LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • pe kap. 22 pp. 184-190
  • Nidentifikaw Il-Vera Reliġjon

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Nidentifikaw Il-Vera Reliġjon
  • Int Tistaʼ Tgħix Għal Dejjem Fil-Ġenna Fuq L-Art
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • IQADDSU L-​ISEM T’ALLA
  • IXANDRU S-​SALTNA T’ALLA
  • RISPETT LEJN IL-​KELMA T’ALLA
  • IŻOMMU SEPARATI MID-​DINJA
  • IMĦABBA BEJNIETHOM
  • RELIĠJON VERA WAĦDA
  • Qima Approvata minn Alla
    Il-Bibbja X’Tgħallem Verament?
  • Sibtha Int ir-Reliġjon it-Tajba?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1994
  • Kif Issib il-Vera Reliġjon
    Int Tistaʼ Tkun il-Ħabib t’Alla!
  • Kif Tistaʼ Tagħraf il-Qima Vera?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2011
Ara Iżjed
Int Tistaʼ Tgħix Għal Dejjem Fil-Ġenna Fuq L-Art
pe kap. 22 pp. 184-190

Kapitlu 22

Nidentifikaw Il-​Vera Reliġjon

1. Min kien qiegħed jipprattika l-​vera reliġjon fl-​ewwel seklu?

MA JISTAʼ jkun hemm ebda dubju dwar min kien qiegħed jipprattika l-​vera reliġjon fl-​ewwel seklu. Kienu s-​segwaċi taʼ Ġesù Kristu. Dawn kollha kienu jappartjenu lil organizzazzjoni Kristjana waħda. Xi ngħidu għal-​lum? Kif jistgħu jiġu identifikati dawk li qegħdin jipprattikaw il-​vera reliġjon?

2. Kif jistgħu jiġu identifikati dawk li jipprattikaw il-​vera reliġjon?

2 Biex jispjegalna kif nistgħu nagħmlu dan, Ġesù qal: “Mill-​frott tagħhom se tagħrfuhom. . . . Kull siġra tajba tipproduċi frott mill-​aħjar, imma kull siġra mħassra tipproduċi frott bla siwi; . . . Tassew, allura, mill-​frott tagħhom se tagħrfuhom lil dawk il-​bnedmin.” (Mattew 7:​16-20) Liema frott mill-​aħjar kont tistenna int li jipproduċu l-​adoraturi veri t’Alla? X’għandhom ikunu qegħdin jgħidu u jagħmlu llum?

IQADDSU L-​ISEM T’ALLA

3, 4. (a) Liema kienet l-​ewwel ħaġa msemmija fit-​Talba Mudell taʼ Ġesù? (b) Ġesù kif qaddes l-​isem t’Alla?

3 Il-veri adoraturi t’Alla kellhom jaġixxu fi qbil mat-​Talba Mudell li Ġesù ta lis-​segwaċi tiegħu. L-​ewwel ħaġa li Ġesù semma hemmhekk kienet din: “Missierna fis-​smewwiet, ħalli jitqaddes ismek.” Verżjoni oħra tal-​Bibbja tpoġġi dan il-​kliem b’dan il-​mod: “Jalla ismek ikun miżmum qaddis.” (Mattew 6:9, Jerusalem Bible) X’ifisser li tqaddes, jew li żżomm qaddis, l-​isem t’Alla? Ġesù kif għamlu dan?

4 Ġesù wera kif għamel dan meta qal f’talba lil Missieru: “Urejt ismek lill-​bnedmin li tajtni mid-​dinja.” (Ġwann 17:6) Iva, Ġesù għarraf l-​isem t’Alla, Jehovah, lil oħrajn. Ma naqasx li juża dak l-​isem. Ġesù kien jaf li l-​iskop taʼ Missieru kien li Ismu jiġi gglorifikat maʼ l-​art kollha. Mela hu ta l-​eżempju f’li jxandar dak l-​isem u f’li jżommu qaddis.​—Ġwann 12:28; Isaija 12:​4, 5.

5. (a) Il-kongregazzjoni Kristjana kif inhi marbuta maʼ l-​isem t’Alla? (b) X’irridu nagħmlu jekk irridu naqilgħu s-​salvazzjoni?

