Is-Saltna t’Alla—Qiegħed Int Tieħu s-Sens Tagħha?
“Dak imbagħad li nżeraʼ f’art tajba huwa dak li jismaʼ l-kelma u jifhimha [“jieħu s-sens tagħha,” NW].”—MATTEW 13:23.
1. Liema huwa xi twemmin komuni rigward ‘is-saltna tas-smewwiet’?
‘ĦADTU int is-sens’ taʼ x’inhi s-Saltna t’Alla? Kunċetti dwar ‘is-saltna tas-smewwiet’ varjaw bil-kbir matul is-sekli. Twemmin komuni fost xi membri tal-knejjes illum huwa li s-Saltna hija xi ħaġa li Alla jpoġġi ġol-qalb tal-persuna meta tikkonverti. Oħrajn iħossu li hija post fejn in-nies tajbin imorru wara l-mewt biex igawdu kuntentizza eterna. Jerġaʼ oħrajn isostnu li Alla ħalla f’idejn il-bnedmin biex iġibu s-Saltna fuq l-art bil-ħidma tagħhom biex inisslu tagħlim u prattiċi Kristjani fi kwistjonijiet soċjali u governattivi.
2. Il-Bibbja kif tispjega s-Saltna t’Alla, u din x’se twettaq?
2 Madankollu, il-Bibbja turi b’mod ċar li s-Saltna t’Alla m’hijiex istituzzjoni fuq l-art. La hija kundizzjoni tal-qalb u lanqas m’hija l-Kristjanizzar tas-soċjetà umana. Veru, fehma korretta taʼ x’inhi dis-Saltna twassal għal bidliet kbar fil-ħajjiet taʼ dawk li jeżerċitaw fidi fiha. Imma s-Saltna nfisha hija gvern tas-sema mwaqqaf b’mod divin li jwettaq ir-rieda t’Alla, billi jelimina l-effetti tad-dnub u l-mewt u jirrestawra kundizzjonijiet taʼ tjieba fuq l-art. Diġà dis-Saltna ħadet il-poter fis-sema, u dalwaqt “tfarrak u ttemm is-saltniet [umani] l-oħra kollha, waqt li hi tibqaʼ wieqfa għal dejjem.”—Danjel 2:44; Apokalissi 11:15; 12:10.
3. Meta Ġesù beda l-ministeru tiegħu, x’infetaħ għall-bnedmin?
3 Il-kittieb taʼ l-istorja H. G. Wells kiteb: “Did-duttrina tas-Saltna tas-Sema, li kienet it-tagħlim prinċipali taʼ Ġesù, u li tilgħab parti tant żgħira fil-kredijiet Kristjani, hija ċertament waħda mill-iktar duttrini revoluzzjonarji li qatt qanqlet u bidlet il-ħsieb uman.” Preċiż mill-bidu, it-tema tal-ministeru taʼ Ġesù kienet: “Indmu għax is-Saltna tas-Smewwiet waslet.” (Mattew 4:17) Hu kien hemm fuq ix-xena bħala Sultan midluk, u x’ferħ mill-akbar, il-mogħdija kienet issa qiegħda tinfetaħ għall-bnedmin mhux biss biex jieħdu sehem fil-barkiet taʼ dik is-Saltna imma wkoll biex ikunu mexxejja sħab u qassisin maʼ Ġesù f’dik is-Saltna!—Luqa 22:28-30; Apokalissi 1:6; 5:10.
4. Fl-ewwel seklu, il-kotriet tan-nies kif aġixxew għall-“Bxara t-tajba tas-Saltna,” li wassal għal liema ġudizzju?
4 Waqt li kotriet taʼ nies semgħu l-“Bxara t-tajba [eċċitanti] tas-Saltna,” ftit biss emmnu. Dan kien f’parti minħabba li l-mexxejja reliġjużi kienu ‘għalqu s-Saltna tas-Smewwiet għall-bnedmin.’ Huma ‘neħħew il-muftieħ taʼ l-għerf’ bit-tagħlim falz tagħhom. Minħabba li l-biċċa l-kbira tan-nies irrifjutaw lil Ġesù bħala l-Messija u s-Sultan midluk tas-Saltna t’Alla, Ġesù qalilhom: “[I]s-Saltna taʼ Alla tittieħed minn għandkom u tingħata lil ġens li jagħmel il-frott minnha.”—Mattew 4:23; 21:43; 23:13; Luqa 11:52.
