LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w97 7/1 pp. 21-26
  • “Il-Mulej Ma Jitlaqx il-Poplu Tiegħu”

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • “Il-Mulej Ma Jitlaqx il-Poplu Tiegħu”
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1997
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Kristjani Leali Jistennew Li Jkollhom Isofru
  • Dak Li Nitgħallmu Mir-​Rakkonti Tal-​Bibbja
  • Jehovah Jieħu Ħsieb Dawk Li Jsofru
  • L-​Għotjiet Taʼ Jehovah Jsostnuna
  • Jehovah, ‘il-Kenn Tagħna fi Żmien l-Għawġ’
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
  • Ġeħova Jeħles lill-Imnikket
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • Żommu l-Ferħ fi Żminijiet t’Inkwiet
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2009
  • “Ħallu s-sabar iwettaq xogħlu għalkollox”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2016
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1997
w97 7/1 pp. 21-26

“Il-​Mulej Ma Jitlaqx il-​Poplu Tiegħu”

“Kbar huma l-​ħsarat [“gwajijiet,” “NW”] tar-​raġel sewwa, iżda minnhom kollha jeħilsu l-​Mulej.”—SALM 34:20 [SALM 34:19, NW].

1, 2. (a) Jehovah kif qiegħed iberikhom lin-​nies tiegħu llum? (b) Bosta Kristjani x’qegħdin jiffaċċjaw, u x’mistoqsijiet iqumu?

BI TWETTIQ tal-​profezija tal-​Bibbja, l-​adoraturi taʼ Jehovah jgħixu f’ġenna spiritwali. (2 Korintin 12:1-4) Ix-​Xhieda taʼ Jehovah jappartjenu lil sħubija internazzjonali kkaratterizzata mill-​imħabba u l-​unità. (Ġwann 13:35) Huma jgawdu għarfien profond u komprensiv tal-​veritajiet tal-​Bibbja. (Isaija 54:13) Kemm huma grati lejn Jehovah talli qiegħed jagħtihom il-​privileġġ li jkunu mistednin fit-​tinda spiritwali tiegħu!—Salm 15:1.

2 Waqt li kulħadd fl-​organizzazzjoni taʼ Jehovah jgawdi prosperità spiritwali, xi wħud jidhru li qegħdin jgħixu f’paċi u trankwillità relattivi waqt li oħrajn qegħdin iġarrbu niket taʼ xi xorta jew oħra. Bosta Kristjani jsibu ruħhom f’pożizzjoni tal-​biki għal perijodi twal taʼ żmien bla ebda tama taʼ serħan. L-​iskuraġġiment huwa naturali f’ċirkostanzi bħal dawn. (Proverbji 13:12) Huma l-​gwajijiet evidenza li Alla jinsab offiż? Qiegħed Jehovah jipprovdi protezzjoni speċjali lil ċerti Kristjani u jwarrab lil xi oħrajn?

3. (a) Huwa Jehovah responsabbli għall-​għawġ kollu li jġarrbu n-​nies tiegħu? (b) Għala saħansitra l-​adoraturi leali taʼ Jehovah jġarrbu s-​sofferenza umana?

3 Il-​Bibbja twieġeb: “Waqt li tkunu mġarrbin, araw li ħadd ma jgħid: ‘Alla qiegħed iġarrabni’ għax Alla ma jistax jiġġarrab għall-​ħażin, u anqas m’hu se jġarrab lil ħadd.” (Ġakbu 1:13) Jehovah hu l-​Protettur u s-​Sostenitur tan-​nies tiegħu. (Salm 91:2-6) “Il-​Mulej ma jitlaqx il-​poplu tiegħu.” (Salm 94:14) Dan ma jfissirx li adoraturi leali m’humiex se jġarrbu sofferenza. Is-​sistema preżenti t’affarijiet tad-​dinja hija ggvernata minn individwi li huma imperfetti di natura. Bosta huma korrotti, u ftit huma kompletament mill-​agħar. Ħadd minnhom ma jdur lejn Jehovah għall-​għerf. Dan jirriżulta f’ħafna sofferenza umana. Il-​Bibbja tagħmilha ċara li n-​nies taʼ Jehovah mhux dejjem jistgħu jevitaw il-​konsegwenzi tal-​biki taʼ l-​imperfezzjoni u l-​ħażen tal-​bniedem.—Atti 14:22.