5 Il-Bibbja turi li l-​istess eżistenza tal-​vera kongregazzjoni Kristjana hija marbuta maʼ l-​isem t’Alla. L-​appostlu Pietru spjega li Alla “dawwar l-​attenzjoni tiegħu lejn il-​ġnus biex jieħu minnhom poplu għal ismu.” (Atti 15:14) Mela l-​veri nies t’Alla jridu jittrattaw ismu bħala qaddis u jagħmluh magħruf maʼ l-​art kollha. Fil-​fatt, li tkun taf dak l-​isem huwa neċessarju għas-​salvazzjoni, bħalma tgħid il-​Bibbja: “Għax ‘kulmin isejjaħ isem Jehovah se jkun salvat.’”​—Rumani 10:​13, 14.

6. (a) Qegħdin il-​knejjes inġenerali jżommu l-​isem t’Alla qaddis? (b) Hemm min qiegħed jagħti xiehda għall-​isem t’Alla?

6 Issa, allura, min illum jittratta l-​isem t’Alla bħala qaddis u jagħmlu magħruf maʼ l-​art kollha? Il-​knejjes inġenerali jevitaw l-​użu taʼ l-​isem Jehovah. Xi wħud saħansitra neħħewh mit-​traduzzjonijiet tagħhom tal-​Bibbja. Madankollu, kieku kellek titkellem mal-​ġirien tiegħek u taʼ spiss tirreferi għal Jehovah, billi tuża ismu, maʼ liema organizzazzjoni taħseb li jassoċjawk? Hemm poplu wieħed biss li tassew qiegħed jimxi wara l-​eżempju taʼ Ġesù f’dan ir-​rigward. L-​iskop prinċipali tagħhom fil-​ħajja huwa li jaqdu ’l Alla u li jagħtu xiehda għal ismu, sewwa sew bħalma għamel Ġesù. Mela huma ħadu l-​isem Skritturali “Xhieda taʼ Jehovah.”​—Isaija 43:​10-12.

IXANDRU S-​SALTNA T’ALLA

7. Ġesù kif wera l-​importanza tas-​saltna t’Alla?

7 Fit-Talba Mudell li Ġesù ta, wera wkoll l-​importanza tas-​saltna t’Alla. Għallem lin-​nies jitolbu: “Ħalli tiġi saltnatek.” (Mattew 6:10) Għal darba wara l-​oħra Ġesù enfasizza s-​Saltna bħala l-​unika soluzzjoni għall-​inkwiet tal-​bnedmin. Hu u l-​appostli għamlu dan billi ppridkaw lin-​nies dwar dik is-​saltna “minn raħal għal raħal” u minn “dar għal dar.” (Luqa 8:1; Atti 5:42; 20:20) Is-​saltna t’Alla kienet it-​tema taʼ l-​ippridkar u t-​tagħlim tagħhom.

8. Ġesù kif wera x’kellu jkun il-​messaġġ prinċipali tal-​veri segwaċi tiegħu f’dawn l-​“aħħar jiem”?

8 Xi ngħidu dwar żmienna? X’inhu t-​tagħlim ċentrali tal-​vera organizzazzjoni Kristjana t’Alla? Waqt li pprofetizza dwar dawn “l-​aħħar jiem,” Ġesù qal: “Din l-​aħbar tajba tas-​saltna se tkun ippridkata fl-​art abitata kollha għal xiehda lill-​ġnus kollha; u mbagħad se jiġi t-​tmiem.” (Mattew 24:14) Mela s-​Saltna trid tkun il-​messaġġ prinċipali tan-​nies t’Alla llum.

9. Liema nies illum qegħdin jippridkaw il-​messaġġ tas-​Saltna?

9 Staqsi lilek innifsek: Jekk xi ħadd jiġi jħabbatlek u jkellmek dwar is-​saltna t’Alla bħala l-​vera tama għall-​bnedmin, maʼ liema organizzazzjoni tassoċjah? Qatt tkellmu miegħek nies taʼ xi reliġjon oħra ħlief ix-​Xhieda taʼ Jehovah dwar is-​saltna t’Alla? Iva, ftit wisq minnhom saħansitra jafu x’inhi! Huma siekta dwar il-​gvern t’Alla. Madankollu dak il-​gvern huwa aħbar li theżheż lid-​dinja. Il-​profeta Danjel bassar li din is-​saltna ‘kellha tgħaffeġ u ġġib tmiem għall-​gvernijiet l-​oħrajn kollha u din waħedha kellha taħkem l-​art.’​—Danjel 2:44.

