-
“Kun Segwaċi Tiegħi”—X’Ried Ifisser Ġesù?“Ejja Kun Segwaċi Tiegħi”
-
-
KAPITLU 1
“Kun Segwaċi Tiegħi”—X’Ried Ifisser Ġesù?
“Xi rrid nagħmel biex niret il-ħajja taʼ dejjem?”
1, 2. Liema hi l-aqwa stedina li bniedem jista’ jirċievi, u liema mistoqsija nistgħu nistaqsu lilna nfusna?
LIEMA hi l-aqwa stedina li qatt irċivejt? Għandek mnejn taħseb fi żmien meta ġejt mistieden tattendi xi okkażjoni speċjali, forsi xi tieġ taʼ żewġ persuni li huma għeżież ħafna għalik. Jew forsi tiftakar f’dak il-jum li ġejt mistieden taċċetta xi biċċa xogħol importanti. Jekk ġieli rċivejt stediniet bħal dawn, bla dubju kont ferħan ħafna, saħansitra onorat, li tirċivihom. Però, il-verità hi li int irċivejt stedina li hija ferm aqwa minn dawn kollha. Ilkoll kemm aħna rċivejnieha. U l-mod kif nagħżlu li nwieġbu għal din l-istedina jeffettwana bil-kbir. Hija l-iktar għażla importanti li se nagħmlu f’ħajjitna.
2 X’inhi din l-istedina? Din ġejja mingħand Ġesù Kristu, l-Iben uniġenitu taʼ Ġeħova, l-Alla li Jista’ Kollox, u hija mniżżla fil-Bibbja. F’Marku 10:21 naqraw il-kliem taʼ Ġesù: “Ejja kun segwaċi tiegħi.” Ġesù kien fil-fatt qed jagħmel din l-istedina lil kull wieħed u waħda minna. Nagħmlu tajjeb jekk nistaqsu lilna nfusna, ‘Jien kif se nwieġeb?’ It-tweġiba forsi tidher ovvja għalik. Min se jgħaddilu minn moħħu li jirrifjuta stedina meraviljuża bħal din? Ħaġa taʼ l-iskantament hi li l-biċċa l-kbira min-nies jirrifjutawha. Għala?
3, 4. (a) Liema affarijiet, li jistgħu jqanqlu l-għira, kellu r-raġel li avviċina lil Ġesù biex jistaqsi dwar il-ħajja taʼ dejjem? (b) Liema kwalitajiet tajbin għandu mnejn ra Ġesù fil-ħakkiem żagħżugħ u għani?
3 Bħala eżempju, ikkunsidra raġel li rċieva din l-istedina direttament mingħand Ġesù xi 2,000 sena ilu. Dan kien raġel rispettat ħafna. Kellu minn taʼ l-inqas tliet affarijiet li l-bnedmin x’aktarx jikkunsidraw bħala li huma mixtiqin, saħansitra taʼ min jgħir għalihom—iż-żgħożija, l-għana, u l-awtorità. Ir-rakkont Bibliku jiddeskrivih bħala “żagħżugħ,” bħala li kien “għani ħafna,” u bħala “ħakkiem.” (Mattew 19:20; Luqa 18:18, 23) Madankollu, kien hemm xi ħaġa iktar importanti dwar dan iż-żagħżugħ. Hu kien sema’ dwar l-Għalliem il-Kbir, Ġesù, u dak li sema’ għoġbu.
4 Il-biċċa l-kbira mill-ħakkiema f’dak iż-żmien naqsu milli jagħtu lil Ġesù r-rispett li kien jistħoqqlu. (Ġwanni 7:48; 12:42) Imma dan il-ħakkiem aġixxa b’mod differenti. Il-Bibbja tgħidilna: “[Ġesù] hu u sejjer fi triqtu ġie jiġri lejh wieħed raġel li niżel għarkopptejh quddiemu u staqsieh: ‘Għalliem Tajjeb, xi rrid nagħmel biex niret il-ħajja taʼ dejjem?’” (Marku 10:17) Innota kemm kien ħerqan dan ir-raġel biex ikellem lil Ġesù. Hu telaq jiġri lejh fil-pubbliku, bħalma forsi għamlu l-foqra u dawk taʼ klassi baxxa fis-soċjetà. Iżjed minn hekk, b’rispett niżel għarkopptejh quddiem Kristu. Għalhekk, hu kien xi ftit jew wisq umli u kien konxju tal-bżonn spiritwali tiegħu. Ġesù kien jgħożżhom kwalitajiet tajbin bħal dawn. (Mattew 5:3; 18:4) Mela mhux taʼ b’xejn li “Ġesù ħares lejh [u] ħass imħabba għalih.” (Marku 10:21) Ġesù kif wieġeb il-mistoqsija taż-żagħżugħ?
Stedina bla Paragun
5. Ġesù kif wieġbu liż-żagħżugħ għani, u kif nafu li l-faqar ma kienx il-“ħaġa waħda” li kien jonqsu? (Ara wkoll in-nota taʼ taħt.)
5 Ġesù wera li Missieru kien diġà pprovda informazzjoni rigward il-mistoqsija vitali dwar kif wieħed jikseb il-ħajja taʼ dejjem. Hu rrefera għall-Iskrittura, u ż-żagħżugħ stqarr li hu kien lealment qed jobdi l-Liġi Mosajka. Madankollu, Ġesù, bid-dehen straordinarju tiegħu, ra xi ħaġa moħbija fil-fond taʼ qalb iż-żagħżugħ. (Ġwanni 2:25) Hu ra li dan il-ħakkiem kellu problema spiritwali—problema serja. Għalhekk, Ġesù qallu: “Ħaġa waħda jonqsok.” X’kienet din il-“ħaġa waħda”? Ġesù qallu: “Mur, bigħ dak li għandek u agħti lill-foqra.” (Marku 10:21) Ried ifisser Ġesù li individwu jrid ikun fqir biex jaqdi lil Alla? Le.a Kristu kien qed jirrivela xi ħaġa li kellha importanza kbira.
6. Ġesù liema stedina għamel, u t-tweġiba tal-ħakkiem żagħżugħ u għani xi rrivelat dwar qalbu?
6 Biex juri x’kien hemm nieqes, Ġesù offra lir-raġel opportunità meraviljuża: “Ejja kun segwaċi tiegħi.” Immaġina ftit—l-Iben taʼ l-Alla l-Iktar Għoli stieden lil dan ir-raġel, wiċċ imbwiċċ, biex isegwih! Ġesù wiegħdu wkoll premju li lanqas biss seta’ jimmaġina. Hu qallu: “Ikollok teżor fis-sema.” Il-ħakkiem żagħżugħ u għani ħatafha din l-opportunità, din l-istedina meraviljuża? Ir-rakkont jgħid: “Hu sewwed qalbu għal dan il-kliem u telaq imnikket, għax kellu ħafna ġid.” (Marku 10:21, 22) Għalhekk, il-kliem mhux mistenni taʼ Ġesù rrivela problema f’qalb dan ir-raġel. Hu kien marbut wisq mal-ġid tiegħu u, bla dubju, maʼ l-awtorità u l-prestiġju li dan ġablu. B’dispjaċir, l-imħabba tiegħu għal dawn l-affarijiet kienet bil-wisq akbar minn kwalunkwe mħabba li kellu għal Kristu. Għalhekk, il-“ħaġa waħda” li kien jonqsu kienet l-imħabba b’qalb sħiħa u bla egoiżmu għal Ġesù u Ġeħova. Minħabba li ż-żagħżugħ ma kellux din l-imħabba, hu rrifjuta din l-istedina bla paragun! Però, dan kif japplika għalik?
7. Għala nistgħu nkunu ċerti li l-istedina taʼ Ġesù tinkludi lilna llum?
7 L-istedina taʼ Ġesù ma kinitx biss għal dan ir-raġel; lanqas ma kienet għal numru żgħir taʼ nies biss. Ġesù qal: “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, ħa . . . jibqa’ miexi warajja.” (Luqa 9:23) Innota li kulħadd jista’ jkun segwaċi taʼ Kristu jekk verament “irid.” Alla jressaq lil dawn l-uħud taʼ qalb onesta lejn Ibnu. (Ġwanni 6:44) Mhux biss l-għonja, mhux biss il-foqra, mhux biss dawk taʼ ċerta razza jew ġens, u mhux biss dawk li kienu ħajjin matul dak il-perijodu taʼ żmien imma kulħadd għandu l-opportunità li jaċċetta l-istedina taʼ Ġesù. Għalhekk, il-kliem taʼ Ġesù “Ejja kun segwaċi tiegħi” verament japplika għalik. Għala għandek tkun trid issegwi lil Kristu? U dan x’jinvolvi eżattament?
-
-
“Kun Segwaċi Tiegħi”—X’Ried Ifisser Ġesù?“Ejja Kun Segwaċi Tiegħi”
-
-
a Ġesù ma talabx lil dawk kollha li segwewh biex iħallu ġidhom kollu warajhom. U għalkemm huwa minnu li kkummenta dwar kemm hu diffiċli li bniedem għani jidħol fis-Saltna t’Alla, hu żied jgħid: “Kollox hu possibbli għal Alla.” (Marku 10:23, 27) Fil-fatt, xi wħud li kienu għonja saru segwaċi taʼ Kristu. Huma rċivew pariri speċifiċi fil-kongregazzjoni Kristjana, imma ma ġewx mitlubin jagħtu l-għana kollu tagħhom lill-foqra.—1 Timotju 6:17.
-