Int Tistaʼ Tgħaddi minn Maltempata b’Wiċċ il-Ġid
F’DAWN iż-żminijiet kritiċi, ħafna qegħdin jissaportu l-għawġ li jiġi fuqhom bħal maltempata. Madankollu, għall-Kristjani, l-imħabba għal Alla u l-lealtà lejn il-prinċipji tiegħu jgħinuhom ikampaw. Kif? It-tweġiba tistaʼ tinstab f’tixbiha rakkontata minn Ġesù Kristu. Hu qabbel id-dixxipli ubbidjenti tiegħu maʼ “raġel għaqli, li bena daru fuq il-blat.” Ġesù qal: “Niżlet ix-xita u ġew l-għargħar u nefħu l-irjieħ u ħabtu fuq dik id-dar, imma ma ċedietx, għax il-pedament tagħha kien fuq il-blat.”—Mattew 7:24, 25.
Innota, minkejja li r-raġel tat-tixbiha huwa għaqli, hu xorta ffaċċja l-għawġ—rappreżentat mix-xita, l-għargħar, u l-irjieħ qerrieda. Għalhekk, Ġesù ma indikax li d-dixxipli kienu se jiskansaw kull diffikultà u jgawdu xi ħajja taʼ paċi u trankwillità assoluta. (Salm 34:20 [34:19, NW]; Ġakbu 4:13-15) Iżda hu qal li l-qaddejja leali t’Alla jistgħu jkunu lesti għal maltempati bħal dawn u jkampaw magħhom.
Ġesù beda t-tixbiha billi qal: “Kulmin jismaʼ kliemi u jagħmlu jkun jixbah lil raġel għaqli, li bena daru fuq il-blat.” M’għandniex xi ngħidu, Ġesù ma kienx qed jitkellem dwar li tibni djar letterali, iżda dwar il-bini taʼ ħajja Kristjana. Dawk li jagħtu kas kliem Kristu jużaw dixxerniment u rraġunar għaqli. Huma jibnu l-motivazzjonijiet u l-għemejjel tagħhom fuq il-blat solidu tat-tagħlim taʼ Kristu billi jpoġġu fil-prattika dak li jitgħallmu. Taʼ interess hu l-fatt li dan il-blat figurattiv ma ssibux fil-wiċċ. Ir-raġel fit-tixbiha kellu ‘jħaffer u jinżel fil-fond’ biex jilħqu. (Luqa 6:48) B’mod simili, id-dixxipli taʼ Ġesù qed ikomplu jaħdmu iebes biex jikkultivaw kwalitajiet dejjiema li jressquhom eqreb lejn Alla.—Mattew 5:5-7; 6:33.
X’jiġri meta xi maltempata diffiċli tittestja l-integrità tal-bażi Kristjana tas-segwaċi taʼ Ġesù? Id-determinazzjoni li għandhom biex jobdu t-tagħlim taʼ Kristu u l-kwalitajiet Kristjani tagħhom huma sorsi taʼ saħħa matul dawn it-tbatijiet, u finalment, matul il-maltempata t’Armageddon li ġejja. (Mattew 5:10-12; Rivelazzjoni 16:15, 16) Iva, billi jimxu fuq it-tagħlim taʼ Kristu, ħafna qed jirnexxilhom jgħaddu b’wiċċ il-ġid minn provi li huma bħal maltempati. Int tistaʼ tagħmel l-istess.—1 Pietru 2:21-23.