RISPETT LEJN IL-​KELMA T’ALLA

10. Ġesù kif wera rispett lejn il-​Kelma t’Alla?

10 Mod ieħor kif dawk li qegħdin jipprattikaw il-​vera reliġjon jistgħu jiġu identifikati huwa mill-​attitudni tagħhom lejn il-​Bibbja. Ġesù dejjem wera rispett lejn il-​Kelma t’Alla. Darba wara l-​oħra rrefera għaliha bħala l-​awtorità finali fuq kwistjonijiet. (Mattew 4:​4, 7, 10; 19:​4-6) Ġesù wkoll wera rispett lejn il-​Bibbja billi għex fi qbil mat-​tagħlim tagħha. Qatt ma baxxa l-​Bibbja bi kliemu. Minflok, ikkundanna lil dawk li naqsu li jgħallmu fi qbil mal-​Bibbja u li pprovaw idgħajfu l-​forza tat-​tagħlim tagħha billi jipproponu l-​ideat tagħhom.​—Mark 7:​9-13.

11. Il-knejjes liema attitudni juru taʼ spiss lejn il-​Kelma t’Alla?

11 Il-knejjes tal-​Kristjaneżmu kif jistgħu jitqabblu maʼ l-​eżempju taʼ Kristu f’dan ir-​rigward? Għandhom huma rispett profond lejn il-​Bibbja? Ħafna membri tal-​kleru llum ma jemmnux ir-​rakkonti Bibliċi tal-​waqgħa fid-​dnub t’Adam, tad-​dilluvju taʼ żmien Noè, taʼ Ġona u l-​ħuta kbira, u oħrajn. Jgħidu wkoll li l-​bniedem ġie bl-​evoluzzjoni mhux b’ħolqien dirett minn Alla. Qegħdin huma b’hekk jinkuraġġixxu rispett lejn il-​Kelma t’Alla? Ukoll, xi mexxejja tal-​knejjes jargumentaw li relazzjonijiet sesswali barra miż-​żwieġ m’humiex ħżiena, jew li saħansitra l-​omosesswalità jew il-​poligamija tistaʼ tkun xierqa. Tistaʼ tgħid li qegħdin jinkuraġġixxu lin-​nies biex jużaw il-​Bibbja bħala l-​gwida tagħhom? Huma ċertament m’humiex qegħdin jimxu wara l-​eżempju taʼ l-​Iben t’Alla u taʼ l-​appostli tiegħu.​—Mattew 15:​18, 19; Rumani 1:​24-27.

12. (a) Il-qima taʼ ħafna li saħansitra għandhom il-​Bibbja għala m’hijiex togħġob ’l Alla? (b) Jekk in-​nies li volontarjament jagħmlu l-​ħażin jitħallew jibqgħu f’qagħda tajba f’xi knisja, x’irridu nikkonkludu?

12 Hemm membri tal-​knejjes li għandhom Bibbja u saħansitra jistudjawha, imma l-​mod kif jgħixu ħajjiethom juri li m’humiex isegwuha. Dwar persuni bħal dawn, il-​Bibbja tgħid: “Huma pubblikament jiddikjaraw li jafu ’l Alla, imma jiċħduh bix-​xogħlijiet tagħhom.” (Titus 1:16; 2 Timotew 3:5) Jekk membri tal-​knejjes li jilagħbuhom, jiskru jew jagħmlu xi ħażin ieħor jitħallew jibqgħu f’qagħda tajba fil-​knisja tagħhom, dan x’juri? Dan huwa evidenza li l-​organizzazzjoni reliġjuża tagħhom m’hijiex approvata minn Alla.​—1 Korintin 5:11-13.