5. Il-biċċa l-kbira taʼ dawk li semgħu t-tixbihat taʼ Ġesù kif urew li ma kinux semgħu b’fehma?
5 Meta kien qiegħed jgħallem folla kbira f’okkażjoni minnhom, Ġesù, skond id-drawwa tiegħu, uża serje taʼ tixbihat biex jittestja lill-folla u jnaqqi lil dawk li ma kellhomx għajr interess superfiċjali fis-Saltna. L-ewwel tixbieha kienet tinvolvi wieħed li jiżraʼ, li żeraʼ żerriegħa f’erbaʼ tipi taʼ ħamrija. L-ewwel tliet tipi ma kinux favorevoli għat-tkabbir tal-pjanti, imma l-aħħar waħda kienet “art tajba” li pproduċiet frott tajjeb. It-tixbieha qasira ntemmet bl-eżortazzjoni: “Min għandu widnejh, ħa jismaʼ!” (Mattew 13:1-9) Il-biċċa l-kbira minn dawk preżenti semgħuh, imma ma ‘tawx widen.’ Ma kellhom ebda motivazzjoni, ebda interess reali f’li jkunu jafu kif żerriegħa miżrugħa taħt kundizzjonijiet li jvarjaw kienet bħas-Saltna tas-smewwiet. Marru lura lejn id-dar għall-ħajjiet tagħhom taʼ kuljum, billi x’aktarx ħasbu li t-tixbihat taʼ Ġesù ma kinux għajr stejjer tajbin b’temi morali. X’rikkezza taʼ fehma u xi privileġġi u opportunitajiet grandjużi tilfu minħabba li qlubhom ma kinux risponsivi!
6. Fehma tal-“misteri tas-saltna” għala ngħatat biss lid-dixxipli taʼ Ġesù?
6 Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Lilkom ingħata li tagħarfu l-misteri tas-Saltna tas-Smewwiet; iżda lilhom dan ma kienx mogħti.” Billi kkwota lil Isaija, żied: “‘Għax il-qalb taʼ dan il-poplu twebbset; kienu tqal biex jisimgħu b’widnejhom, u għalqu għajnejhom, li ma jmorrux jaraw b’għajnejhom, u jisimgħu b’widnejhom u jifhmu b’moħħhom, u hekk ibiddlu ħajjiethom u jiena nfejjaqhom.’ Intom, iżda, henjin għajnejkom, għax qegħdin jaraw; henjin widnejkom, għax qegħdin jisimgħu.”—Mattew 13:10-16; Mark 4:11-13.
‘Nieħdu S-Sens’ Tas-Saltna
7. Għala huwa importanti li ‘tieħu s-sens’ tas-Saltna?
7 Ġesù wera x’kienet il-problema. Kellha x’taqsam maʼ li wieħed “jieħu s-sens” tal-messaġġ tas-Saltna. Lid-dixxipli tiegħu qalilhom privatament: “Mela isimgħuha intom il-parabbola taʼ dak li ħareġ jiżraʼ. Kull min jismaʼ l-kelma tas-Saltna u ma jifhimhiex [“ma jiħux is-sens tagħha,” “NW”], jersaq il-Ħażin u jisraqlu dak li jkun inżeraʼ f’qalbu.” Issokta jispjega li l-erbaʼ tipi taʼ ħamrija kienu jirrappreżentaw diversi kundizzjonijiet tal-qalb li fihom “il-kelma tas-Saltna” kellha tinżeraʼ.—Mattew 13:18-23; Luqa 8:9-15.
8. X’żamm liż-“żerriegħa” miżrugħa fl-ewwel tliet tipi taʼ ħamrija milli tipproduċi l-frott?
8 Iż-“żerriegħa” kienet tajba f’kull każ, imma l-frott kellu jiddependi fuq il-kundizzjoni tal-ħamrija. Jekk il-ħamrija tal-qalb kienet bħal triq traffikuża, imballata, imwebbsa b’ħafna attivitajiet mhux spiritwali, ikun faċli għal min jismaʼ l-messaġġ tas-Saltna li jiskuża lilu nnifsu, billi jgħid li ma kienx hemm ħin għas-Saltna. Iż-żerriegħa ttraskurata setgħet faċilment tinħataf qabel ma setgħet trabbi l-għeruq. Imma xi ngħidu jekk iż-żerriegħa nżergħet f’qalb li tixbah ħamrija bil-blat? Iż-żerriegħa tistaʼ tinbet, imma kien se jkollha diffikultà f’li tniżżel l-għeruq tagħha ’l isfel għal nutriment u stabbiltà. Il-prospett li wieħed ikun qaddej ubbidjent t’Alla, partikolarment fis-saħna tal-persekuzzjoni, kien se jippreżenta sfida tremenda, u l-individwu kien se jitfixkel. U jerġaʼ, jekk il-ħamrija tal-qalb kienet tant mimlija b’anzjetajiet bħal xewk jew bix-xewqa materjalistika għal rikkezzi, il-pjanta dgħajfa tas-Saltna kienet se tiġi maħnuqa. F’dawn it-tliet sitwazzjonijiet tipiċi fil-ħajja, l-ebda frott tas-Saltna ma kellu jiġi prodott.
9. Iż-żerriegħa miżrugħa f’ħamrija tajba għala kienet kapaċi tipproduċi l-frott?
9 Madankollu, xi ngħidu dwar iż-żerriegħa tas-Saltna miżrugħa f’ħamrija tajba? Ġesù jwieġeb: “Dak imbagħad li nżeraʼ f’art tajba huwa dak li jismaʼ l-kelma u jifhimha [“jieħu s-sens tagħha,” “NW”]; u tassew hu jagħmel il-frott: dan jagħmel mija, dak sittin, u l-ieħor tletin.” (Mattew 13:23) F’li ‘jieħdu s-sens’ tas-Saltna, huma kellhom jipproduċu frott tajjeb skond iċ-ċirkostanzi individwali tagħhom.
Ir-Responsabbiltà Tiġi Mal-Fehma
10. (a) Ġesù kif wera illi li ‘tieħu s-sens’ tas-Saltna jġib kemm barkiet u kemm responsabbiltà? (b) L-inkarigu taʼ Ġesù biex imorru u jagħmlu dixxipli kien japplika biss għad-dixxipli taʼ l-ewwel seklu?
10 Wara li ta sitt tixbihat oħrajn biex jispjega diversi aspetti tas-Saltna, Ġesù staqsa lid-dixxipli tiegħu: “Kollu fhimtuh dan?” Meta wieġbu “iva,” hu qal: “Għalhekk kull kittieb imgħallem tal-liġi li jkun sar dixxiplu tas-Saltna tas-Smewwiet jixbah lil wieħed sid li, mill-ħażna tiegħu, joħroġ sew il-ġdid u sew il-qadim.” It-tagħlim u t-taħriġ ipprovduti minn Ġesù kellhom jibnu lid-dixxipli tiegħu fi Kristjani maturi li setgħu joħorġu mill-‘maħżen’ tagħhom provista bla tmiem taʼ ikel spiritwali għani. Ħafna minn dan kien relatat mas-Saltna t’Alla. Ġesù għamilha ċara illi ‘li tieħu s-sens’ tas-Saltna kellu jġib mhux biss barkiet imma wkoll responsabbiltà. Hu kkmanda: “Morru, mela, agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha, . . . għallmuhom iħarsu dak kollu li ordnajtilkom jien. U ara, jiena magħkom dejjem, sa l-aħħar taż-żmien.”—Mattew 13:51, 52; 28:19, 20.
11. Meta waslet l-1914, liema ġrajjiet relatati mas-Saltna seħħew?
11 Bħalma kien imwiegħed, Ġesù kompla jkun mal-veri dixxipli tiegħu matul is-sekli sal-lum. F’dawn l-aħħar jiem, b’mod progressiv tahom fehma, u żammhom ukoll responsabbli għall-użu tad-dawl taʼ verità li qiegħed jiżdied. (Luqa 19:11-15, 26) Fl-1914, ġrajjiet tas-Saltna bdew jiżvelaw ruħhom malajr u drammatikament. F’dik is-sena, mhux biss seħħ it-“twelid” tas-Saltna ttamata minn tant żmien ilu imma bdiet il-“konklużjoni tas-sistema t’affarijiet.” (Apokalissi 11:15; 12:5, 10; Danjel 7:13, 14, 27) Kristjani veri, billi għarfu t-tifsir taʼ ġrajjiet kurrenti, ikkonduċew l-akbar kampanja taʼ ppridkar u tagħlim tas-Saltna fl-istorja. Ġesù bassar dan, billi qal: “Din il-Bxara t-tajba tas-Saltna tixxandar fid-dinja kollha, biex il-ġnus kollha jkollhom xhieda. Imbagħad jiġi t-tmiem.”—Mattew 24:14.
12. (a) X’kien ir-riżultat tax-xiehda estensiva għas-Saltna fiż-żmien modern? (b) F’did-dinja dubjuża, liema periklu hemm għall-Kristjani?
12 Din ix-xiehda vasta tas-Saltna laħqet f’iktar minn 230 pajjiż. Diġà, ’il fuq minn ħames miljun dixxiplu veru qegħdin jieħdu sehem f’dan ix-xogħol, u jerġaʼ oħrajn qegħdin jinġabru. Imma jekk inqabblu l-għadd taʼ dixxipli mal-5.6 biljun abitant taʼ l-art, huwa evidenti li bħal fi żmien Ġesù, il-maġġoranza vasta tal-bnedmin m’humiex ‘jieħdu s-sens’ tas-Saltna. Ħafna, bħalma kien imbassar, jirredikolaw u jgħidu: “Fejn hi l-wegħda tal-miġja tiegħu?” (2 Pietru 3:3, 4) Il-periklu għalina bħala Kristjani huwa li l-attitudni indifferenti, dubjuża, materjalistika tagħhom tistaʼ gradwalment teffettwa l-mod kif aħna nqisu l-privileġġi tagħna tas-Saltna. Imdawrin b’nies taʼ did-dinja, nistgħu faċilment nibdew nadottaw xi ftit mill-attitudnijiet u l-prattiċi tagħhom. Kemm huwa vitali li ‘nieħdu s-sens’ tas-Saltna t’Alla u nżommu sod magħha!
Neżaminaw Lilna Nfusna F’Relazzjoni Mas-Saltna
13. Rigward l-inkarigu biex nippridkaw l-aħbar tajba tas-Saltna, kif nistgħu nittestjaw jekk aħniex inkomplu ‘nisimgħu’ b’dixxerniment?
13 Ġesù qal dwar il-perijodu tal-ħsad li ngħixu fih: “Bin il-Bniedem jibgħat l-anġli tiegħu u huma jiġbru barra mis-Saltna tiegħu kull ma jġib it-tfixkil u kull min jagħmel il-ħażen, . . . Imbagħad il-ġusti jsiru jiddu bħax-xemx fis-Saltna taʼ Missierhom. Min għandu widnejh, ħa jismaʼ!” (Mattew 13:41, 43) Qiegħed int tkompli ‘tismaʼ’ b’rispons ubbidjent il-kmand biex tippriedka s-Saltna u tagħmel dixxipli? Ftakar, dak “li nżeraʼ f’art tajba” ‘semaʼ l-kelma u ħa s-sens tagħha’ u pproduċa frott tajjeb.—Mattew 13:23.
14. Meta tingħata istruzzjoni, kif nuru li aħna ‘nieħdu s-sens’ tal-pariri mogħtijin?
14 Meta nkunu qegħdin nagħmlu studju persunali u nattendu għal-laqgħat Kristjani, irridu ‘nħallu lil moħħna jifhem sewwa.’ (Proverbi 2:1-4) Meta jingħataw pariri rigward kondotta, ilbies, mużika, u divertiment, irridu nħalluhom jinżlu fil-fond taʼ qlubna u jqanqluna biex nagħmlu kwalunkwe aġġustamenti meħtieġa. Qatt m’għandek tirraġuna ħażin, iġġib skużi, jew b’xi mod tonqos li taġixxi. Jekk is-Saltna hija reali fil-ħajjiet tagħna, se ngħixu fi qbil mal-livelli tagħha u b’mod żeluż nipproklamawha lil oħrajn. Ġesù qal: “Mhux kull min igħidli, ‘Mulej, Mulej,’ jidħol fis-Saltna tas-Smewwiet, iżda min jagħmel ir-rieda taʼ Missieri li hu fis-smewwiet!”—Mattew 7:21-23.
15. Għala huwa importanti li ‘nfittxu l-ewwel is-saltna u l-ġustizzja t’Alla’?
15 It-tendenza umana hija li tkun anzjuż dwar bżonnijiet taʼ ikel, ilbies, u kenn, imma Ġesù qal: “Mela fittxu l-ewwel is-Saltna u l-ġustizzja tiegħu [t’Alla], u dan kollu jingħatalkom ukoll.” (Mattew 6:33, 34) F’li tistabbilixxi prijoritajiet, poġġi s-Saltna l-ewwel f’ħajtek. Żomm ħajtek sempliċi, billi tkun sodisfatt bin-neċessitajiet. Tkun bluha li nimlew ħajjietna b’attivitajiet u akkwisti mhux essenzjali, forsi billi nirraġunaw illi li nagħmlu hekk huwa aċċettabbli, ladarba dawn l-affarijiet m’humiex neċessarjament ħżiena fihom infushom. Fil-waqt li dak għandu mnejn li huwa veru, l-akkwistar u l-użu t’affarijiet mhux essenzjali bħal dawn x’se jagħmlilha lill-iskeda tagħna għal studju persunali, attendenza għal-laqgħat Kristjani, u parteċipazzjoni fix-xogħol taʼ ppridkar? Ġesù qal li s-Saltna hija bħal merkant li sab “ġawhra [waħda] tiswa ħafna, [u] mar biegħ kull ma kellu u xtara lilha.” (Mattew 13:45, 46) Hekk għandna nħossuna dwar is-Saltna t’Alla. Għandna nimitaw lil Pawlu mhux lil Demas, li abbanduna l-ministeru ‘għax ħabb lis-sistema preżenti t’affarijiet.’—2 Timotju 4:10, 18; Mattew 19:23, 24; Filippin 3:7, 8, 13, 14; 1 Timotju 6:9, 10, 17-19.
“L-Inġusti Ma Jirtuhiex Is-Saltna Taʼ Alla”
16. Li ‘nieħdu s-sens’ tas-Saltna t’Alla kif se jgħinna nevitaw kondotta żbaljata?
16 Meta l-kongregazzjoni taʼ Korintu kienet qiegħda tittollera l-immoralità, Pawlu qal frankament: “Ma tafux li l-inġusti ma jirtuhiex is-saltna taʼ Alla? La titqarrqux! La żienja, la idolatri, la adulteri, la effeminati, la omosesswali, la ħallelin, la rgħiba, la skaren, la qassiesa fuq in-nies, la ħattafa, ma jirtu s-saltna taʼ Alla!” (1 Korintin 6:9, 10) Jekk aħna ‘nieħdu s-sens’ tas-Saltna t’Alla, ma nqarrqux bina nfusna billi naħsbu li Jehovah se jittollera xi għamla taʼ immoralità dment li jarana nħabirku f’servizz Kristjan. Nuqqas taʼ ndafa m’għandu lanqas biss jissemma fostna. (Efesin 5:3-5) Qiegħed int tintebaħ li xi ftit mill-ħsieb jew prattiċi maħmuġin taʼ did-dinja qegħdin jibdew jidħlu bil-mod il-mod f’ħajtek? Aqtagħhom minn ħajtek immedjatament! Is-Saltna hija bil-wisq iżjed prezzjuża biex titlifha minħabba affarijiet bħal dawn.—Mark 9:47.
17. Apprezzament għas-Saltna t’Alla b’liema modi se jippromwovi l-umiltà u jneħħi kaġunijiet taʼ tfixkil?
17 Id-dixxipli taʼ Ġesù staqsew: “Mela min hu l-akbar fis-Saltna tas-Smewwiet?” Ġesù wieġeb billi poġġa tifel żgħir f’nofshom u qal: “Tassew ngħidilkom, li jekk intom ma terġgħux issiru bħat-tfal iż-żgħar, żgur li ma tidħlux fis-Saltna tas-Smewwiet. U għalhekk l-ikbar wieħed fis-Saltna tas-Smewwiet huwa dak li jċekken lilu nnifsu bħal dan it-tfajjel żgħir.” (Mattew 18:1-6) L-imkabbrin, il-prepotenti, l-indifferenti, u dawk li jiksru l-liġi m’humiex se jkunu fis-Saltna t’Alla, lanqas m’huma se jkunu sudditi tas-Saltna. Iqanqluk l-imħabba tiegħek għal ħutek, l-umiltà tiegħek, il-biżaʼ tiegħek minn Alla, biex tevita li tfixkel lil oħrajn bil-kondotta tiegħek? Jew tinsisti int fuq id-“drittijiet” tiegħek minkejja kif din l-attitudni u l-kondotta jistgħu jeffettwaw lil oħrajn?—Rumani 14:13, 17.
18. X’se jirriżulta għall-umanità ubbidjenti meta s-Saltna t’Alla tikkaġuna r-rieda Tiegħu li sseħħ “kif fis-sema, hekka fl-art”?
18 Missierna tas-sema, Jehovah, dalwaqt se jwieġeb bis-sħiħ it-talba ferventi: “Tiġi saltnatek, ikun li trid int, kif fis-sema, hekka fl-art.” Fil-viċin ħafna s-Sultan renjanti, Ġesù Kristu, se jiġi fis-sens taʼ li joqgħod bil-qiegħda fuq it-tron tiegħu għall-ġudizzju, biex jissepara lin-“ngħaġ” mill-“mogħoż.” F’dak iż-żmien maħtur, “is-Sultan igħid lil dawk taʼ fuq il-lemin tiegħu, ‘Ejjew, imberkin minn Missieri, ħudu b’wirt tagħkom is-Saltna li thejjiet għalikom sa mill-ħolqien tad-dinja.’” Il-mogħoż “imorru fit-tbatija [“qtugħ,” NW] taʼ dejjem u l-ġusti fil-ħajja taʼ dejjem.” (Mattew 6:10; 25:31-34, 46) It-“tribulazzjoni l-kbira” se tneħħi min-nofs lis-sistema qadima u lil dawk kollha li jirrifjutaw li ‘jieħdu s-sens’ tas-Saltna. Imma l-miljuni taʼ wħud li jibqgħu ħajjin fit-“tribulazzjoni l-kbira” u l-biljuni li se jiġu rxoxtati se jirtu barkiet tas-Saltna bla tmiem fil-Ġenna taʼ l-art irrestawrata. (Rivelazzjoni 7:14, NW) Is-Saltna hija l-gvern ġdid taʼ l-art, li jaħkem mis-smewwiet. Se twettaq sa l-aħħar l-iskop taʼ Jehovah għall-art u għall-umanità, kollox għat-taqdis taʼ l-isem l-iktar qaddis tiegħu. M’huwiex dak wirt li tassew denju li taħdem għalih, li tissagrifika għalih, u li tistennih? Dan huwa dak li għandu jfisser għalina li ‘nieħdu s-sens’ tas-Saltna! (w96 2/1)
Kif Twieġeb Int?
◻ X’inhi s-Saltna t’Alla?
◻ Il-biċċa l-kbira mis-semmiegħa taʼ Ġesù għala ma ‘ħadux i-sens’ tas-Saltna?
◻ Li ‘tieħu s-sens’ tas-Saltna kif iġib kemm barkiet u kemm responsabbiltà?
◻ Rigward l-ippridkar, x’jindika jekk ‘ħadniex is-sens’ tas-Saltna?
◻ Kif nuru bil-kondotta tagħna li ‘ħadna s-sens’ tal-pariri mogħtijin?
[Stampi f’paġna 23]
Id-dixxipli taʼ Ġesù ‘ħadu s-sens’ tas-Saltna u pproduċew frott tajjeb