‘Salamun Ma Kienx Jilbes bħal Wieħed Minnhom’
FJURI salvaġġi bħal dawk li jidhru hawn tarahom spiss maġenb it-toroq fin-nofsinhar taʼ l-Afrika. Dawn jissejħu cosmos u oriġinaw fit-tropiċi taʼ l-Amerika. Dawn il-fjuri mill-isbaħ għandhom mnejn ifakkruna f’lezzjoni li għallem Ġesù. Ħafna minn dawk li kienu qed jisimgħuh kienu foqra, u kienu ansjużi dwar il-bżonnijiet fiżiċi tagħhom, dwar l-ikel u l-ilbies.
“Għall-ilbies,” staqsa Ġesù, “għalfejn tinkwetaw ruħkom? Ħarsu lejn il-ġilji taʼ l-għelieqi, kif jikbru! U la jitħabtu u lanqas jinsġu. Madankollu, ngħidilkom, anqas Salamun, fil-glorja kollha tiegħu, ma kien jilbes bħal wieħed minnhom.”—Mattew 6:28, 29.
Kien hemm ħafna suġġerimenti dwar liema tip taʼ fjura salvaġġa kellu f’moħħu Ġesù. Madankollu, Ġesù kompla billi qabbilha mal-ħxejjex komuni meta qal: “Mela jekk Alla jlibbes hekk imqar ħaxixa selvaġġa li llum hawn u għada tinxteħet fil-forn, kemm aktar lilkom, nies taʼ fidi ċkejkna!”—Mattew 6:30.
Għalkemm il-cosmos m’oriġinawx minn Iżrael, dawn żgur jappoġġaw il-lezzjoni li kien qed jgħallem Ġesù. Kemm jekk tarahom mill-bogħod kif ukoll mill-viċin, is-sbuħija tagħhom timpressjonak u l-fotografi u l-pitturi jħobbu jużawhom ħafna f’xogħolhom. Verament, Ġesù ma kienx qed jesaġera meta qal, “anqas Salamun, fil-glorja kollha tiegħu, ma kien jilbes bħal wieħed minnhom.”
X’inhi l-lezzjoni għalina llum? Dawk li jaqdu lil Alla jistgħu jkunu żguri li hu se jgħinhom jiksbu l-bżonnijiet anki fi żminijiet diffiċli. Ġesù spjega: “Fittxu mela s-Saltna [t’Alla], u magħha mbagħad iżidilkom dawn [jiġifieri l-ikel u l-ilbies bżonnjuż] ukoll.” (Luqa 12:31) Iva, benefiċċji veri jiġu meta tfittex is-Saltna t’Alla. Imma taf x’inhi s-Saltna t’Alla u x’se tagħmel għall-umanità? Ix-Xhieda taʼ Jehovah se jieħdu pjaċir jgħinuk issib it-tweġibiet mill-Bibbja.