħod lill-​għadu tiegħek.” L-​iskribi u l-​Fariżej qaluh dan. Dik kienet l-​interpretazzjoni tagħhom tal-​Liġi biex tħobb lil għajrek—il-​ġar Lhudi tiegħek, ħadd iżjed.

      13. Ġesù kif wissa kontra saħansitra l-​bidu taʼ kondotta li tistaʼ twassal għal qtil propju?

      13 Ikkunsidra issa l-​ewwel waħda minn din is-​serje taʼ sitt stqarrijiet. Ġesù ddikjara: “Smajtu intom li ntqal lil dawk taʼ żminijiet il-​qedem, ‘Ma tridux toqtlu; imma kulmin jikkommetti qtil se jkollu jagħti kont lill-​qorti tal-​ġustizzja.’ Madankollu, jien ingħidilkom li kulmin ikompli jagħdab għal ħuh se jkollu jagħti kont lill-​qorti tal-​ġustizzja.” (Mattew 5:21, 22) Ir-​rabja fil-​qalb tistaʼ twassal għal kliem taʼ abbuż u minn hemm għal ġudizzju taʼ kundanna, u tistaʼ fl-​aħħar twassal għall-​att innifsu tal-​qtil. Rabja fit-​tul miżmuma fil-​qalb tistaʼ tkun qattiela: “Kulmin jobgħod lil ħuh huwa qattiel.”−1 Ġwann 3:15.

      14. Ġesù x’parir jagħtina biex lanqas saħansitra nibdew fit-​triq li twassal għall-​adulterju?

      14 Ġesù mbagħad igħid: “Smajtu intom li ntqal, ‘Ma tridx tikkommetti adulterju.’ Imma jien ingħidilkom li kulmin jibqaʼ jħares lejn mara biex ikollu passjoni għaliha diġà kkommetta adulterju magħha f’qalbu.” (Mattew 5:27, 28) Int mhux se tikkommetti adulterju? Mela lanqas saħansitra m’għandek tibda f’dik it-​triq billi żżomm ħsibijiet dwaru. Għasses lil qalbek, fejn affarijiet bħal dawn għandhom is-​sors tagħhom. (Proverbji 4:23; Mattew 15:18, 19) Ġakbu 1:14, 15 iwissi: “Kull wieħed hu pprovat billi jkun miġbud u mħajjar mix-​xewqa tiegħu stess. Imbagħad ix-​xewqa, meta ssir fertili, twelled id-​dnub; imbagħad imiss li d-​dnub, meta jsir imwettaq, iġib il-​mewt.” In-​nies xi drabi jgħidu: ‘Tibdiex dak li ma tistax tispiċċah.’ Imma f’dan il-​każ għandna ngħidu: ‘Tibdiex dak li ma tistax twaqqaf.’ Xi wħud li kienu lejali saħansitra meta ġew imhedda bil-​mewt quddiem skwadra tal-​isparar iktar tard waqgħu billi ġew imħajrin b’mod makakk għall-​immoralità sesswali.

      15. Il-​pożizzjoni taʼ Ġesù dwar id-​divorzju kif inhi differenti kompletament minn dik misjuba fit-​tradizzjonijiet orali tal-​Lhud?

      15 Niġu issa għat-​tielet stqarrija taʼ Ġesù. Hu qal: “Iktar minn hekk intqal, ‘Kulmin jiddivorzja lil martu, ħa jagħtiha ċertifikat taʼ divorzju.’ Madankollu, jien ingħidilkom li kulmin jiddivorzja lil martu, ħlief minħabba ż-​żina, jagħmilha suġġetta għal adulterju, u kulmin jiżżewweġ mara ddivorzjata [jiġifieri, waħda li tkun iddivorzjat għal xi raġuni apparti minn immoralità sesswali] jikkommetti adulterju.” (Mattew 5:31, 32) Xi Lhud aġixxew bil-​qerq man-​nisa tagħhom u ddivorzjawhom fuq raġunijiet mill-​iktar insinjifikanti. (Malakija 2:13-16; Mattew 19:3-9) Tradizzjonijiet orali kienu jippermettu lil raġel li jiddivorzja lil martu “saħansitra jekk ħarqitlu l-​ikel” jew “jekk sab oħra isbaħ minnha.”−Mixna.