13. Liema deċiżjoni serja jrid wieħed jieħu jekk ikun sab li t-​tagħlim tal-​knisja tiegħu m’huwiex fi qbil mal-​Bibbja?

13 Jekk qgħadt taħseb dwar il-​kapitli taʼ qabel taʼ dan il-​ktieb, billi kkunsidrajt it-​testi Bibliċi li fihom, sirt taf it-​tagħlim bażiku tal-​Kelma t’Alla. Imma xi ngħidu jekk it-​tagħlim taʼ l-​organizzazzjoni reliġjuża li int assoċjat magħha m’huwiex fi qbil maʼ dak tal-​Kelma t’Alla? Allura għandek problema serja. Hija l-​problema li tiddeċiedi jekk taċċettax il-​verità tal-​Bibbja jew jekk tiċħadhiex għax tippreferi tagħlim li l-​Bibbja ma tappoġġjax. M’għandniex xi ngħidu, dak li tagħmel għandu jkun id-​deċiżjoni tiegħek stess. Madankollu, għandek tiżen l-​affarijiet bir-​reqqa. Dan huwa għaliex id-​deċiżjoni li tieħu se teffettwa l-​qagħda tiegħek m’Alla u l-​prospetti tiegħek li tgħix għal dejjem fil-​ġenna fuq l-​art.

IŻOMMU SEPARATI MID-​DINJA

14. (a) Liema hija marka oħra li tidentifika l-​vera reliġjon? (b) Għala huwa daqshekk importanti li l-​veri adoraturi jwettqu din il-​ħtieġa?

14 Jerġaʼ marka oħra li tidentifika lil dawk li jipprattikaw il-​vera reliġjon hija li, bħalma qal Ġesù, “m’huma ebda parti mid-​dinja.” (Ġwann 17:14) Dan ifisser li l-​veri adoraturi jżommu separati mid-​dinja korrotta u mill-​interessi tagħha. Ġesù Kristu rrifjuta li jsir ħakkiem politiku. (Ġwann 6:15) Tistaʼ tapprezza għala li żżomm separat mid-​dinja huwa daqshekk importanti meta tiftakar li l-​Bibbja tgħid li Satana x-​Xitan huwa l-​ħakkiem tad-​dinja. (Ġwann 12:31; 2 Korintin 4:4) Is-​serjetà taʼ din il-​kwistjoni tidher ukoll mill-​istqarrija tal-​Bibbja: “Kulmin, għalhekk, irid ikun ħabib tad-​dinja qiegħed jagħmel lilu nnifsu għadu t’Alla.”​—Ġakbu 4:4.

15. (a) Il-knejjes li tagħhom int midħla huma tassew “ebda parti mid-​dinja”? (b) Taf b’xi reliġjon li twettaq din il-​ħtieġa?

15 Juru l-​fatti li l-​knejjes fil-​komunità tiegħek jieħdu din il-​kwistjoni bis-​serjetà? Huma l-​kleru kif ukoll il-​membri tal-​kongregazzjonijiet tassew “ebda parti mid-​dinja”? Jew huma involuti profondament fin-​nazzjonaliżmu, fil-​politika u fil-​ġlieda taʼ bejn il-​klassijiet tad-​dinja? Dawn il-​mistoqsijiet m’humiex tqal biex tweġibhom, ladarba l-​attivitajiet tal-​knejjes huma magħrufin ħafna. Mill-​banda l-​oħra, huwa wkoll faċli li tiċċekkja l-​attivitajiet tax-​Xhieda taʼ Jehovah. Billi tagħmel dan, se ssib li huma tassew jimxu wara l-​eżempju taʼ Kristu u tas-​segwaċi bikrin tiegħu billi jżommu separati mid-​dinja, mill-​interessi politiċi tagħha u mill-​modi egoistiċi, immorali u vjolenti tagħha.​—1 Ġwann 2:​15-17.

IMĦABBA BEJNIETHOM

16. X’inhu mod importanti li bih il-​veri dixxipli taʼ Kristu jistgħu jiġu identifikati?

16 Mod importanti ħafna li bih il-​veri dixxipli taʼ Kristu jistgħu jiġu identifikati huwa permezz taʼ l-​imħabba li għandhom bejniethom. Ġesù qal: “B’dan kulħadd se jkun jaf li intom dixxipli tiegħi, jekk għandkom l-​imħabba fostkom.” (Ġwann 13:35) Għandhom l-​organizzazzjonijiet reliġjużi li tagħhom int midħla din l-​imħabba? X’jagħmlu, per eżempju, meta l-​pajjiżi li fihom jgħixu jiggwerraw kontra xulxin?

17. L-organizzazzjonijiet reliġjużi u l-​membri tagħhom kemm qegħdin iwettqu l-​ħtieġa li juru mħabba bejniethom?

17 Int taf x’jiġri normalment. Għall-​kmand taʼ nies tad-​dinja l-​membri tad-​diversi organizzazzjonijiet reliġjużi jmorru fil-​kamp tal-​battalja u jbiċċru lil sħabhom fit-​twemmin taʼ pajjiż ieħor. B’hekk Kattoliku joqtol lil Kattoliku ieħor, Protestant joqtol lil Protestant ieħor u Musulman joqtol lil Musulman ieħor. Taħseb int li korsa bħal din hija skond il-​Kelma t’Alla u tassew turi l-​ispirtu t’Alla?​—1 Ġwann 3:​10-12.

18. Ix-Xhieda taʼ Jehovah kif iwettqu din il-​kwistjoni li juru mħabba bejniethom?

18 Ix-Xhieda taʼ Jehovah kif jaġixxu f’din il-​kwistjoni taʼ li juru mħabba lejn xulxin? Ma jsegwux il-​korsa tar-​reliġjonijiet tad-​dinja. Ma jbiċċrux lil sħabhom fit-​twemmin fuq il-​kampijiet tal-​battalja. Ma sarux ħatjin li jgħixu gidba billi jgħidu, “Inħobb ’l Alla,” fil-​waqt li jobogħdu lil ħuhom taʼ nazzjonalità, tribù jew razza oħra. (1 Ġwann 4:​20, 21) Imma juru mħabba wkoll b’modi oħrajn. Kif? Bil-​mod li bih jittrattaw mal-​ġirien tagħhom u bl-​isforzi taʼ mħabba tagħhom biex jgħinu lil oħrajn jitgħallmu dwar Alla.​—Galatin 6:10.

RELIĠJON VERA WAĦDA

19. Għala huwa kemm loġiku kif ukoll Skritturali li tgħid li hemm biss reliġjon vera waħda?

19 Hija biss ħaġa loġika li jkun hemm reliġjon vera waħda. Dan huwa fi qbil mal-​fatt li dak Alla veru hu Alla, “mhux taʼ diżordni, imma taʼ paċi.” (1 Korintin 14:33) Il-​Bibbja tgħid li fil-​fatt hemm biss “fidi waħda.” (Efesin 4:5) Min, allura, huma dawk li jifformaw il-​ġemgħa t’adoraturi veri llum?

20. (a) Meta tqis l-​evidenza, dan il-​ktieb lejn min jipponta bħala l-​veri adoraturi llum? (b) Int hekk temmen? (ċ) X’inhu l-​aħjar mod li bih issir taf sewwa lix-​Xhieda taʼ Jehovah?

20 Ma naħsbuhiex darbtejn biex ngħidu li huma x-​Xhieda taʼ Jehovah. Biex int tikkonvinċi ruħek dwar dan nistednuk li ssir tafhom aħjar. L-​aħjar mod biex tagħmel dan huwa li tattendi għal-​laqgħat tagħhom fis-​Sala tas-​Saltna tax-​Xhieda taʼ Jehovah. Ladarba l-​Bibbja turi illi li tipprattika l-​vera reliġjon iġib kuntentizza kbira issa u jiftaħ it-​triq biex tgawdi ħajja taʼ dejjem fil-​ġenna fuq l-​art, żgur li se jiswielek li tinvestiga. (Dewteronomju 30:​19, 20) Għandek l-​istedina kordjali tagħna biex tagħmel hekk. Għala ma tinvestigax issa?

[Stampa f’paġna 185]

Kieku kellek tkellem lil xi ħadd dwar Jehovah u s-​saltna tiegħu, in-​nies maʼ liema reliġjon jassoċjawk?

[Stampi f’paġna 186]

Tkun persuna qiegħda tirrispetta l-​Kelma t’Alla jekk tonqos li timxi fuqha?

[Stampa f’paġna 188, 189]

Ġesù rrifjuta li jsir ħakkiem politiku

[Stampa f’paġna 190]

Int kordjalment mistieden biex tattendi għal-​laqgħat tax-​Xhieda taʼ Jehovah

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja