LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • ‘Tinstab Perla Waħda Taʼ Valur Kbir’
    It-Torri tal-Għassa—2005 | Frar 1
    • ‘Tinstab Perla Waħda Taʼ Valur Kbir’

      “Is-​saltna tas-​smewwiet hi l-​mira li qed jirsistu għaliha l-​bnedmin, u dawk li qed jirsistu qed jilħquha.”—MATTEW 11:12.

      1, 2. (a) Liema kwalità rari ddeskriva Ġesù f’waħda mill-​parabboli tiegħu dwar is-​Saltna? (b) Ġesù x’qal fil-​parabbola tal-​perla taʼ valur kbir?

      HEMM xi ħaġa li tant hi taʼ valur għalik li lest tagħti kulma għandek jew tissagrifika kollox sabiex tkun tistaʼ takkwistaha? Għalkemm in-​nies jitkellmu dwar id-​dedikazzjoni meta jipprovaw jilħqu xi mira​—flus, fama, poter, jew pożizzjoni​—huwa rari li individwu jiltaqaʼ maʼ xi ħaġa li tant ikun jixtieqha li jkun lest jagħti kollox għaliha. Ġesù Kristu rrefera għal din il-​kwalità rari imma taʼ min jammiraha f’waħda mill-​ħafna parabboli li jqanqlu l-​ħsieb u li ta dwar is-​Saltna t’Alla.

      2 Din hi parabbola, jew tixbiha, li Ġesù qal lid-​dixxipli tiegħu fil-​privat, parabbola dwar perla taʼ valur kbir. Ġesù qal hekk: “Is-​saltna tas-​smewwiet hi bħal merkant li jivvjaġġa biex ifittex perli mill-​isbaħ. Meta sab perla waħda taʼ valur kbir telaq u minnufih biegħ kulma kellu u xtraha.” (Mattew 13:​36, 45, 46) Ġesù x’riedhom jitgħallmu lis-​semmiegħa tiegħu minn din it-​tixbiha? U aħna kif nistgħu nibbenefikaw mill-​kliem taʼ Ġesù?

      Il-​Valur Kbir tal-​Perli

      3. Il-​perli mill-​isbaħ għala kienu tant taʼ valur fi żmien il-​qedem?

      3 Minn żmien il-​qedem, il-​perli kienu stmati bħala oġġetti taʼ tiżjin. Sors wieħed josserva li skond l-​istudjuż Ruman Plinju l-​Kbir, il-​perli okkupaw “l-​għola grad fost l-​iktar affarijiet prezzjużi.” Kuntrarju għad-​deheb, il-​fidda, jew ħafna ħaġar prezzjuż, il-​perli jiġu prodotti minn affarijiet ħajjin. Huwa fatt magħruf li ċerti tipi taʼ gajdri jistgħu jibdlu xi affarijiet li jirritawhom​—bħal biċċiet żgħar taʼ ġebel​—f’perli jleqqu billi jiksuhom b’saffi taʼ sustanza magħrufa bħala madriperla. Fi żmien il-​qedem, l-​isbaħ perli kienu jinġabru l-​iktar mill-​Baħar l-​Aħmar, il-​Golf Persjan, u l-​Oċean Indjan—’il bogħod mill-​art taʼ Iżrael. Din żgur li hi r-​raġuni għala Ġesù tkellem dwar “merkant li jivvjaġġa biex ifittex perli mill-​isbaħ.” Kien jinvolvi sforz verament kbir biex jinstabu perli li huma tassew taʼ valur.

      4. Liema tagħlima prinċipali hemm fil-​parabbola taʼ Ġesù dwar il-​merkant li jivvjaġġa?

      4 Avolja l-​perli ilhom żmien twil jiswew ħafna flus, jidher ċar li dan it-​tip taʼ valur ma kienx it-​tagħlima prinċipali tal-​parabbola taʼ Ġesù. F’din il-​parabbola, Ġesù mhux biss xebbah is-​Saltna t’Alla maʼ perla taʼ valur kbir; hu ġibed l-​attenzjoni lejn “merkant li jivvjaġġa biex ifittex perli mill-​isbaħ” u lejn il-​mod kif irreaġixxa malli sab waħda. Kuntrarju għal sid ordinarju taʼ ħanut, il-​merkant, jew in-​negozjant, li jivvjaġġa biex ifittex il-​perli setaʼ kien wieħed li nistgħu nsejħulu espert fix-​xogħol, xi ħadd intiż jew li joqgħod attent ħafna għall-​ġmiel u d-​dettalji moħbijin li jagħmlu lill-​perla waħda straordinarja. Malli jaraha mill-​ewwel ikun jaf kemm hi ġenwina u ma jiġix imqarraq minn merkanzija li tkun taʼ kwalità inferjuri jew imitazzjoni.

      5, 6. (a) Liema ħaġa partikulari hi taʼ min jinnotaha dwar il-​merkant fil-​parabbola taʼ Ġesù? (b) Il-​parabbola tat-​teżor moħbi x’tikxef dwar il-​merkant li jivvjaġġa?

      5 Hemm xi ħaġa oħra taʼ min jinnotaha f’dan il-​merkant partikulari. Merkant normali jistaʼ l-​ewwel jara l-​perla kemm tiswa fis-​suq sabiex imbagħad ikun jistaʼ jiddetermina kemm se jħallas għaliha sabiex ikollu l-​qligħ. Għandu mnejn jikkunsidra wkoll jekk hemmx domanda għal perla bħal din sabiex ikun jistaʼ jbigħha malajr. Fi kliem ieħor, kulma jinteressah hu li jkollu qligħ malajr mill-​investiment tiegħu mhux li l-​perla tkun tiegħu. Imma dan m’huwiex il-​każ tal-​merkant fil-​parabbola taʼ Ġesù. Hu ma kienx jinteressah mill-​flus jew milli jikseb xi ħaġa materjali. Fil-​fatt, hu kien lest jissagrifika “kulma kellu”​—forsi l-​affarijiet persunali u l-​proprjetajiet tiegħu kollha​—sabiex ikun jistaʼ jikseb dak li kien qed ifittex.

      6 Għal ħafna merkanti, ir-​raġel fil-​parabbola taʼ Ġesù setaʼ deher li għamel xi ħaġa mhux għaqlija. Negozjant għaqli ma kienx jgħaddilu minn rasu li jidħol f’intrapriża riskjuża bħal din. Imma l-​merkant fil-​parabbola taʼ Ġesù kellu ħarsa differenti lejn il-​valuri. Il-​premju tiegħu ma kienx xi vantaġġ finanzjarju imma l-​ferħ u s-​sodisfazzjon għax kien akkwista xi ħaġa taʼ valur bla limitu. Dan il-​punt jintgħamel ċar f’tixbiha parallela li ta Ġesù. Hu qal: “Is-​saltna tas-​smewwiet hi bħal teżor moħbi f’għalqa li sabu wieħed raġel u ħbieh; u tant jifraħ li jmur u jbigħ kulma għandu u jixtri dik l-​għalqa.” (Mattew 13:44) Iva, il-​ferħ meta skopra u akkwista t-​teżor kien biżżejjed biex iqanqal lir-​raġel jitlaq kulma kellu. Jeżistu individwi bħal dawn illum? Jeżisti teżor li jixraqlu sagrifiċċju bħal dan?

      Dawk li Apprezzaw il-​Valur Kbir

      7. Ġesù kif wera li kien japprezza ħafna l-​valur kbir tas-​Saltna?

      7 Meta kien qed jgħid il-​parabbola tiegħu, Ġesù kien qed jitkellem dwar “is-​saltna tas-​smewwiet.” Hu stess żgur li kien xi ħadd li japprezza l-​valur kbir tas-​Saltna. Ir-​rakkonti taʼ l-​Evanġelju jagħtu xiehda qawwija taʼ dan. Wara l-​magħmudija tiegħu fis-​sena 29 E.K., Ġesù “beda jippriedka u jgħid: ‘Indmu, għax qorbot is-​saltna tas-​smewwiet.’” Għal tliet snin u nofs, hu għallem lill-​kotriet dwar is-​Saltna. Qasam it-​tul u l-​wisaʼ taʼ l-​art, “jivvjaġġa minn belt għal belt u minn raħal għal raħal, jippriedka u jxandar l-​aħbar tajba tas-​saltna t’Alla.”​—Mattew 4:17; Luqa 8:1.

      8. Ġesù x’għamel biex juri x’kienet se twettaq is-​Saltna?

      8 Billi għamel ħafna mirakli madwar il-​pajjiż​—fosthom fejjaq il-​morda, temaʼ limġewħin, ikkontrolla l-​elementi, u saħansitra qajjem lill-​mejtin​—Ġesù wera wkoll x’se twettaq is-​Saltna t’Alla. (Mattew 14:​14-21; Marku 4:​37-39; Luqa 7:​11-17) Fl-​aħħar, hu wera l-​lealtà tiegħu lejn Alla u s-​Saltna billi ta ħajtu u miet mewta taʼ martri fuq zokk tat-​tortura. L-​istess bħal dak il-​merkant li jivvjaġġa u li minn jeddu ta kulma kellu għal “perla waħda taʼ valur kbir,” Ġesù għex u miet għas-​Saltna.—Ġwanni 18:37.

      9. Liema kwalità rari kienet tidher fl-​ewwel appostli taʼ Ġesù?

      9 Ġesù mhux biss iffoka ħajtu fuq is-​Saltna imma wkoll ġabar flimkien grupp żgħir taʼ segwaċi. Dawn ukoll kienu individwi li apprezzaw ferm il-​valur kbir tas-​Saltna. Fosthom kien hemm Indrì, li fil-​bidu kien dixxiplu taʼ Ġwanni l-​Għammied. Malli semgħu x-​xiehda taʼ Ġwanni li Ġesù kien “il-​Ħaruf t’Alla,” Indrì u dixxiplu ieħor taʼ Ġwanni, x’aktarx wieħed minn ulied Żebedew li wkoll kien jismu Ġwanni, mill-​ewwel inġibdu lejn Ġesù u bdew jemmnu. Imma l-​affarijiet ma waqfux hawn. Fil-​pront, Indrì mar għand ħuh Xmun u qallu: “Sibna ’l-Messija.” Ftit wara, Xmun (li sar magħruf bħala Kefa, jew Pietru) kif ukoll Filippu u sieħbu Natanjel ukoll għarfu lil Ġesù bħala l-​Messija. Fil-​fatt, Natanjel tqanqal biex jgħid lil Ġesù: “Int l-​Iben t’Alla, int is-​Sultan taʼ Iżrael.”—Ġwanni 1:​35-​49.

      Imqanqlin Jaġixxu

      10. Id-​dixxipli kif irreaġixxew meta Ġesù ġie u sejħilhom xi żmien wara li ltaqaʼ magħhom għall-​ewwel darba?

      10 L-​eċċitament li esperjenzaw Indrì, Pietru, Ġwanni, u l-​oħrajn meta sabu lill-​Messija jistaʼ jitqabbel maʼ dak li ħass il-​merkant li jivvjaġġa meta sab il-​perla taʼ valur kbir. Issa x’kienu se jagħmlu? L-​Evanġelji ma jgħidulniex wisq dwar x’għamlu eżatt malli ltaqgħu maʼ Ġesù l-​ewwel darba. Milli jidher, ħafna minnhom marru lura għall-​ħajja normali tagħhom. Minn sitt xhur sa sena wara, madankollu, Ġesù reġaʼ mar fuq Indrì, Pietru, Ġwanni, u ħu Ġwanni li kien jismu Ġakbu, fejn kellhom in-​negozju tagħhom tas-​sajd ħdejn il-​Baħar tal-​Galilija.a Malli rahom, Ġesù qal: “Ejjew warajja, u jien nagħmilkom sajjieda tal-​bnedmin.” Kif irreaġixxew? Dwar Pietru u Indrì, ir-​rakkont taʼ Mattew jgħid: “Mill-​ewwel abbandunaw ix-​xbieki, u marru warajh.” U dwar Ġakbu u Ġwanni naqraw: “Minnufih telqu d-​dgħajsa u lil missierhom, u marru warajh.” Ir-​rakkont taʼ Luqa jżid li huma “abbandunaw kollox u marru warajh.”​—Mattew 4:​18-22; Luqa 5:​1-11.

      11. X’aktarx x’qanqal ir-​reazzjoni fil-​pront għas-​sejħa taʼ Ġesù?

      11 Kienet ir-​reazzjoni fil-​pront tad-​dixxipli deċiżjoni taʼ malajr? Ma tantx! Avolja wara l-​ewwel kuntatt li kellhom maʼ Ġesù marru lura għan-​negozju tas-​sajd tal-​familja tagħhom, żgur li dak li kienu raw u semgħu f’dik l-​okkażjoni ħalla effett qawwi fuq qalbhom u moħħhom. Minħabba li kienet għaddiet kważi sena, kellhom ħafna ħin biex jimmeditaw fuq dawn l-​affarijiet. Issa kien wasal il-​ħin għal deċiżjoni. Kienu huma se jkunu bħall-​merkant li jivvjaġġa li tant tqanqal minn qalbu malli skopra l-​perla imprezzabbli li, bħalma spjega Ġesù, “telaq u minnufih” għamel dak li kellu jagħmel biex jixtri dik il-​perla? Iva. Dak li kienu raw u semgħu messilhom qalbhom. Huma rrealizzaw li kien wasal il-​waqt li jaġixxu. Għalhekk, ir-​rakkont jgħidilna li mingħajr dewmien ħallew kulma kellhom u saru segwaċi taʼ Ġesù.

      12, 13. (a) Kif irreaġixxew ħafna minn dawk li semgħu lil Ġesù? (b) Ġesù x’qal dwar id-​dixxipli leali tiegħu, u x’jimplika l-​kliem tiegħu?

      12 Kemm kienu differenti dawn l-​uħud leali minn xi oħrajn li ssemmew iktar tard fir-​rakkonti taʼ l-​Evanġelju! Kienu ħafna dawk li ġew imfejqin jew mitmugħin minn Ġesù imma li sempliċement komplew bl-​affarijiet tagħhom. (Luqa 17:​17, 18; Ġwanni 6:26) Xi wħud saħansitra qagħdu jġibu l-​iskużi meta Ġesù stidinhom ikunu s-​segwaċi tiegħu. (Luqa 9:​59-62) B’kuntrast qawwi, dwar l-​uħud leali, Ġesù iktar tard qal: “Minn żmien Ġwanni l-​Battista s’issa, is-​saltna tas-​smewwiet hi l-​mira li qed jirsistu għaliha l-​bnedmin, u dawk li qed jirsistu qed jilħquha.”—Mattew 11:12.

      13 X’jimplika t-​terminu “jirsistu”? Dwar il-​verb Grieg li minnu tnisslet din il-​kelma, Vine’s Expository Dictionary of Old and New Testament Words jgħid: “Il-​verb jissuġġerixxi ħidma bi sforz kbir.” U dwar dan il-​vers, l-​istudjuż tal-​Bibbja Heinrich Meyer jgħid: “B’dan il-​mod huma deskritti l-​istinkar u l-​issarar bil-​ħerqa u b’mod irreżistibbli għas-​saltna Messjanika li riesqa . . . Daqshekk hu ħerqan u enerġetiku l-​interess fis-​saltna (m’għadux kalm jew kapaċi jistenna).” Bħall-​merkant li jivvjaġġa, dawn il-​ftit individwi malajr indunaw x’kien tassew prezzjuż, u minn jeddhom ħallew warajhom kulma kellhom minħabba s-​Saltna.—Mattew 19:​27, 28; Filippin 3:8.

      Oħrajn Ngħaqdu fit-​Tfittxija

      14. Ġesù kif ħejja lill-​appostli tiegħu għax-​xogħol taʼ l-​ippridkar dwar is-​Saltna, u x’kien ir-​riżultat?

      14 Hekk kif Ġesù kompla fil-​ministeru tiegħu, hu ħarreġ u għen lil oħrajn biex jirsistu għas-​Saltna. L-​ewwel għażel 12 minn fost id-​dixxipli tiegħu u sejħilhom biex isiru appostli, jew uħud mibgħutin minnu. Lil dawn, Ġesù tahom istruzzjonijiet dettaljati dwar kif kellhom jagħmlu l-​ministeru tagħhom kif ukoll twissijiet dwar l-​isfidi u d-​diffikultajiet li kellhom quddiemhom. (Mattew 10:​1-42; Luqa 6:​12-16) Għas-​sentejn taʼ wara jew ftit iktar, huma akkumpanjaw lil Ġesù fil-​vjaġġi tiegħu taʼ l-​ippridkar madwar il-​pajjiż, u gawdew relazzjoni mill-​qrib miegħu. Huma semgħu dak li qal, xehdu għall-​għemejjel setgħana tiegħu, u raw l-​eżempju persunali tiegħu. (Mattew 13:​16, 17) Żgur li dan kollu laqathom bil-​kbir; tant hu hekk, li bħall-​merkant li jivvjaġġa huma fittxew is-​Saltna biż-​żelu u b’qalb sħiħa.

      15. Ġesù x’qal li kienet ir-​raġuni vera għala s-​segwaċi tiegħu kellhom jifirħu?

      15 Minbarra t-​12-il appostlu, Ġesù “għażel sebgħin oħra u bagħathom tnejn tnejn qablu f’kull belt u post fejn kien se jmur hu.” Qalilhom ukoll dwar il-​provi u d-​diffikultajiet li kellhom quddiemhom u tahom l-​istruzzjoni biex jgħidu lin-​nies: “Is-​saltna t’Alla qorbot lejkom.” (Luqa 10:​1-12) Meta s-​70 marru lura, huma kienu se jtiru bil-​ferħ u taw dan ir-​rapport lil Ġesù: “Mulej, anki d-​demonji jintgħamlu sottomessi lejna f’ismek.” Imma forsi b’sorpriża għalihom, Ġesù wriehom li kien hemm saħansitra ferħ akbar lest għalihom minħabba ż-​żelu tagħhom għas-​Saltna. Hu qalilhom: “Iżda tifirħux b’dan, li l-​ispirti jintgħamlu sottomessi lejkom, imma ifirħu għax isimkom tnaqqax fis-​smewwiet.”—Luqa 10:​17, 20.

      16, 17. (a) Ġesù x’qalilhom lill-​appostli leali tiegħu fl-​aħħar lejl li kien magħhom? (b) Il-​kliem taʼ Ġesù kif ferraħ u assigura lill-​appostli tiegħu?

      16 Finalment, fl-​aħħar lejl li Ġesù kien maʼ l-​appostli, fl-​14 taʼ Nisan, 33 E.K, hu stabbilixxa dik li saret magħrufa bħala l-​Ikla taʼ fil-​Għaxija tal-​Mulej u ordnalhom jagħmlu tifkira tal-​ġrajja. Matul dik il-​lejla, Ġesù qal lill-​11 li kien għad baqaʼ: “Intom dawk li bqajtu miegħi fil-​provi tiegħi; u nagħmel patt magħkom għal saltna, bħalma Missieri għamel miegħi, biex tieklu u tixorbu fuq il-​mejda tiegħi f’saltnati, u toqogħdu bil-​qiegħda fuq tronijiet biex tiġġudikaw lit-​tnax-il tribù taʼ Iżrael.”—​Luqa 22:​19, 20, 28-​30.

      17 Min jaf x’ferħ u sodisfazzjon ħassew f’qalbhom l-​appostli meta semgħu dan il-​kliem mingħand Ġesù! Kienu qed jiġu offruti l-​ogħla unur u privileġġ li qatt jistaʼ jkollu l-​bniedem. (Mattew 7:​13, 14; 1 Pietru 2:9) Bħal dak il-​merkant li jivvjaġġa, huma telqu ħafna affarijiet sabiex isegwu lil Ġesù fit-​tfittxija għas-​Saltna. Issa ġew żgurati li s-​sagrifiċċji li għamlu s’issa ma kinux għalxejn.

      18. Minbarra l-​11-il appostlu min maż-​żmien kien se jibbenefika wkoll mis-​Saltna?

      18 L-​appostli li kienu preżenti maʼ Ġesù dak il-​lejl ma kinux l-​uniċi li kienu se jibbenefikaw mis-​Saltna. Kienet ir-​rieda taʼ Ġeħova li total taʼ 144,000 jidħlu fil-​patt tas-​Saltna bħala ħakkiema sħab maʼ Ġesù Kristu fis-​Saltna glorjuża tiegħu tas-​sema. Barra minn hekk, l-​appostlu Ġwanni ra f’viżjoni “folla kbira, li ebda bniedem ma setaʼ jgħoddha . . . weqfin quddiem it-​tron u quddiem il-​Ħaruf, . . . jgħidu: ‘Is-​salvazzjoni nafuha lil Alla tagħna, li qiegħed bil-​qiegħda fuq it-​tron, u lill-​Ħaruf.’” Dawn huma s-​sudditi taʼ l-​art taʼ din is-​Saltna.b​—Rivelazzjoni 7:​9, 10; 14:​1, 4.

      19, 20. (a) Liema opportunità hija miftuħa għan-​nies tal-​ġnus kollha? (b) Liema mistoqsija se tiġi kunsidrata fl-​artiklu li jmiss?

      19 Ftit qabel ma Ġesù telaʼ s-​sema, hu kkmanda lis-​segwaċi tiegħu: “Għalhekk, morru u agħmlu dixxipli min-​nies tal-​ġnus kollha, għammduhom fl-​isem tal-​Missier u taʼ l-​Iben u taʼ l-​ispirtu qaddis, u għallmuhom josservaw dak kollu li ordnajtilkom. U, ara, jien magħkom il-​jiem kollha sa tmiem is-​sistema.” (Mattew 28:​19, 20) Għalhekk, nies mill-​ġnus kollha kienu se jsiru dixxipli taʼ Ġesù Kristu. Dawn ukoll kienu se jorbtu qalbhom mas-​Saltna​—kemm jekk għall-​premju tas-​sema u kemm jekk taʼ l-​art​—bħalma l-​merkant li jivvjaġġa rabat qalbu mal-​perla mill-​isbaħ.

      20 Il-​kliem taʼ Ġesù indika li l-​inkarigu li jagħmlu dixxipli kellu jibqaʼ għaddej sa “tmiem is-​sistema.” Allura fi żmienna, għad hemm xi individwi li huma bħall-​merkant li jivvjaġġa, li huma lesti jħallu kollox biex ifittxu s-​Saltna t’Alla? Din il-​mistoqsija se tiġi kunsidrata fl-​artiklu li jmiss.

      [Noti taʼ taħt]

      a Ġwanni, bin Żebedew, jistaʼ jkun li segwa lil Ġesù u xehed għal xi wħud mill-​affarijiet li għamel ftit wara li ltaqgħu l-​ewwel darba, u għalhekk Ġwanni setaʼ jniżżilhom bil-​miktub b’mod daqshekk reali fir-​rakkont tiegħu taʼ l-​Evanġelju. (Ġwanni, kapitli 2-5) Minkejja dan, xi żmien qabel ma sejjaħlu Ġesù, hu mar lura għan-​negozju tas-​sajd tal-​familja tiegħu.

      b Għal iktar dettalji, ara kapitlu 10 tal-​ktieb Għarfien Li Jwassal Għall-​Ħajja Taʼ Dejjem, pubblikat mix-​Xhieda taʼ Ġeħova.

  • Infittxu l-‘Perla taʼ Valur Kbir’ Illum
    It-Torri tal-Għassa—2005 | Frar 1
    • Infittxu l-​‘Perla taʼ Valur Kbir’ Illum

      “Din l-​aħbar tajba tas-​saltna tiġi pridkata fl-​art abitata kollha bħala xiehda.”—MATTEW 24:14.

      1, 2. (a) Il-Lhud fi żmien Ġesù kif ħassewhom dwar is-​Saltna t’Alla? (b) Ġesù x’għamel biex ifiehem sew x’inhi s-​Saltna, u b’liema riżultati?

      IS-​SALTNA t’Alla kienet suġġett taʼ interess kbir fost il-​Lhud meta Ġesù ġie fuq l-​art. (Mattew 3:​1, 2; 4:​23-​25; Ġwanni 1:​49) Però, għall-​ewwel, ħafna minnhom ma fehmux għalkollox il-​kobor u l-​qawwa tagħha; lanqas ma fehmu li kienet se tkun gvern fis-​sema. (Ġwanni 3:​1-5) Anki xi wħud li saru segwaċi taʼ Ġesù ma fehmux għalkollox x’inhi s-​Saltna t’Alla jew xi jridu jagħmlu biex jirċievu l-​barka li jkunu ħakkiema sħab maʼ Kristu.​—Mattew 20:​20-​22; Luqa 19:11; Atti 1:6.

      2 Hekk kif għadda ż-​żmien, bil-​paċenzja Ġesù ta lid-​dixxipli tiegħu ħafna lezzjonijiet, inkluż il-​parabbola tal-​perla taʼ valur kbir li kkunsidrajna fl-​artiklu taʼ qabel, biex jurihom l-​importanza taʼ li jistinkaw biex ifittxu s-​Saltna tas-​sema. (Mattew 6:​33; 13:​45, 46; Luqa 13:​23, 24) Dan żgur li messilhom qalbhom profondament għaliex huma malajr saru proklamaturi żelużi u kuraġġużi taʼ l-​aħbar tajba tas-​Saltna li marru sa truf l-​art, u għal dan jixhed bil-​kbir il-​ktieb taʼ l-​Atti.—Atti 1:8; Kolossin 1:23.

      3. Meta kien qed jirreferi għal żmienna, Ġesù x’qal dwar is-​Saltna?

      3 Iżda xi ngħidu għal-​lum? Il-​barkiet taʼ ġenna taʼ l-​art taħt il-​ħakma tas-​Saltna qed jitwasslu lil miljuni taʼ nies. Fil-​profezija grandjuża tiegħu dwar “tmiem is-​sistema,” Ġesù qal b’mod speċifiku: “Din l-​aħbar tajba tas-​saltna tiġi pridkata fl-​art abitata kollha bħala xiehda lill-​ġnus kollha; u mbagħad jiġi t-​tmiem.” (Mattew 24:​3, 14; Marku 13:10) Hu spjega wkoll li dan ix-​xogħol kbir ferm irid isir minkejja l-​ostakli u l-​isfidi kbar, saħansitra minkejja l-​persekuzzjoni. Madankollu, hu ta r-​rassiguranza: “Min jissaporti sat-​tmiem jiġi salvat.” (Mattew 24:​9-​13) Dan kollu jeħtieġ it-​tip taʼ sagrifiċċju persunali u dedikazzjoni li wera l-​merkant li jivvjaġġa fil-​parabbola taʼ Ġesù. Hemm individwi llum li juru l-​istess fidi u żelu sabiex ifittxu s-​Saltna?

      Il-​Ferħ Meta Tinstab il-​Verità

      4. Il-​verità tas-​Saltna x’effett għandha fuq in-​nies illum?

      4 Il-​merkant tal-​parabbola taʼ Ġesù kien ferħan se jtir meta sab dik li qiesha bħala ‘perla taʼ valur kbir.’ Dan il-​ferħ qanqlu biex jagħmel kulma jistaʼ ħalli jakkwista l-​perla. (Ebrej 12:1) Illum, il-​verità dwar Alla u s-​Saltna tiegħu bl-​istess mod tiġbed u tqanqal lin-​nies. Dan ifakkarna fil-​kumment taʼ Ħuna A. H. Macmillan, li kiteb dwar it-​tfittxija persunali tiegħu għal Alla u l-​iskop Tiegħu għall-​bnedmin, fil-​ktieb Faith on the March. Hu qal: “Dak li sibt jien, eluf taʼ nies għadhom qed isibuh kull sena. U dawn huma nies bħali u bħalek, għaliex jiġu min-​nazzjonalitajiet, ir-​razez, u l-​isfondi kollha tal-​ħajja u huma taʼ kull età. Il-​verità ma tagħżilx bejn bniedem u ieħor. Tiġbed lil kull tip taʼ nies.”

      5. Liema riżultati mill-​aqwa nistgħu naraw mir-​rapport għas-​sena taʼ servizz 2004?

      5 Kemm dan il-​kliem hu minnu nistgħu narawh sena wara l-​oħra mill-​mijiet t’eluf taʼ wħud taʼ qalb onesta li jitqanqlu mill-​aħbar tajba tas-​Saltna t’Alla biex jiddedikaw ħajjithom lil Ġeħova u jagħmlu r-​rieda tiegħu. Is-​sena taʼ servizz 2004, minn Settembru taʼ l-​2003 s’Awissu taʼ l-​2004, ma kinitx eċċezzjoni. F’dawk it-​12-il xahar, 262,416-il ruħ issimbolizzaw pubblikament id-​dedikazzjoni tagħhom lil Ġeħova permezz tal-​magħmudija fl-​ilma. Dan seħħ f’235 pajjiż, fejn ix-​Xhieda taʼ Ġeħova kkonduċew 6,085,387 studju tal-​Bibbja fid-​djar kull ġimgħa sabiex jgħinu lin-​nies minn kull sfond u minn ħafna ġnus, tribujiet, u lingwi jieħdu l-​verità tal-​Kelma t’Alla li tagħti l-​ħajja.​—Rivelazzjoni 7:9.

      6. Għal liema raġuni jkompli jkun hemm żjieda tul is-​snin?

      6 Dan kollu kif kien possibbli? M’hemm ebda dubju li Ġeħova jiġbed lejh lil dawk li għandhom attitudni xierqa. (Ġwanni 6:65; Atti 13:48) Madankollu, m’għandniex inċekknu s-​sagrifiċċju persunali u l-​isforzi bla heda li għamlu dawk li ntefgħu b’ruħhom u ġisimhom biex ifittxu s-​Saltna. Fl-​età taʼ 79 sena, Ħuna Macmillan kiteb: “Minn mindu tgħallimt dwar il-​wegħdi li hemm għall-​umanità marida u li qed tmut, it-​tama tiegħi f’dak li jikxef il-​messaġġ Bibliku ma naqset bl-​ebda mod. F’dak il-​mument, iddeċidejt li nsir naf iktar dwar dak li tgħallem il-​Bibbja ħalli nkun nistaʼ ngħin lil oħrajn li bħali qed ifittxu l-​għarfien dwar Alla li Jistaʼ Kollox, Ġeħova, u l-​iskopijiet tajbin tiegħu għall-​umanità.”

      7. Liema esperjenza turi t-​tip taʼ ferħ u ħerqa li jkollhom dawk li jsibu l-​verità tal-​Bibbja?

      7 L-​istess ħerqa tidher ukoll fost il-​qaddejja taʼ Ġeħova llum. Ejja, per eżempju, nieħdu l-​każ taʼ Daniela minn Vjenna, fl-​Awstrija. Hi qalet: “Minn ċkuniti, Alla kien l-​akbar ħabib tiegħi. Dejjem ridt inkun naf x’jismu għaliex għalija ‘Alla’ kien titlu formali wisq. Imma kelli nistenna sakemm għalaqt is-​17-il sena, meta x-​Xhieda taʼ Ġeħova ġew għandi. Huma spjegawli dak kollu li ridt inkun naf dwar Alla. Fl-​aħħar, kont sibt il-​verità, u kienet xi ħaġa meraviljuża! Tant kont eċċitata li bdejt nippriedka lil kulħadd.” Sħabha taʼ l-​iskola ma damux ma bdew iwaqqgħuha għaċ-​ċajt minħabba l-​entużjażmu tagħha. “Imma għalija, kien bħallikieku kont qed nara l-​profezija tal-​Bibbja sseħħ,” kompliet Daniela, “għaliex kont tgħallimt li Ġesù qal li s-​segwaċi tiegħu kienu se jkunu mibgħudin u persegwitati minħabba ismu. Tassew kont ferħana u meraviljata.” Fi żmien qasir, Daniela ddedikat ħajjitha lil Ġeħova, tgħammdet, u bdiet tipprova tilħaq il-​mira tas-​servizz missjunarju. Wara li żżewġet, Daniela, flimkien maʼ żewġha, Helmut, marret tippriedka fost il-​popolazzjonijiet Afrikani, Ċiniżi, Filippini, u Indjani ġo Vjenna. Daniela u Helmut issa qed jaqdu bħala missjunarji fil-​lbiċ taʼ l-​Afrika.

      Ma Jaqtgħux Qalbhom

      8. Liema hu mod premjanti li bih ħafna wrew l-​imħabba li għandhom għal Alla u l-​lealtà tagħhom lejn is-​Saltna tiegħu?

      8 Tabilħaqq, is-​servizz missjunarju hu wieħed mill-​modi kif in-​nies taʼ Ġeħova llum juru l-​imħabba li għandhom għal Alla u l-​lealtà tagħhom lejn is-​Saltna tiegħu. Bħall-​merkant fil-​parabbola taʼ Ġesù, dawk li jidħlu f’dan is-​servizz huma lesti jivvjaġġaw f’postijiet ’il bogħod minħabba s-​Saltna. M’għandniex xi ngħidu, dawn il-​missjunarji m’humiex jivvjaġġaw biex isibu l-​aħbar tajba tas-​Saltna; huma qed jiħduha lin-​nies li jgħixu fl-​irkejjen imbiegħda taʼ l-​art, u jgħallmuhom u jgħinuhom isiru dixxipli taʼ Ġesù Kristu. (Mattew 28:​19, 20) F’ħafna artijiet, huma jkollhom jissaportu tbatija kbira. Imma s-​sabar tagħhom hu premjat bil-​kbir.

      9, 10. Liema esperjenzi eċċitanti qed igawdu xi missjunarji f’postijiet imbiegħda bħar-​Repubblika Afrikana Ċentrali?

      9 Per eżempju, nistgħu nieħdu r-​Repubblika Afrikana Ċentrali, fejn is-​sena l-​oħra l-​attendenza għat-​Tifkira tal-​mewt taʼ Kristu kienet taʼ 16,184 ruħ, xi sebaʼ darbiet iktar mill-​għadd taʼ pubblikaturi tas-​Saltna f’dak il-​pajjiż. Peress li ħafna partijiet tal-​pajjiż m’għandhomx elettriku, in-​nies ġeneralment jagħmlu x-​xogħol tagħhom taʼ kuljum fuq barra fid-​dell taʼ xi siġra. Allura, hija xi ħaġa naturali għall-​missjunarji li jagħmlu x-​xogħol tagħhom bl-​istess mod—jikkonduċu studji tal-​Bibbja fid-​dell taʼ xi siġra. Mhux biss ikun hemm iktar dawl u iktar frisk imma hemm ukoll vantaġġ ieħor. In-​nies għandhom apprezzament profond għall-​Bibbja, u d-​diskussjonijiet dwar suġġetti reliġjużi huma komuni daqs kemm l-​isports jew it-​temp huma komuni fid-​diskussjonijiet taʼ kulturi oħra. Spiss, min ikun għaddej jinnota xi jkun qed iseħħ u sempliċement jingħaqad fl-​istudju.

      10 Għalhekk, meta wieħed missjunarju kien qed jikkonduċi studju tal-​Bibbja barra, żagħżugħ li kien jgħix in-​naħa l-​oħra taʼ l-​istess triq resaq lejhom u qal li peress li ma mar ħadd għandu, il-​missjunarju jmissu jżuru u jibda jistudja l-​Bibbja miegħu wkoll. M’għandniex xi ngħidu, il-​missjunarju aċċetta bil-​ferħ, u ż-​żagħżugħ qed jagħmel progress malajr. F’dan il-​pajjiż, l-​uffiċjali tal-​pulizija spiss iwaqqfu lix-​Xhieda fit-​triq, mhux biex iwissuhom jew jagħtuhom multa, imma biex jitolbuhom l-​aħħar ħarġiet tar-​rivisti It-​Torri taʼ l-​Għassa u Stenbaħ! jew biex jirringrazzjawhom taʼ xi artiklu li jkunu ħadu pjaċir bih.

      11. Minkejja l-​provi, il-​missjunarji li ilhom jaqdu għal żmien twil kif iħossuhom dwar is-​servizz tagħhom?

      11 Ħafna minn dawk li daħlu fis-​servizz missjunarju xi 40 jew 50 sena ilu għadhom jaqdu lealment f’dan il-​qasam. X’eżempju taʼ fidi u perseveranza għalina lkoll! F’dawn l-​aħħar 42 sena, koppja miżżewġa qdew flimkien bħala missjunarji fi tliet pajjiżi differenti. Ir-​raġel jgħid: “Kellna diffikultajiet. Per eżempju, kellna niġġieldu mal-​malarja għal 35 sena. Però, qatt ma ddispjaċiena għad-​deċiżjoni li ħadna biex inkunu missjunarji.” Martu tkompli: “Minn dejjem kellna ħafna għalxiex inkunu grati. Il-​ministeru taʼ l-​għalqa tant iġibilna ferħ, u huwa faċli li tibda studji tal-​Bibbja. Meta tara lill-​istudenti jiġu l-​laqgħat u jsiru jafu lil xulxin, tkun qisek qed tara l-​familja tinġabar flimkien kull darba.”

      ‘Iqisu Kollox Bħala Telf’

      12. Kif jintwera l-​apprezzament veru għall-​valur tas-​Saltna?

      12 Meta l-​merkant li jivvjaġġa sab perla taʼ valur kbir, “telaq u minnufih biegħ kulma kellu u xtraha.” (Mattew 13:46) Ix-​xewqa li jħallu kollox warajhom għal xi ħaġa li hi taʼ valur hija karatteristika taʼ dawk li tassew japprezzaw il-​valur tas-​Saltna. Bħala wieħed li kien se jkollu sehem maʼ Kristu fil-​glorja tas-​Saltna, l-​appostlu Pawlu qal: “Jien tabilħaqq inqis ukoll kollox bħala telf minħabba l-​valur imprezzabbli taʼ l-​għarfien dwar Kristu Ġesù l-​Mulej tiegħi. Minħabba fih aċċettajt li nitlef l-​affarijiet kollha u nqishom bħala qabda skart, sabiex nirbaħ lil Kristu.”​—Filippin 3:8.

      13. Individwu wieħed fir-​Repubblika Ċeka kif wera l-​imħabba tiegħu għas-​Saltna?

      13 Bl-​istess mod, ħafna llum huma lesti li jagħmlu bidliet kbar f’ħajjithom sabiex jiksbu l-​barkiet tas-​Saltna. Per eżempju, f’Ottubru taʼ l-​2003, is-​surmast taʼ 60 sena fi skola fir-​Repubblika Ċeka ltaqaʼ mal-​ktieb bħala għajnuna għall-​istudju tal-​Bibbja Għarfien Li Jwassal Għall-​Ħajja Taʼ Dejjem. Wara li qrah, hu mill-​ewwel ikkuntattja lix-​Xhieda taʼ Ġeħova fl-​inħawi tiegħu biex jaqbad studju tal-​Bibbja. Għamel ħafna progress spiritwali u malajr beda jattendi l-​laqgħat kollha. Imma xi ngħidu għall-​pjanijiet tiegħu biex isir sindku u joħroġ għall-​elezzjoni biex isir senatur? Hu għażel li jistinka għal karriera differenti—karriera li twassal għall-​ħajja, biex ikun proklamatur tas-​Saltna. Hu qal, “Irnexxieli nħalli ħafna letteratura Biblika maʼ l-​istudenti tiegħi.” Hu ssimbolizza d-​dedikazzjoni tiegħu lil Ġeħova permezz tal-​magħmudija fl-​ilma fil-​konvenzjoni taʼ Lulju taʼ l-​2004.

      14. (a) L-​aħbar tajba tas-​Saltna x’qanqlithom jagħmlu lil miljuni taʼ nies? (b) Liema mistoqsijiet serji għandu kull wieħed minna jagħmel lilu nnifsu?

      14 Miljuni oħrajn madwar id-​dinja wieġbu għall-​aħbar tajba tas-​Saltna bl-​istess mod. Huma ħarġu mid-​dinja ħażina, neżgħu l-​personalità l-​qadima, telqu l-​ħbieb li kellhom qabel, u ħallew warajhom il-​miri dinjin li kellhom. (Ġwanni 15:19; Efesin 4:​22-24; Ġakbu 4:4; 1 Ġwanni 2:​15-17) Għala jagħmlu dan kollu? Għaliex jgħożżu l-​barkiet tas-​Saltna t’Alla iktar minn kwalunkwe ħaġa oħra li din is-​sistema tistaʼ toffri. Tħossok bħalhom int dwar l-​aħbar tajba tas-​Saltna? Tqanqlek din biex tagħmel il-​bidliet neċessarji sabiex iġġib ħajtek, il-​valuri, u l-​miri tiegħek fi qbil maʼ dak li jeħtieġ Ġeħova? Jekk tagħmel hekk se jkollok barkiet kbar, issa u fil-​futur.

      Il-​Ħsad Jilħaq il-​Quċċata

      15. X’ġie profetizzat li kellu jagħmel il-​poplu t’Alla fl-​aħħar jiem?

      15 Is-​salmista kiteb: “Il-​poplu tiegħek minn rajh miegħek jingħaqad f’jum il-​qawwa tiegħek.” Dawk li offrew ruħhom jinkludu ‘żgħażagħ bħan-​nida’ u ‘ħafna nisa li jagħtu l-​bxara’ bħal armata kbira. (Salm 68:12 [68:​11, NW]; 110:​3, Saydon) X’kien ir-​riżultat tax-​xogħol iebes u s-​sagrifiċċju persunali li għamel il-​poplu taʼ Ġeħova—irġiel u nisa, kbar u żgħar—f’dawn l-​aħħar jiem?

      16. Agħti eżempju taʼ kif il-​qaddejja t’Alla qed jipprovaw jgħinu lil oħrajn biex jitgħallmu dwar is-​Saltna.

      16 Pijuniera, jew proklamatriċi tas-​Saltna full-time, fl-​Indja, bdiet taħseb dwar kif iż-​żewġ miljun ruħ u fuqhom neqsin mis-​smigħ f’pajjiżha jistgħu jiġu megħjunin jitgħallmu dwar is-​Saltna. (Isaija 35:5) Hi ddeċidiet li tattendi skola f’Bangalore biex titgħallem il-​lingwa tas-​sinjali. Hemmhekk setgħet taqsam it-​tama tas-​Saltna maʼ ħafna wħud li huma neqsin mis-​smigħ, u ġew ifformati gruppi taʼ l-​istudju tal-​Bibbja. Fi ftit ġimgħat, iktar minn tużżana minnhom bdew jiġu għal-​laqgħat fis-​Sala tas-​Saltna. Iktar tard, f’riċeviment taʼ tieġ, il-​pijuniera ltaqgħet maʼ żagħżugħ nieqes mis-​smigħ minn Calcutta li kellu ħafna mistoqsijiet u li wera interess kbir biex ikun jaf iktar dwar Ġeħova. Però, kien hemm problema. Iż-​żagħżugħ kellu jmur lura Calcutta, xi 1,600 kilometru ’l bogħod, biex jibda jattendi kulleġġ, u f’dan il-​post ma kienx hemm Xhieda li jafu l-​lingwa tas-​sinjali. Bi sforz kbir, hu kkonvinċa lil missieru biex minflok iħallih imur l-​iskola f’Bangalore ħalli jkompli l-​istudju tiegħu tal-​Bibbja. Hu għamel progress spiritwali kbir, u wara xi sena, iddedika ħajtu lil Ġeħova. Min-​naħa tiegħu, hu studja l-​Bibbja maʼ bosta individwi neqsin mis-​smigħ, inkluż ħabib li kien ilu jafu minn tfulitu. L-​uffiċċju tal-​fergħa taʼ l-​Indja issa qed jagħmel arranġamenti biex il-​pijunieri jitgħallmu l-​lingwa tas-​sinjali ħalli jgħinu f’dan il-​qasam.

      17. Semmi x’sibt partikolarment taʼ inkuraġġiment fir-​rapport tas-​sena taʼ servizz 2004 f’paġni 19 sa 22.

      17 F’paġni 19 sa 22 taʼ din ir-​rivista, se ssib ir-​rapport tas-​sena taʼ servizz 2004 taʼ l-​attività tax-​Xhieda taʼ Ġeħova madwar id-​dinja. Ħu ftit tal-​ħin biex teżaminah, u ara għalik innifsek l-​evidenza li l-​poplu taʼ Ġeħova madwar id-​dinja jinsab iffokat sew fuq li jsib il-​‘perla taʼ valur kbir’ illum.

      “Ibqgħu Fittxu l-​Ewwel is-​Saltna”

      18. Ġesù liema informazzjoni ma inkludiex fil-​parabbola tal-​merkant li jivvjaġġa, u għala?

      18 Jekk nerġgħu nduru lejn il-​parabbola taʼ Ġesù dwar il-​merkant li jivvjaġġa, ninnotaw li Ġesù ma qalx kif il-​merkant kien se jikseb l-​għajxien tiegħu wara li jkun biegħ kulma kellu. B’mod realistiku, xi wħud għandhom mnejn jistaqsu: ‘Il-​merkant kif kien se jsib x’jiekol, x’jilbes, u fejn joqgħod issa li ma kellu xejn fuqiex jistrieħ materjalment? X’kienet se tiswielu din il-​perla prezzjuża?’ Dawn il-​mistoqsijiet jidhru raġunevoli minn ħarsa fiżika. Imma mhux Ġesù kien li ħeġġeġ lid-​dixxipli tiegħu: “Mela, ibqgħu fittxu l-​ewwel is-​saltna u s-​sewwa tiegħu, u dawn l-​affarijiet l-​oħrajn kollha se jiżdidulkom”? (Mattew 6:​31-33) Il-​punt prinċipali tal-​parabbola huwa l-​bżonn li b’qalb sħiħa nuru devozzjoni lejn Alla u żelu għas-​Saltna. Hemm xi tagħlima għalina f’dan?

      19. Liema lezzjoni fundamentali nitgħallmu mill-​parabbola taʼ Ġesù dwar il-​perla taʼ valur kbir?

      19 Kemm jekk għadna kif tgħallimna dwar l-​aħbar tajba meraviljuża u kemm jekk ilna għexur taʼ snin infittxu s-​Saltna u ngħidu lil oħrajn dwar il-​barkiet tagħha, irridu nkomplu niffokaw l-​interessi u l-​attenzjoni tagħna fuq is-​Saltna. Dawn huma żminijiet diffiċli, imma għandna raġunijiet sodi għalxiex nemmnu li dak li qed infittxu huwa reali u ma jistaʼ jitqabbel maʼ xejn​—bħall-​perla li sab il-​merkant. Il-​ġrajjiet dinjin u l-​profeziji Bibliċi li twettqu jipprovdu prova konvinċenti li qed ngħixu fi “tmiem is-​sistema.” (Mattew 24:3) Ejja mela, bħall-​merkant li jivvjaġġa, nuru żelu b’qalb sħiħa għas-​Saltna t’Alla u nifirħu bil-​privileġġ li nipproklamaw l-​aħbar tajba.—Salm 9:​2, 3 (9:​1, 2, NW).

Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
Oħroġ
Illoggja
  • Malti
  • Ixxerja
  • Preferenzi
  • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
  • Kundizzjonijiet għall-Użu
  • Privacy Policy
  • Privacy Settings
  • JW.ORG
  • Illoggja
Ixxerja