      16. Liema prattika Lhudija għamlet il-​ħalf bla siwi, u x’pożizzjoni ħa Ġesù?

      16 Fuq l-​istess ħsieb, Ġesù kompla: “Jerġaʼ smajtu intom li ntqal lil dawk taʼ żmien il-​qedem, ‘Int ma tridx taħlef bla ma twettaq’ . . . Madankollu, jien ingħidilkom: Taħilfu xejn.” Sa dan iż-​żmien il-​Lhud kienu qed jabbużaw fil-​ħalf u kienu jaħilfu ħafna ħalfiet dwar affarijiet insinjifikanti bla ma jwettquhom. Imma Ġesù qal: “Taħilfu xejn . . . Biss ħallu l-​kelma Iva tagħkom tkun tfisser Iva, u l-​Le tagħkom Le.” Ir-​regola tiegħu kienet sempliċi: Kun sinċier il-​ħin kollu, billi ma jkollokx għalfejn tagħti garanzija taʼ kliemek b’ħalfa. Ħalli l-​ħalf għal affarijiet vitali.—Mattew 5:33-37; qabbel 23:16-22.

      17. Liema mod aħjar min ‘għajn għal għajn u sinna għal sinna’ għallem Ġesù?

      17 Ġesù mbagħad qal: “Smajtu intom li ntqal, ‘Għajn għal għajn u sinna għal sinna.’ Madankollu, jien ingħidilkom: Tirreżistuhx lil dak li hu mill-​agħar; imma kulmin jagħtik bil-​ħarta fuq ħaddejk il-​leminija, dawwarlu l-​oħra wkoll.” (Mattew 5:38-42) Ġesù hawn mhux qed jirreferi għal daqqa bil-​ħsieb li tferik imma għal daqqa taʼ ħarta b’insult. Tbaxxix lilek innifsek billi tpartat l-​insulti. Irrifjuta li tpatti l-​ħażen b’ħażen. Minflok, patti b’ġid u b’hekk “ibqaʼ kkonkwista lill-​ħażin bit-​tajjeb.”−Rumani 12:17-21.

      18. (a) Il-​Lhud kif biddlu l-​liġi dwar li tħobb lil għajrek, imma Ġesù kif aġixxa kontra dan? (b) X’kienet it-​tweġiba taʼ Ġesù lil ċertu avukat li ried jillimita l-​applikazzjoni taʼ “għajr”?

      18 Fis-​sitt u l-​aħħar eżempju, Ġesù juri ċar kif il-​Liġi taʼ Mosè ġiet imdgħajfa bit-​tradizzjoni rabbinika: “Smajtu intom li ntqal, ‘Int trid tħobb lil għajrek u tobgħod lill-​għadu tiegħek.’ Madankollu, jien ingħidilkom: Komplu ħobbu lill-​egħdewwa tagħkom u itolbu għal dawk li qed jippersegwitawkom.” (Mattew 5:43, 44) Il-​Liġi miktuba taʼ Mosè ma poġġiet ebda limiti għall-​imħabba: “Trid tħobb lil għajrek bħalek innifsek.” (Levitiku 19:18) Kienu l-​Fariżej li skartaw dan il-​kmandament, u biex jaħarbu minnu huma llimitaw il-​kelma “għajrek” għal dawk li żammew it-​tradizzjonijiet. Hekk kien li meta Ġesù iktar tard fakkar lil wieħed avukat dwar il-​kmand li ‘tħobb lil għajrek bħalek innifsek,’ ir-​raġel argumenta: “Min tassew hu għajri?” Ġesù wieġeb bit-​tixbieha tas-​Samaritan it-​tajjeb—għamel lilek innifsek għajr għal min għandu bżonnok.—Luqa 10:25-37.

      19. Ġesù rrikkmanda li nsegwu liema azzjoni minn Jehovah lejn in-​nies mill-​agħar?

      19 Billi ssokta bil-​priedka tiegħu, Ġesù stqarr li ‘Alla wera mħabba lejn in-​nies mill-​agħar. Hu ġiegħel li x-​xemx tiddi u x-​xita tinżel fuqhom. Ma hemm xejn straordinarju f’li tħobb lil dawk li jħobbuk. In-​nies mill-​agħar jagħmlu hekk. Ma hemm ebda raġuni għal premju għal dan. Uru li intom ulied Alla. Ikkopjaw lilu. Agħmel lilek innifsek għajr għal kulħadd u ħobb lil għajrek. U b’hekk “tridu tkunu perfetti, bħalma Missierkom tas-​sema hu perfett.”’ (Mattew 5:45-48) X’livell taʼ sfida biex tgħix fi qbil miegħu! U kemm juri li hi nieqsa bil-​kbir it-​tjieba tal-​iskribi u l-​Fariżej!

      20. Minflok li poġġa fil-​ġenb il-​Liġi taʼ Mosè, Ġesù kif wessaʼ u kabbar l-​effett tagħha u poġġieha saħansitra fuq livell ogħla?

      20 Mela meta Ġesù rrefera għal partijiet tal-​Liġi u żied, “Madankollu, jien ingħidilkom,” hu ma kienx qed iwarrab fil-​ġenb il-​Liġi taʼ Mosè u jpoġġi xi ħaġa oħra f’lokha. Le, imma hu kien qed ikabbar u jwessaʼ l-​forza tagħha billi juri l-​ispirtu taʼ warajha. Liġi ogħla taʼ fratellanza tiġġudika nuqqas kontinwu taʼ rieda tajba bħala qtil. Liġi ogħla taʼ purità tikkundanna ħsieb kontinwu taʼ xenqa bħala adulterju. Liġi ogħla taż-​żwieġ tirrifjuta ddivorzjar bla bażi bħala korsa li twassal għal żwiġijiet mill-​ġdid adulterużi. Liġi ogħla taʼ verità turi li ħalf ripetut mhux neċessarju. Liġi ogħla taʼ ħlewwa twarrab fil-​ġenb it-​tpattija. Liġi ogħla taʼ mħabba titlob għal imħabba taʼ tjieba li ma tafx limiti.

      21. It-​twissijiet taʼ Ġesù x’kixfu dwar it-​tjieba tagħhom stess tar-​rabbini, u x’iżjed kienu se jitgħallmu l-​folol?

      21 X’effett profond dawn it-​twissijiet li qatt ma nstemgħu bħalhom żgur li kellhom hekk kif daħlu f’widnejn dawk li semgħuhom għall-​ewwel darba! Kemm għamluha kompletament bla siwi t-​tjieba ipokrita tagħhom stess li kienet tiġi mit-​tjassir għal tradizzjonijiet rabbiniċi! Imma hekk kif Ġesù ssokta l-​Priedka tiegħu fuq il-​Muntanja, il-​folol bil-​ġuħ u bil-​għatx għat-​tjieba t’Alla kienu se jitgħallmu b’mod speċifiku kif se jakkwistawha, kif juri l-​artiklu li jmiss.

  • Ibqaʼ Fittex is-Saltna u t-Tjieba t’Alla
    It-Torri tal-Għassa—1991 | Jannar 1
    • 1, 2. L-​iskribi u l-​Fariżej fiex biddluhom atti li kienu tajbin fihom infushom, u xi twissija ta Ġesù lis-​segwaċi tiegħu?

      L-​ISKRIBI u l-​Fariżej fittxew it-​tjieba bil-​mod tagħhom stess, li ma kienx il-​mod t’Alla. Mhux hekk biss, imma meta kienu jwettqu atti li kienu tajbin fihom infushom huma biddluhom f’wirjiet ipokriti biex jidhru mill-​bnedmin. Huma kienu qed jaqdu, mhux lil Alla, imma lill-​vanità tagħhom stess. Ġesù wissa lid-​dixxipli tiegħu kontra reċitar bħal dan: “Oqogħdu attenti sewwa li ma tipprattikawx it-​tjieba tagħkom quddiem in-​nies sabiex tkunu osservati minnhom; inkella ma jkollkom l-​ebda rigal maʼ Missierkom li qiegħed fis-​smewwiet.”—Mattew 6:1.

      2 Jehovah japprezza lil dawk li jagħtu lill-​foqra—imma mhux dawk li jagħtu bħalma kienu jagħmlu l-​Fariżej. Ġesù wissa lid-​dixxipli tiegħu biex ma jikkopjawhomx: “B’hekk meta tmur tagħmel għotjiet taʼ ħniena, iddoqqx trumbetta quddiemek, sewwa sew bħalma jagħmlu l-​ipokriti fis-​sinagogi u fit-​toroq, biex jistgħu jiġu gglorifikati min-​nies. Verament ingħidilkom, Qegħdin jieħdu r-​rigal tagħhom kollu kemm hu.”—Mattew 6:2.

      3. (a) L-​iskribi u l-​Fariżej b’liema mod tħallsu bis-​sħiħ għall-​għoti tagħhom? (b) Il-​pożizzjoni taʼ Ġesù rigward il-​għoti kif kienet differenti?

      3 Il-​kelma Griega għal ‘qegħdin jieħdu kollu kemm hu’ (a·pe’kho) kienet termini li taʼ spiss kienet tidher fi rċevuti tan-​negozju. L-​użu tagħha fil-​Priedka tal-​Muntanja jindika li “huma ħadu r-​rigal tagħhom,” jiġifieri, “huma ffirmaw l-​irċevuta għar-​rigal tagħhom: id-​dritt tagħhom biex jieħdu r-​rigal ġie mwettaq, preċiżament bħal li kieku kienu diġà taw irċevuta għalih.” (An Expository Dictionary of New Testament Words, minn W. E. Vine) Għotjiet għall-​foqra kienu jiġu mwegħdin pubblikament fit-​toroq. Fis-​sinagogi l-​ismijiet tad-​donaturi kienu jiġu annunzjati. Dawk li taw ammonti kbar kienu onorati b’mod speċjali billi jkollhom siġġijiet viċin tar-​rabbini matul il-​qima. Huma taw biex jidhru mill-​bnedmin; kienu jarawhom u jiġu gglorifikati mill-​bnedmin; għaldaqstant, huma setgħu jittimbraw l-​irċevuta għall-​ħlas li ġie mill-​għoti tagħhom “Imħallas Kollu Kemm Hu.” Kemm kienet differenti l-​pożizzjoni taʼ Ġesù! Agħti “fis-​sigriet; imbagħad Missierek li qed iħares fis-​sigriet se jħallsek lura.”—Mattew 6:3, 4; Proverbji 19:17.

      Talb li Jogħġob lil Alla

      4. It-​talb tal-​Fariżej għala ġiegħel lil Ġesù jsejjaħ lil dawk l-​irġiel ipokriti?

      4 Jehovah japprezza talb indirizzat lilu—imma mhux bħalma kienu jitolbu l-​Farizej. Ġesù qal lis-​segwaċi tiegħu: “Meta titolbu, ma tridux tkunu bħall-​ipokriti; għaliex huma jħobbu jitolbu bil-​wieqfa fis-​sinagogi u fil-​kantunieri tat-​toroq wisgħin biex jarawhom in-​nies. Verament ingħidilkom, Qegħdin jieħdu r-​rigal tagħhom kollu kemm hu.” (Mattew 6:5) Il-​Fariżej kellhom ħafna talb li ried jintqal kuljum, f’ħinijiet speċifiċi, ikunu fejn ikunu. Fit-​teorija, kellhom igħiduh fil-​privat. B’mod ippjanat, iżda, kien jirnexxilhom ikunu “fil-​kantunieri tat-​toroq wisgħin,” viżibbli għan-​nies li jkunu għaddejjin f’erbaʼ direzzjonijiet, meta tkun waslet is-​siegħa tat-​talb.

      5. (a) Liema prattiċi oħra ġiegħlu t-​talb tal-​Fariżej ma jiġix mismugħ minn Alla? (b) Ġesù liema affarijiet poġġa l-​ewwel fit-​talba tiegħu mudell, u n-​nies illum qegħdin fi qbil maʼ dak?

      5 F’turija taʼ qdusija falza, huma kienu “bħala skuża jagħmlu talbiet twal.” (Luqa 20:47) Tradizzjoni orali minnhom kienet tgħid: “L-​irġiel qaddisa tal-​qedem kienu jistennew siegħa qabel kienu jgħidu it-​Tefillah [talba].” (Mixna) Sa dak il-​ħin kulħadd żgur li kien se jara l-​qdusija tagħhom u jistagħġeb biha! Talb bħal dan ma kienx jasal iżjed ’il fuq minn irjushom stess. Ġesù qal biex nitolbu fil-​privat, mingħajr ripetizzjoni vojta, u tahom mudell sempliċi. (Mattew 6:6-8; Ġwann 14:6, 14; 1 Pietru 3:12) It-​talba mudell taʼ Ġesù poġġiet l-​ewwel affarijiet l-​ewwel: “Missierna fis-​smewwiet, ħa jitqaddes ismek. Ħa tiġi saltnatek. Ħa tintgħamel ir-​rieda tiegħek.” (Mattew 6:9-13) Ftit nies illum jafu l-​isem t’Alla, inqas u inqas iriduh jitqaddes. Huma b’hekk jagħmluh alla bla isem. Ħa tiġi s-​Saltna t’Alla? Ħafna jaħsbu li diġà qiegħda hawn, ġewwa fihom. Huma forsi jitolbu biex issir ir-​rieda tiegħu, imma l-​biċċa l-​kbira jagħmlu r-​rieda tagħhom stess.—Proverbji 14:12.

      6. Ġesù għala kkundanna s-​sawm Lhudi bħala bla siwi?

      6 Sawma hija aċċettabbli għal Jehovah—imma mhux bħalma kienu jagħmluha l-​Fariżej. Bħall-​għoti taʼ karità u t-​talb mill-​Fariżej, Ġesù warrab ukoll is-​sawm tagħhom bla siwi: “Meta qegħdin issumu, ieqfu milli ssiru wiċċkom imqarras bħall-​ipokriti, għax huma jisfiguraw l-​uċuħ tagħhom biex jistgħu jidhru għan-​nies li qed isumu. Verament ingħidilkom, Qegħdin jieħdu r-​rigal tagħhom kollu kemm hu.” (Mattew 6:16) It-​tradizzjonijiet orali tagħhom indikaw li matul is-​sawm il-​Fariżej ma kellhomx jinħaslu u lanqas jidilku lilhom infushom imma kellhom iċappsu l-​irmied fuq irjushom. Meta ma kinux isumu, il-​Lhud kienu jinħaslu regolarment u jogħrku ġisimhom biż-​żejt.

      7. (a) Is-​segwaċi taʼ Ġesù kif kellhom iġibu ruħhom meta jsumu? (b) Rigward is-​sawm, Jehovah x’ried fi żmien Isaija?

      7 Rigward is-​sawm, Ġesù qal lis-​segwaċi tiegħu: “Idlek xagħrek u aħsel wiċċek, biex tistaʼ tidher li qed issum, mhux għan-​nies, imma għal Missierek.” (Mattew 6:17, 18) Fi żmien Isaija Lhud li tbiegħdu mill-​fidi kienu jsibu għaxqa fis-​sawm tagħhom, billi jgħakksu lilhom infushom, ibaxxu rashom ’l isfel, u joqogħdu bil-​qiegħda b’ilbies tax-​xkora u l-​irmied. Imma Jehovah riedhom jeħilsu lil min kien taħt oppressjoni, jitimgħu lil min kien bil-​ġuħ, jagħtu dar lil min ma kellux, u jlibbsu lill-​għarwenin.—Isaija 58:3-7.

      Aħżen Teżor fis-​Sema

      8. X’ġiegħel lill-​iskribi u lill-​Fariżej jitilfu d-​dehen dwar kif jiksbu l-​approvazzjoni t’Alla u liema prinċipju, iktar tard esprimut minn Pawlu, għalqu għajnejhom għalih?

      8 Fil-​ġiri tagħhom wara t-​tjieba, l-​iskribi u l-​Fariżej tilfu d-​dehen dwar kif jiksbu l-​approvazzjoni t’Alla u ċċentraw fuq l-​ammirazzjoni tan-​nies. Tant kienu saru maqbudin bit-​tradizzjonijiet tan-​nies li huma warrbu fil-​ġenb il-​Kelma miktuba t’Alla. Tefgħu qlubhom fuq pożizzjoni fuq l-​art minflok teżor tas-​sema. Huma injoraw verità sempliċi li wieħed Fariżew li sar Kristjan kiteb xi snin wara: “Hu x’inhu li qegħdin tagħmlu, aħdmu għalih b’ruħkom kollha qisu għal Jehovah, u mhux għall-​bnedmin, għax intom tafu li mingħand Jehovah se tirċievu l-​ħlas mistħoqq tal-​wirt.”—Kolossin 3:23, 24.

Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
Oħroġ
Illoggja
  • Malti
  • Ixxerja
  • Preferenzi
  • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
  • Kundizzjonijiet għall-Użu
  • Privacy Policy
  • Privacy Settings
  • JW.ORG
  • Illoggja
Ixxerja