-
Ġeħova Għadd ‘Saħansitra x-Xagħar taʼ Rasek’It-Torri tal-Għassa—2005 | Awwissu 1
-
-
6 Biex jgħin lill-appostli jifhmu għala ma kellhomx għalfejn jibżgħu, Ġesù kompla jkellimhom billi tahom żewġ tixbihat. Hu qalilhom: “Ma jinbigħux żewġ għasafar tal-bejt għal munita taʼ valur żgħir? Iżda lanqas wieħed minnhom ma jaqaʼ fl-art mingħajr ma jkun jaf Missierkom. Għax saħansitra x-xagħar taʼ raskom kollu hu magħdud. Għalhekk tibżgħux: intom tiswew iktar minn ħafna għasafar tal-bejt.” (Mattew 10:29-31) Innota li Ġesù għamel konnessjoni bejn li ma nibżgħux meta niffaċċjaw id-diffikultajiet u li nkunu fiduċjużi li Ġeħova jimpurtah minna personalment. Jidher ċar li Pawlu kellu dan it-tip taʼ fiduċja. Hu kiteb: “Jekk Alla hu favur tagħna, min se jkun kontra tagħna? Hu li lanqas lil Ibnu stess ma ħelisha imma tah għalina lkoll, għala ma jagħtiniex miegħu wkoll b’qalb tajba l-affarijiet l-oħra kollha?” (Rumani 8:31, 32) Ikunu xi jkunu l-ostakli li tiffaċċja, int ukoll tistaʼ tkun ċert li Ġeħova jimpurtah minnek personalment sakemm tibqaʼ leali lejh. Dan se jidher iktar u iktar ċar hekk kif neżaminaw iktar mill-qrib it-twissija taʼ Ġesù lill-appostli tiegħu.
Il-Valur t’Għasfur tal-Bejt
7, 8. (a) Fi żmien Ġesù, in-nies kif kienu jqisu l-għasafar tal-bejt? (b) Milli jidher, f’Mattew 10:29 għala tintuża l-kelma Griega għal “għasafar tal-bejt” li tfisser id-diminuttiv tagħhom?
7 It-tixbihat taʼ Ġesù jiddeskrivu b’mod effettiv l-interess taʼ Ġeħova f’kull wieħed mill-qaddejja Tiegħu. L-ewwel ikkunsidra l-kwistjoni dwar l-għasafar tal-bejt. Fi żmien Ġesù, l-għasafar tal-bejt kienu jittieklu, imma minħabba li kienu taʼ theddida għall-prodotti tar-rabaʼ, ħafna nies kienu jarawhom bħala għasafar li jagħmlu ħsara. Tant kien hemm għasafar tal-bejt u tant kienu rħas li stajt tixtri tnejn b’inqas minn żewġ ċenteżmi taʼ llum. Bid-doppju taʼ dan l-ammont kont tixtri mhux erbaʼ għasafar tal-bejt imma ħamsa—l-għasfur żejjed kien jiżdied bla ħlas, bħallikieku ma kellu valur taʼ xejn!—Luqa 12:6.
8 Aħseb ukoll dwar id-daqs taʼ dan l-għasfur komuni. Meta tqabblu maʼ ħafna għasafar oħra, anki għasfur tal-bejt li jkun laħaq id-daqs naturali tiegħu jkun ċkejken. Madankollu, il-kelma Griega tradotta “għasafar tal-bejt” f’Mattew 10:29 tirreferi speċifikament għall-għasafar tal-bejt żgħar. Jidher ċar li Ġesù ried lill-appostli tiegħu jimmaġinaw għasfur li hu taʼ l-inqas valur possibbli. Bħalma jgħid xogħol wieħed taʼ referenza, “Ġesù jsemmi għasfur tassew żgħir u juża saħansitra d-diminuttiv tiegħu!”
9. Liema punt qawwi jagħmel Ġesù permezz tat-tixbiha taʼ l-għasafar tal-bejt?
9 L-analoġija li juża Ġesù dwar l-għasafar tal-bejt tagħmel punt qawwi: Dak li jidher bla valur fil-ħarsa tal-bnedmin huwa importanti għal Alla Ġeħova. Ġesù kompla jenfasizza kemm hu minnu dan billi żied li ebda għasfur tal-bejt żgħir “ma jaqaʼ fl-art” mingħajr ma jinnotah Ġeħova.c It-tagħlima hija ċara. Jekk Alla Ġeħova jinnota saħansitra lill-iżgħar għasfur li għandu l-inqas sinifikat, kemm iktar se jinteressah mis-sitwazzjoni diffiċli taʼ bniedem li jkun għażel li jaqdih!
-
-
Ġeħova Għadd ‘Saħansitra x-Xagħar taʼ Rasek’It-Torri tal-Għassa—2005 | Awwissu 1
-
-
c Xi studjużi jissuġġerixxu li l-fatt li għasfur tal-bejt jaqaʼ fl-art ifisser iktar milli sempliċement imut. Huma jgħidu li l-frażi fil-lingwa oriġinali tistaʼ tirreferi għall-fatt li għasfur jinżel fl-art għall-ikel. Jekk dan hu l-każ, allura jfisser li Alla jinnota u jieħu ħsieb lill-għasfur fl-attivitajiet tiegħu taʼ kuljum, mhux biss meta jmut.—Mattew 6:26.
-