Kristjani Leali Jistennew Li Jkollhom Isofru

4. X’jistgħu jistennew il-​Kristjani kollha dment li qegħdin jgħixu f’din is-​sistema mill-​agħar t’affarijiet, u għala?

4 Għalkemm m’huma ebda parti mid-​dinja, is-​segwaċi taʼ Ġesù jgħixu f’nofs din is-​sistema t’affarijiet. (Ġwann 17:15, 16) Fil-​Bibbja, Satana jiġi mikxuf bħala l-​forza dominanti wara din id-​dinja. (1 Ġwann 5:19) Minħabba f’hekk, il-​Kristjani kollha jistgħu jistennew li xi darba jew oħra se jkollhom jiffaċċjaw problemi serji. B’dak ġo moħħu, l-​appostlu Pietru jgħid: “Kunu meqjusa u għassu. L-​għadu tagħkom ix-​Xitan qisu ljun jgħajjat, idur u jfittex ’il min sa jiblaʼ. Iqfulu, sħaħ fil-​fidi. Intom tafu li ħutkom, mxerrdin fid-​dinja, qegħdin jaqsmu magħkom l-​istess tbatijiet tagħkom.” (1 Pietru 5:8, 9) Iva, huwa mistenni li jkun hemm is-​sofferenzi fis-​sħubija kollha kemm hi taʼ Kristjani.

5. Ġesù kif għamilha ċara li Kristjani leali kienu se jġarrbu affarijiet taʼ niket fil-​ħajja?

5 Saħansitra jekk inħobbu profondament lil Jehovah u aħna leali lejn il-​prinċipji tiegħu, se nġarrbu affarijiet li jnikktuna fil-​ħajja. Ġesù dan għamlu ċar fit-​tixbieha tiegħu ddokumentata f’Mattew 7:24-27, fejn hu silet kuntrast bejn dawk li jobdu kliemu u dawk li ma jobduhx. Hu qabbel lid-​dixxipli ubbidjenti maʼ raġel diskret li jibni dar fuq blata soda. Lil dawk li ma jobdux kliemu xebbahhom maʼ raġel iblah li jibni daru fuq ir-​ramel. Wara maltempata qalila, id-​dar mibnija fuq il-​blat biss tibqaʼ sħiħa. Innota li fil-​każ tad-​dar tar-​raġel diskret, “niżlet ix-​xita, ġew il-​widien, qamu l-​irwiefen u ħabtu fuq dik id-​dar, iżda ma ġġarrfitx.” Ġesù ma wegħedx li r-​raġel diskret kellu dejjem igawdi l-​paċi u t-​trankwillità. Minflok, id-​diskrezzjoni tar-​raġel kellha tippreparah biex jikkumbatti mal-​maltemp. Ħsieb simili jinsab fit-​tixbieha taʼ dak li jiżraʼ ż-​żerriegħa. Fiha Ġesù jispjega li saħansitra adoraturi ubbidjenti taʼ “qalb tajba u sinċiera” kellhom “jagħmlu l-​frott billi jżommu sħiħ.”—Luqa 8:4-15.

6. Fit-​tixbieha li ta Pawlu dwar il-​materjali li jifilħu n-​nar, min jgħaddi mill-​prova tan-​nar?

6 Waqt li kiteb lill-​Korintin, l-​appostlu Pawlu uża lingwaġġ metaforiku biex juri l-​ħtieġa għal kwalitajiet dejjiema li jistgħu jgħinuna niffaċċjaw il-​provi. Dawn il-​materjali li jifilħu n-​nar bħalma huma d-​deheb, il-​fidda, u l-​ħaġar prezzjuż jikkorrispondu mal-​kwalitajiet qaddisin. (Qabbel Proverbji 3:13-15; 1 Pietru 1:6, 7.) Mill-​banda l-​oħra, karatteristiċi tal-​ġisem huma mxebbhin maʼ materjali li jistgħu jaqbdu. Imbagħad Pawlu jgħid: “Ix-​xogħol taʼ kulħadd għad jidher; il-​Jum għad jurih u n-​nar għad jikxfu u jipprova x’jiswa x-​xogħol taʼ kull wieħed. Jekk il-​bini li wieħed ikun bena jżomm sħiħ, min jagħmlu jieħu ħlasu.” (1 Korintin 3:10-14) Hawnhekk għal darb’oħra, il-​Bibbja tispjega li lkoll kemm aħna bla dubju se niffaċċjaw xi forma taʼ test bin-​nar.

7. Skond Rumani 15:4, l-​Iskrittura kif tistaʼ tgħinna nissaportu l-​provi?

7 Fil-​Bibbja hemm rakkonti bil-​għama taʼ qaddejja leali t’Alla li kellhom jissaportu gwajijiet, xi drabi għal perijodi twal. Madankollu, Jehovah m’abbandunahomx. L-​appostlu Pawlu x’aktarx li kellu eżempji bħal dawn f’moħħu meta qal: “Kull ma nkiteb fl-​Iskrittura fl-​imgħoddi, nkiteb għat-​tagħlim tagħna, biex bis-​sabar u bil-​faraġ li tagħtina l-​Iskrittura, aħna jkollna t-​tama.” (Rumani 15:4) Ikkunsidra l-​eżempji taʼ tlett irġiel li, waqt li kienu jgawdu relazzjoni mill-​qrib m’Alla, għaddew minn ħafna gwajijiet.

Dak Li Nitgħallmu Mir-​Rakkonti Tal-​Bibbja

8. Jehovah x’ippermetta fil-​każ taʼ Ġużeppi, u għal kemm żmien?

8 Ġużeppi, bin Ġakobb, ġie ffavorit minn Jehovah minn mindu kien għadu t’età żgħira. Xorta waħda, bla ma kellu ebda tort, hu sofra serje taʼ gwajijiet. Ġie maħtuf u ttrattat krudelment minn ħutu stess. Ġie mibjugħ bħala rsir f’pajjiż barrani fejn ġie akkużat b’mod falz u mitfugħ f’“ħabs.” (Ġenesi 40:15) Hemmhekk, “rabtulu riġlejh bil-​ktajjen, dawwrulu l-​ħadid maʼ għonqu.” (Salm 105:17, 18) Matul il-​jasar u l-​priġunerija tiegħu, Ġużeppi bla dubju talab ripetutament bil-​ħniena lil Jehovah biex jeħilsu. Madankollu, għal madwar 13-il sena, għalkemm imsaħħaħ minn Jehovah b’diversi modi, hu kull fil-​għodu kien jistenbaħ u jsib li għadu rsir jew priġunier.—Ġenesi 37:2; 41:46.

9. David x’kellu jissaporti għal bosta snin?

9 Każ simili kien dak taʼ David. Meta Jehovah kien qiegħed jagħżel raġel kwalifikat biex jaħkem fuq Iżrael, hu qal: “Sibt lil David, bin Ġesse, raġel skond qalbi.” (Atti 13:22) Minkejja l-​pożizzjoni ffavorita tiegħu f’għajnejn Jehovah, David sofra ferm. F’periklu mortali, hu nħeba għal diversi snin fix-​xagħri, fl-​għerien, fix-​xquq fil-​blat, u f’art barranija. Ikkaċċjat donnu xi bhima salvaġġa, sofra minn skuraġġiment u biżaʼ. Minkejja dan, hu stabar fis-​saħħa taʼ Jehovah. David setaʼ b’mod xieraq jgħid mill-​esperjenza tiegħu stess: “Kbar huma l-​ħsarat [“gwajijiet,” NW] tar-​raġel sewwa, iżda minnhom kollha jeħilsu l-​Mulej.”—Salm 34:20 [Salm 34:19, NW].

10. Liema gwaj estrem ġie fuq Nabot u l-​familja tiegħu?

10 Fi żmien il-​profeta Elija, kien hemm 7,000 biss f’Iżrael li ma niżlux għarkobbtejhom quddiem l-​alla falz Bagħal. (1 Slaten 19:18; Rumani 11:4) Nabot, li x’aktarx kien wieħed minnhom, sar il-​vittma taʼ inġustizzja terribbli. Hu sofra l-​umiljazzjoni taʼ li jiġi akkużat li kien dagħa. Billi nstab ħati, hu ġie kkundannat u ssentenzjat b’digriet irjali biex jinqatel imħaġġar, u demmu lagħquh il-​klieb. Anki wliedu s-​subjien ġew mogħtijin il-​mewt! Madankollu, hu kien innoċenti mill-​akkuża. Ix-​xhieda kontrieh kienu giddibin. Il-​kwistjoni kollha kienet komplott ivvintat mir-​reġina Ġeżabel sabiex is-​sultan setaʼ jmidd idu fuq l-​għalqa tad-​dwieli taʼ Nabot.—1 Slaten 21:1-19; 2 Slaten 9:26.

11. L-​appostlu Pawlu x’jgħidilna dwar irġiel u nisa leali fl-​istorja tal-​Bibbja?

11 Ġużeppi, David, u Nabot huma biss tlieta mill-​ħafna rġiel u nisa leali msemmijin fil-​Bibbja li sofrew gwajijiet. L-​appostlu Pawlu kiteb reviżjoni storika dwar il-​qaddejja taʼ Jehovah matul is-​snin. Fiha tkellem dwar dawk li “sofrew żebliħ u swat u saħansitra ktajjen u ħabs. Kienu mħaġġra, mħanxra minn nofshom, maqtula bis-​sejf; ħarġu jiġġerrew imlibbsin bi ġlud tan-​nagħaġ u tal-​mogħoż, neqsin minn kollox, mħabbtin u maħqurin. Id-​dinja ma kienx jixirqilha jkollha nies bħal dawn. Huma qagħdu jiġġerrew fid-​deżert u fuq l-​għoljiet, fl-​għerien u fl-​irkejjen taʼ l-​art.” (Lhud 11:36-38) Imma Jehovah m’abbandunahomx.

Jehovah Jieħu Ħsieb Dawk Li Jsofru

12. X’inhuma xi ftit mit-​tbatijiet li x-​Xhieda taʼ Jehovah qegħdin iġarrbu llum?

12 Xi ngħidu għan-​nies taʼ Jehovah llum? Bħala organizzazzjoni, nistgħu nibqgħu ċerti mill-​protezzjoni divina u milli ngħaddu salvi mill-​aħħar jiem u mit-​tribulazzjoni l-​kbira. (Isaija 54:17; Apokalissi 7:9-17) Madankollu, bħala individwi, nirrikonoxxu li “ż-​żmien u ċ-​ċirkustanzi” jiġu fuq il-​bnedmin kollha. (Koħèlet 9:11) Illum hemm ħafna Kristjani leali li qegħdin isofru gwajijiet. Xi wħud jissaportu faqar estrem. Il-​Bibbja ssemmi “l-​iltiema u r-​romol” Kristjani li għandhom tribulazzjoni. (Ġakbu 1:27) Oħrajn isofru bħala riżultat taʼ diżastri naturali, gwerer, kriminalità, abbuż taʼ poter, mard, u mewt.

13. Liema esperjenzi diffiċli ġew irrapportati riċentement?

13 Per eżempju, fir-​rapporti għall-​1996, li l-​uffiċċji tal-​fergħat tal-​Watch Tower taw lill-​Ġemgħa li Tiggverna tax-​Xhieda taʼ Jehovah, dawn irrakkontaw li xi wħud minn ħutna nisa u rġiel qegħdin isofru minn ħabsijiet f’kundizzjonijiet deplorevoli minħabba li żammew mal-​prinċipji tal-​Bibbja. Tliet kongregazzjonijiet f’pajjiż taʼ l-​Amerka t’Isfel sfaxxaw meta gruppi tal-​gwerilli sforzaw lil mijiet taʼ Xhieda jitilqu mill-​inħawi. F’pajjiż fl-​Afrika tal-​Punent, xi Xhieda li nqabdu f’nofs ġlieda waqt gwerra ċivili ġew maqtulin. F’pajjiż taʼ l-​Amerka Ċentrali, il-​qagħda finanzjarja li diġà kienet kritika taʼ xi aħwa marret għall-​agħar meta ntlaqtu minn uragan. F’xi pajjiżi oħrajn fejn il-​faqar u n-​nuqqas taʼ ikel m’humiex problemi serji, influwenzi negattivi għandhom mnejn inaqqsu l-​ferħ taʼ xi wħud. Oħrajn huma mtaqqlin mill-​pressjonijiet tal-​ħajja tal-​lum. Jerġaʼ oħrajn jistgħu jħossuhom skuraġġiti minħabba l-​apatija tal-​pubbliku, meta jkunu qegħdin jippridkaw l-​aħbar tajba tas-​Saltna.

14. (a) X’nitgħallmu mill-​eżempju taʼ Ġob? (b) Minflok ma nirraġunaw b’mod negattiv, x’għandna nagħmlu meta nkunu qegħdin inġarrbu n-​niket?

14 Dawn is-​sitwazzjonijiet m’għandhomx jittieħdu bħala evidenza li Alla jinsab offiż. Ftakar fil-​każ taʼ Ġob u l-​ħafna għawġ li għadda minnu. Hu kien “raġel perfett u tajjeb.” (Ġob 1:8) Min jaf kemm ħassu skuraġġit Ġob meta Elifaż akkużah li għamel il-​ħażin! (Ġob, kapitli 4, 5, 22) Aħna ma rridux ngħaġġlu biex nikkonkludu li qegħdin inġarrbu l-​gwajijiet għaliex inqasna lil Jehovah b’xi mod jew għaliex Jehovah neħħa l-​barka tiegħu minn fuqna. Raġunar negattiv meta nkunu għaddejjin minn tribulazzjoni jistaʼ jdgħajfilna l-​fidi. (1 Tessalonikin 3:1-3, 5) Meta nkunu għaddejjin minn xi niket, l-​aħjar li nistgħu nagħmlu huwa li nimmeditaw fuq il-​fatt li Jehovah u Ġesù qegħdin qrib taʼ dawk twajbin jiġri x’jiġri.

15. Kif nafu li Jehovah jinsab ikkonċernat profondament dwar il-​gwajijiet li qegħdin isofru n-​nies tiegħu?

15 L-​appostlu Pawlu jassigurana meta jgħid: “Min se jifridna mill-​imħabba taʼ Kristu? It-​taħbit, id-​dwejjaq, il-​persekuzzjoni, il-​ġuħ, l-​għera, it-​tiġrib, ix-​xabla? . . . Jiena żgur li la l-​mewt u la l-​ħajja, la l-​anġli u la l-​qawwiet, la ż-​żmien t’issa u la taʼ li ġej, la setgħat, la l-​għoli u lanqas il-​fond, u ebda ħliqa oħra ma jistgħu qatt jifirduna mill-​imħabba taʼ Alla li dehret fi Kristu Ġesù Sidna.” (Rumani 8:35, 38, 39) Jehovah jinsab ikkonċernat profondament dwarna u jaf bis-​sofferenza tagħna. Waqt li kien għadu maħrub David kiteb: “Għajnejn il-​Mulej lejn il-​ġusti, u widnejh miftuħa għall-​għajta tagħhom. Qrib il-​Mulej lejn dawk b’qalbhom maqsuma.” (Salm 34:16, 19 [Salm 34:15, 18, NW]; Mattew 18:6, 14) Missierna tas-​sema jieħu ħsiebna u jħoss għal dawk li jsofru. (1 Pietru 5:6, 7) Hu jipprovdi dak li neħtieġu biex nissaportu, tkun xi tkun it-​tbatija li nistgħu nġarrbu.

L-​Għotjiet Taʼ Jehovah Jsostnuna

16. Liema provvediment mingħand Jehovah jgħinna nissaportu, u kif?

16 Għalkemm aħna ma nistgħux nistennew ħajja bla inkwiet taʼ xejn f’din is-​sistema qadima t’affarijiet, “m’aħniex abbandunati.” (2 Korintin 4:8, 9) Ġesù wiegħed li jipprovdi difensur għas-​segwaċi tiegħu. Hu qal: “Jiena nitlob lill-​Missier, u hu jagħtikom Difensur ieħor biex jibqaʼ magħkom għal dejjem, l-​ispirtu tal-​verità.” (Ġwann 14:16, 17) F’Pentekoste tas-​sena 33 E.K., l-​appostlu Pietru qal lis-​semmiegħa tiegħu li huma setgħu jirċievu “d-​don taʼ l-​Ispirtu s-​Santu.” (Atti 2:38) Qiegħed l-​ispirtu qaddis jgħinna llum? Iva! Il-​forza attiva taʼ Jehovah tipproduċi fina frott meraviljuż: “L-​imħabba, l-​hena, is-​sliem, is-​sabar, il-​ħniena, it-​tjieba, il-​fidi, il-​ħlewwa, ir-​rażan.” (Galatin 5:22, 23) Dawn kollha huma kwalitajiet imprezzabbli li jgħinuna nissaportu.

17. Liema huma xi veritajiet tal-​Bibbja li jsaħħu l-​fidi u d-​determinazzjoni tagħna biex nistennew bil-​paċenzja kollha l-​waqt taʼ Jehovah?

17 L-​ispirtu qaddis jgħinna nifhmu wkoll li t-​tribulazzjonijiet preżenti huma ‘daqsxejn u taʼ issa’ meta mqabblin mal-​premju taʼ ħajja taʼ dejjem. (2 Korintin 4:16-18) Aħna konvinti li Alla m’huwiex se jinsa x-​xogħlijiet tagħna u l-​imħabba li nuru lejh. (Lhud 6:9-12) Billi naqraw il-​kliem imnebbaħ tal-​Bibbja, niġu mfarrġin mill-​eżempju taʼ qaddejja leali tal-​qedem li ssaportew ħafna gwajijiet imma li ġew iddikjarati henjin. Ġakbu jikteb: “Bħala eżempju tat-​tbatija u s-​sabar, ħuti, ħudu l-​profeti li tkellmu f’isem il-​Mulej. Dawk li żammew sħiħ sa l-​aħħar, araw, aħna nqisuhom bħala hienja.” (Ġakbu 5:10, 11) Il-​Bibbja twiegħed ‘qawwa kbira [“iktar min-​normal,” NW]’ biex tgħinna nissaportu l-​provi. Jehovah jberikna wkoll bit-​tama taʼ l-​irxoxt. (2 Korintin 1:8-10; 4:7) Billi naqraw il-​Bibbja kuljum u nimmeditaw fuq dawn il-​wegħdi, aħna se nsaħħu l-​fidi tagħna u d-​determinazzjoni tagħna biex nistennew bil-​paċenzja kollha l-​waqt t’Alla.—Salm 42:6 [Salm 42:5, NW].

18. (a) Fit-​2 Korintin 1:3, 4, x’aħna inkuraġġiti biex nagħmlu? (b) Indokraturi Kristjani kif jistgħu juru li huma sors kbir taʼ faraġ u rifreskar?

18 Flimkien maʼ dan, Jehovah tana l-​ġenna spiritwali li fiha nistgħu ngawdu l-​imħabba ġenwina taʼ ħutna l-​Kristjani. Ilkoll kemm aħna għandna rwol xi nwettqu f’li nfarrġu lil xulxin. (2 Korintin 1:3, 4) L-​indokraturi Kristjani b’mod partikulari jistgħu jkunu sors kbir taʼ faraġ u rifreskar. (Isaija 32:2) Bħala ‘doni fi bnedmin,’ huma inkarigati biex jibnu lil dawk li qegħdin isofru, biex ‘jagħmlu l-​qalb lill-​beżżiegħa,’ u biex ‘jgħinu lid-​dgħajfin.’ (Efesin 4:8, 11, 12; 1 Tessalonikin 5:14) L-​anzjani huma inkuraġġiti biex jagħmlu użu tajjeb mir-​rivisti It-​Torri Taʼ L-​Għassa u Stenbaħ! kif ukoll pubblikazzjonijiet oħrajn ipprovduti mill-​“irsir leali u diskret.” (Mattew 24:45-47, NW) Dawn fihom ħażna imprezzabbli taʼ pariri bbażati fuq il-​Bibbja li jistgħu jgħinuna nsolvu​—u saħansitra nevitaw—​xi wħud mill-​problemi li jikkaġunawlna anzjetà. Jalla nimitaw lil Jehovah billi nfarrġu u ninkuraġġixxu lil xulxin matul żminijiet diffiċli!

19. (a) Liema affarijiet se jgħinuna nevitaw xi ftit mill-​għawġ? (b) Fl-​aħħar mill-​aħħar, f’min irridu nafdaw, u x’se jgħinna niffaċċjaw il-​provi?

19 Hekk kif nersqu eqreb lejn l-​aħħar jiem u l-​kundizzjonijiet fis-​sistema preżenti t’affarijiet jeħżienu, il-​Kristjani jagħmlu dak li jistgħu biex jevitaw il-​gwajijiet. (Proverbji 22:3) L-​għaqal, il-​moħħ f’loku, u għarfien taʼ prinċipji tal-​Bibbja jistgħu jgħinuna nagħmlu deċiżjonijiet għaqlin. (Proverbji 3:21, 22) Aħna nagħtu widen għall-​Kelma taʼ Jehovah u nobduha biex nevitaw li nagħmlu żbalji bla bżonn. (Salm 38:5 [Salm 38:4, NW]) Minkejja dan, aħna nirrealizzaw li l-​ebda ammont taʼ sforz min-​naħa tagħna ma se jelimina kompletament is-​sofferenza minn ħajjitna. F’din is-​sistema t’affarijiet, ħafna nies twajbin jiffaċċjaw għawġ kbir. Madankollu, nistgħu niffaċċjaw il-​provi tagħna b’fiduċja sħiħa li “l-​Mulej ma jitlaqx il-​poplu tiegħu.” (Salm 94:14) U aħna nafu li din is-​sistema t’affarijiet u n-​niket tagħha dalwaqt se jgħosfru. Għalhekk, jalla nkunu riżoluti biex ma “negħjew qatt nagħmlu l-​ġid; għax jekk ma naqtgħux qalbna, naħsdu fi żmienu.”—Galatin 6:9. (w97 7/1)

X’Tgħallimna?

◻ Liema provi jiġu mġarrbin mis-​sħubija kollha kemm hi taʼ Kristjani?

◻ Liema eżempji mill-​Bibbja jgħinuna nifhmu li l-​gwajijiet m’humiex evidenza li Jehovah jinsab offiż?

◻ Jehovah kif iħossu dwar l-​għawġ li jsofru n-​nies tiegħu?

◻ X’inhuma xi ftit mill-​għotjiet li jagħti Jehovah u li jgħinuna nissaportu l-​provi?

[Stampi f’paġna 23]

David, Nabot, u Ġużeppi huma tlieta min-​nies li sofrew il-​gwajijiet

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja