Nagħtu Lura l-Affarijiet taʼ Ċesri lil Ċesri
“Agħtu lil kulħadd dak li ħaqqu.”—RUMANI 13:7.
1, 2. (a) Skond Ġesù, il-Kristjani kif għandhom jibbilanċjaw l-obbligi tagħhom lejn Alla u lejn Ċesri? (b) Liema hi l-ewwel ħaġa li tikkonċerna lix-Xhieda taʼ Jehovah?
SKOND Ġesù, hemm affarijiet li aħna obbligati nagħtu lil Alla u affarijiet li obbligati nagħtu lil Ċesri, jew l-Istat. Ġesù qal: “Agħtu lil Ċesari dak li hu taʼ Ċesari, u lil Alla dak li hu taʼ Alla.” B’dan il-ftit kliem, hu ħawwad lill-għedewwa tiegħu u ġabar fil-qosor l-attitudni bbilanċjata li aħna għandna jkollna fir-relazzjoni tagħna m’Alla u fil-kuntatti tagħna maʼ l-Istat. Mhux taʼ b’xejn li s-semmiegħa tiegħu “stagħġbu ħafna bih”!—Mark 12:17.
2 M’għandniex xi ngħidu, l-ewwel ħaġa li l-qaddejja t’Alla jikkonċernaw ruħhom dwarha hi li jagħtu lura l-affarijiet t’Alla lil Alla. (Salm 116:12-14) Waqt li jagħmlu dan, madankollu, huma ma jinsewx li Ġesù qal li jridu jagħtu ċerti affarijiet lil Ċesri. Il-kuxjenzi tagħhom imħarrġin fuq il-Bibbja jirrikjedu li huma jikkunsidraw bit-talb sa liema punt jistgħu jagħtu lura dak li Ċesri jitlob minnhom. (Rumani 13:7) Fi żminijiet moderni, ħafna nies legali rrikonoxxew li l-poter governattiv għandu l-limiti u li n-nies u l-gvernijiet kullimkien huma marbutin bil-liġi naturali.
3, 4. Liema kummenti interessanti saru dwar il-liġi naturali, il-liġi rrivelata, u l-liġi umana?
3 L-appostlu Pawlu rrefera għal din il-liġi naturali meta kiteb dwar nies tad-dinja: “Dak li wieħed jistaʼ jagħraf minn Alla kien, iva, irrivelat: Alla stess urihulhom. Il-kobor tiegħu li ma jidhirx, jiġifieri s-setgħa tiegħu taʼ dejjem, u d-divinità tiegħu, huma setgħu jagħarfuh sa mill-ħolqien tad-dinja, permezz tal-ħlejjaq, u għalhekk ma għandhom ebda skuża.” Jekk huma jwieġbu għaliha, il-liġi naturali saħansitra tqanqal il-kuxjenzi taʼ dawn in-nies li ma jemmnux. B’hekk, Pawlu kompla qal: “Meta l-ġnus, li ma għandhomx il-liġi, jagħmlu bl-istint naturali tagħhom dawk l-opri li titlob il-liġi, huma jkunu liġi għalihom infushom. Dawn juru b’egħmilhom li l-preċetti tal-liġi huma miktuba f’qalbhom, u dan tixhdu wkoll il-kuxjenza u r-raġuni tagħhom.”—Rumani 1:19, 20; 2:14, 15.
4 Fis-seklu 18, l-imħallef magħruf Ingliż William Blackstone kiteb: “Din il-liġi tan-natura [liġi naturali], billi hija koevali maʼ [taʼ l-istess żmien daqs] l-umanità u ddettata minn Alla nnifsu, hija m’għandniex xi ngħidu superjuri fl-obbligu għal kwalunkwe oħra. Din torbot fuq il-globu kollu, fil-pajjiżi kollha, u fiż-żminijiet kollha: l-ebda liġijiet umani m’huma validi, jekk imorru kuntrarju għal din.” Blackstone issokta jitkellem dwar “liġi rrivelata,” kif misjuba fil-Bibbja, u kkummenta: “Fuq dawn iż-żewġ pedamenti, il-liġi tan-natura u l-liġi tar-rivelazzjoni, jiddependu l-liġijiet umani kollha; dan ifisser li l-ebda liġijiet umani m’għandhom jitħallew jikkontradixxu lil dawn.” Dan hu f’armonija maʼ dak li Ġesù qal dwar Alla u Ċesri, kif miktub f’Mark 12:17. Biċ-ċar, hemm oqsma fejn Alla jillimita dak li Ċesri jistaʼ jirrikjedi minn Kristjan. Is-Sinedriju żvija eżatt għal ġo qasam bħal dan meta kkmanda lill-appostli biex jieqfu jippridkaw dwar Ġesù. Għalhekk, l-appostli wieġbu b’mod korrett: “Jeħtieġ nobdu aktar lil Alla milli ’il-bnedmin.”—Atti 5:28, 29.
“Dak Li Hu Taʼ Alla”
5, 6. (a) Minħabba t-twelid tas-Saltna fl-1914, il-Kristjani x’għandhom iżommu iktar sewwa f’moħħhom? (b) Kristjan kif jagħti evidenza li hu ministru?
5 Speċjalment mill-1914 ’l hawn, meta Alla Jehovah, Dak li Jistaʼ Kollox, beda jaħkem bħala sultan permezz tas-Saltna Messjanika taʼ Kristu, il-Kristjani riedu jkunu żguri li ma jagħtux l-affarijiet t’Alla lil Ċesri. (Apokalissi 11:15, 17) Iktar minn qatt qabel, il-liġi t’Alla timponi fuq il-Kristjani li ma jkunu ‘ebda parti mid-dinja.’ (Ġwann 17:16) Billi huma ddedikati lil Alla, Dak li jagħtihom il-ħajja, huma jridu juru b’mod ċar li m’għadhomx jappartjenu lilhom infushom. (Salm 100:2, 3) Bħalma kiteb Pawlu, “aħna tal-Mulej.” (Rumani 14:8) Iktar minn hekk, mal-magħmudija taʼ Kristjan, hu jiġi maħtur bħala ministru t’Alla, sabiex b’hekk jistaʼ jgħid maʼ Pawlu: “Alla . . . tana l-ħila li nkunu ministri.”—2 Korintin 3:5, 6.
6 L-appostlu Pawlu kiteb ukoll: “Nagħmel ġieh lill-ministeru tiegħi.” (Rumani 11:13) Ċertament aħna għandna nagħmlu l-istess. Kemm jekk nieħdu sehem fil-ministeru full-time jew part-time, aħna nżommu f’moħħna li Jehovah innifsu inkarigana fil-ministeru tagħna. (2 Korintin 2:17) Ladarba xi wħud għandhom mnejn jisfidaw il-pożizzjoni tagħna, kull Kristjan iddedikat u mgħammed irid ikun lest li jipproduċi prova ċara u pożittiva li hu verament ministru taʼ l-aħbar tajba. (1 Pietru 3:15) Il-ministeru tiegħu għandu wkoll ikun evidenti fil-kondotta tiegħu. Bħala ministru t’Alla, Kristjan għandu jirrikmanda u jipprattika morali ndaf, jappoġġja l-unità tal-familja, ikun onest, u juri rispett għal-liġi u l-ordni. (Rumani 12:17, 18; 1 Tessalonkin 5:15) Ir-relazzjoni taʼ Kristjan m’Alla u l-ministeru assenjat lilu divinament huma l-iktar affarijiet importanti fil-ħajja tiegħu. Ma jistax jabbandunahom għall-kmand taʼ Ċesri. Biċ-ċar, għandhom jitqiesu bħala “dak li hu taʼ Alla.”
“Dak Li Hu Taʼ Ċesari”
7. X’inhi r-reputazzjoni tax-Xhieda taʼ Jehovah rigward il-ħlas tat-taxxi?
7 Ix-Xhieda taʼ Jehovah jafu li obbligati ‘jobdu lill-awtorità taʼ fuqhom,’ il-ħakkiema governattivi. (Rumani 13:1) Għalhekk, meta Ċesri, l-Istat, jagħmel talbiet leġittimi, il-kuxjenzi tagħhom imħarrġin fuq il-Bibbja jippermettulhom li jissodisfaw dawn it-talbiet. Per eżempju, Kristjani veri huma fost l-iktar nies eżemplari fuq l-art f’li jħallsu t-taxxa. Fil-Ġermanja l-gazzetta Münchner Merkur qalet dwar ix-Xhieda taʼ Jehovah: “Huma l-iktar onesti u l-iktar puntwali fost dawk li jħallsu t-taxxi fir-Repubblika Federali.” Fl-Italja l-gazzetta La Stampa osservat: “[Ix-Xhieda taʼ Jehovah] huma l-iktar ċittadini leali li wieħed jistaʼ jixtieq li jkollu: ma jaħarbux it-taxxi jew ifittxu li jevadu liġijiet inkonvenjenti għall-profitt tagħhom stess.” Il-qaddejja taʼ Jehovah jagħmlu dan “minħabba l-kuxjenza” tagħhom.—Rumani 13:5, 6.
8. Huwa dak li għandna nagħtu lil Ċesri llimitat għal taxxi monetarji?
8 Huwa “dak li hu taʼ Ċesari” llimitat għal ħlas taʼ taxxi? Le. Pawlu jsemmi affarijiet oħrajn, bħalma huma biżaʼ u unur. Fil-ktieb tiegħu Critical and Exegetical Hand-Book to the Gospel of Matthew, l-istudjuż Ġermaniż Heinrich Meyer kiteb: “B’dan [l-affarijiet taʼ Ċesri] . . . m’għandniex nifhmu biss it-taxxa ċivili, imma kull ħaġa li għaliha Ċesri hu intitolat minħabba l-ħakma leġittima tiegħu.” Il-kittieb taʼ l-istorja E. W. Barnes, fil-ktieb tiegħu The Rise of Christianity, osserva li Kristjan kien iħallas it-taxxi jekk kellu jagħtihom u “bl-istess mod jaċċetta l-obbligi l-oħrajn kollha taʼ l-Istat, dment li ma kienx imġiegħel jagħti lil Ċesri l-affarijiet li jappartjenu lil Alla.”
9, 10. Kristjan liema tħassib jistaʼ jkollu dwar li jħallas lura lil Ċesri dak li hu dovut, imma liema fatti għandna nżommu f’moħħna?
9 Liema affarijiet jistaʼ jirrikjedi l-Istat mingħajr ma jmiss l-affarijiet li bi dritt jappartjenu lil Alla? Xi wħud ħassew li setgħu b’mod leġittimu jagħtu flus lil Ċesri taħt il-forma taʼ taxxi imma xejn iżjed. Huma ċertament ma jħossuhomx komdi li kieku kellhom jagħtu lil Ċesri kwalunkwe ħaġa li tistaʼ tieħu ħin li jistaʼ jintuża għal attivitajiet teokratiċi. Minkejja dan, fil-waqt li huwa veru li aħna għandna ‘nħobbu lill-Mulej, Alla tagħna, b’qalbna, b’ruħna, b’moħħna, u b’saħħitna kollha,’ Jehovah jistenna minna li nqattgħu ħin f’affarijiet oħrajn minbarra s-servizz sagru tagħna. (Mark 12:30; Filippin 3:3) Per eżempju, Kristjan li hu miżżewweġ hu mwissi biex jiddedika ħin f’li jogħġob lis-sieħba tiegħu. Attivitajiet bħal dawn m’humiex ħżiena, imma l-appostlu Pawlu jistqarr li dawn huma l-“ħwejjeġ tad-dinja” mhux il-“ħwejjeġ tal-Mulej.”—1 Korintin 7:32-34; qabbel 1 Timotju 5:8.
10 Jerġaʼ, Kristu awtorizza lis-segwaċi tiegħu biex ‘jagħtu lura’ t-taxxi, u dan ċertament jinvolvi li nużaw ħin li hu ddedikat lil Jehovah—ladarba l-ħajjiet kollha tagħna huma ddedikati b’dan il-mod. Jekk it-tassazzjoni minn ras għal ras f’pajjiż hi 33 fil-mija tad-dħul (hija ogħla f’xi pajjiżi), dan ifisser li kull sena l-ħaddiem fuq medja jħallas lit-Teżor taʼ l-Istat b’kemm jiswew erbaʼ xhur mill-flus li jaqlaʼ. Fi kliem ieħor, meta jieqaf mix-xogħol, il-ħaddiem fuq medja jkun qattaʼ madwar 15-il sena jaħdem għall-flus tat-taxxa li “Ċesari” jirrikjedi. Ikkunsidra, ukoll, il-kwistjoni taʼ l-attendenza fl-iskola. Fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi l-liġi tirrikjedi li ġenituri jibagħtu lit-tfal tagħhom l-iskola għal għadd minimu taʼ snin. L-għadd taʼ snin fl-iskola jvarja minn pajjiż għal ieħor. Fil-biċċa l-kbira tal-postijiet dan jinvolvi tul taʼ żmien sostanzjali. Veru, din l-attendenza fl-iskola normalment hi taʼ benefiċċju, imma huwa Ċesri li jiddeċiedi x’porzjon mill-ħajja tat-tfal trid titqattaʼ b’dan il-mod, u ġenituri Kristjani jimxu mad-deċiżjoni taʼ Ċesri.
Servizz Militari Obbligatorju
11, 12. (a) Ċesri x’jesiġi f’ħafna pajjiżi? (b) Il-Kristjani bikrin kif kienu jħarsu lejn servizz militari?
11 Talba oħra magħmula minn Ċesri f’xi pajjiżi hija s-servizz militari obbligatorju. Fis-seklu 20, dan l-arranġament ġie mwaqqaf mill-biċċa l-kbira tan-nazzjonijiet fi żmien taʼ gwerra u minn oħrajn fi żmien taʼ paċi wkoll. Fi Franza dan l-obbligu kien għal ħafna snin imsejjaħ taxxa tad-demm, li jfisser li kull żagħżugħ ried ikun lest li jagħti ħajtu għall-Istat. Hija din xi ħaġa li dawk iddedikati lil Jehovah jistgħu jagħtu b’mod kuxjenzjuż? Kif kienu jħarsu lejn din il-kwistjoni l-Kristjani taʼ l-ewwel seklu?
12 Fil-waqt li l-Kristjani l-iktar bikrin għamlu minn kollox biex ikunu ċittadini tajbin, il-fidi tagħhom ma ħalliethomx jieħdu l-ħajja taʼ ħaddieħor jew jissagrifikaw il-ħajjiet tagħhom stess għall-Istat. The Encyclopedia of Religion tistqarr: “Il-missirijiet bikrin tal-knisja, inklużi Tertuljanu u Oriġen, affermaw li l-Kristjani ma kinux ħielsa li jieħdu ħajja umana, prinċipju li żammhom lura milli jipparteċipaw fl-armata Rumana.” Fil-ktieb tiegħu The Early Church and the World, il-Professur C. J. Cadoux jikteb: “Sar-renju taʼ Markus Awreljus minn taʼ l-inqas [161-180 E.K.], ebda Kristjan ma kien jidħol suldat wara l-magħmudija tiegħu.”
13. Il-biċċa l-kbira fil-Kristjaneżmu għala ma jqisux is-servizz militari bl-istess mod kif kienu jagħmlu l-Kristjani bikrin?
13 Membri tal-knejjes tal-Kristjaneżmu għala ma jħarsux lejn l-affarijiet b’dan il-mod illum? Minħabba bidla radikali li seħħet fir-rabaʼ seklu. Il-pubblikazzjoni Kattolika A History of the Christian Councils tispjega: “Ħafna Kristjani, . . . taħt l-imperaturi pagani, kellhom skrupli reliġjużi rigward servizz militari, u rrifjutaw pożittivament li jaqbdu l-armi, jew inkella abbandunaw l-eżerċtu. Is-Sinodu [t’Arles, li nżamm fis-sena 314 E.K.], waqt li kkunsidra l-bidliet introdotti minn Kostantinu, stabbilixxa l-obbligu li l-Kristjani jridu jaqdu fil-gwerra, . . . għax il-Knisja hija fil-paċi (in pace) taħt prinċep ħabib tal-Kristjani.” Bħala riżultat taʼ dan l-abbandun tat-tagħlim taʼ Ġesù, minn dak iż-żmien s’issa, il-kleru tal-Kristjaneżmu inkuraġġew lill-merħliet tagħhom biex jaqdu fl-armati tan-nazzjonijiet, għalkemm xi individwi ħadu waqfa bħala wħud li joġġezzjonaw minħabba l-kuxjenza.
14, 15. (a) Il-Kristjani f’xi pajjiżi fuq liema bażi jitolbu eżenzjoni minn servizz militari? (b) Fejn eżenzjoni mhix disponibbli, liema prinċipji Skritturali se jgħinu lil Kristjan jieħu deċiżjoni korretta fil-kwistjoni taʼ servizz militari?
14 Huma l-Kristjani llum obbligati li jsegwu lill-maġġoranza f’din il-kwistjoni? Le. Jekk Kristjan iddedikat u mgħammed jgħix f’pajjiż fejn tingħata eżenzjoni minn servizz militari lil ministri tar-reliġjon, hu jistaʼ jagħmel użu minn dan il-provvediment, għax hu fil-fatt ministru. (2 Timotju 4:5) Għadd taʼ pajjiżi, inklużi l-Istati Uniti u l-Awstralja, jagħtu eżenzjoni bħal din saħansitra fi żmien taʼ gwerra. U fi żmien taʼ paċi, f’ħafna pajjiżi li għandhom servizz militari obbligatorju, ix-Xhieda taʼ Jehovah, bħala ministri tar-reliġjon, jingħataw eżenzjoni. B’hekk huma jistgħu jkomplu jgħinu lin-nies bis-servizz pubbliku tagħhom.
15 Xi ngħidu, iżda, jekk Kristjan jgħix f’pajjiż fejn ma tingħatax eżenzjoni lil ministri tar-reliġjon? Allura hu jkollu jieħu deċiżjoni persunali billi jsegwi l-kuxjenza tiegħu mħarrġa fuq il-Bibbja. (Galatin 6:5) Fil-waqt li jieħu inkonsiderazzjoni l-awtorità taʼ Ċesri, hu se jiżen bir-reqqa dak li hu obbligat jagħti lil Jehovah. (Salm 36:10 [Salm 36:9, NW]; 116:12-14; Atti 17:28) Il-Kristjan se jiftakar li l-marka taʼ Kristjan veru hija l-imħabba għall-kredenti sħabu kollha, saħansitra dawk li jgħixu f’pajjiżi oħrajn jew dawk li jappartjenu lil tribujiet oħrajn. (Ġwann 13:34, 35; 1 Pietru 2:17) Iktar minn hekk, m’huwiex se jinsa l-prinċipji Skritturali misjubin f’testi bħalma huma Isaija 2:2-4; Mattew 26:52; Rumani 12:18; 14:19; 2 Korintin 10:4; u Lhud 12:14.
Servizz Taʼ Pajżan
16. F’xi pajjiżi, Ċesri liema servizz mhux militari jirrikjedi minn dawk li ma jaċċettawx servizz militari?
16 Madankollu, hemm pajjiżi fejn l-Istat, waqt li ma jippermettix eżenzjoni għal ministri tar-reliġjon, minkejja dan jirrikonoxxi li xi individwi jistgħu joġġezzjonaw għal servizz militari. Ħafna minn dawn il-pajjiżi jagħmlu provvediment għal individwi kuxjenzjużi bħal dawn biex ma jiġux sfurzati jidħlu f’servizz militari. F’xi postijiet xi servizz taʼ pajżan meħtieġ, bħalma huwa xogħol utli fil-komunità, huwa meqjus bħala servizz nazzjonali mhux militari. Jistaʼ Kristjan iddedikat jidħol għal servizz bħal dan? Hawn ukoll, Kristjan iddedikat u mgħammed ikollu jieħu deċiżjoni għalih innifsu fuq il-bażi tal-kuxjenza tiegħu mħarrġa fuq il-Bibbja.
17. Hemm preċedent Bibliku għal servizz taʼ pajżan mhux militari?
17 Milli jidher servizz obbligatorju kien ipprattikat fi żminijiet Bibliċi. Ktieb wieħed taʼ l-istorja jistqarr: “Flimkien mat-taxxi u l-ħaraġ imposti fuq l-abitanti tal-Ġudea, kien hemm ukoll corvée [xogħol bla ħlas impost minn awtoritajiet pubbliċi]. Din kienet istituzzjoni tal-qedem fil-Lvant, li l-awtoritajiet Ellenistiċi u Rumani baqgħu jżommu. . . . It-Testment il-Ġdid, ukoll, isemmi eżempji taʼ corvée fil-Ġudea, billi juri kemm dan kien mifrux maʼ kullimkien. Fi qbil maʼ din id-drawwa, is-suldati ingaġġaw lil Xmun taʼ Ċirene biex iġorr is-salib [zokk tat-tortura] taʼ Ġesù. (Mattew 5:41; 27:32; Mark 15:21; Luqa 23:26).”
18. Ix-Xhieda taʼ Jehovah maʼ liema tipi taʼ servizz mhux militari u mhux reliġjuż tal-komunità taʼ spiss jikkoperaw?
18 B’mod simili, ċittadini f’xi pajjiżi llum huma mitluba mill-Istat jew minn awtoritajiet lokali biex jipparteċipaw f’diversi għamliet taʼ servizz tal-komunità. Kultant dan ikun għal xi biċċa xogħol speċifika, bħal tħaffir taʼ bjar, jew kostruzzjoni taʼ toroq; kultant ikun fuq bażi regulari, bħal parteċipazzjoni taʼ kull ġimgħa f’tindif taʼ toroq, skejjel, jew sptarijiet. Fejn servizz taʼ pajżan bħal dan huwa għall-ġid tal-komunità u m’huwiex konness maʼ reliġjon falza jew b’xi mod ieħor oġġezzjonabbli għall-kuxjenza tax-Xhieda taʼ Jehovah, huma ħafna drabi aċċettaw. (1 Pietru 2:13-15) Dan ġeneralment irriżulta f’xiehda eċċellenti u xi drabi sikket lil dawk li jakkużaw b’mod falz lix-Xhieda li huma kontra l-gvernijiet.—Qabbel Mattew 10:18.
19. Kristjan kif għandu javviċina l-kwistjoni jekk Ċesri jitolbu biex iwettaq servizz nazzjonali mhux militari għal perijodu taʼ żmien?
19 Xi ngħidu, iżda, jekk l-Istat jirrikjedi Kristjan għal xi perijodu taʼ żmien biex iwettaq servizz taʼ pajżan li huwa parti minn servizz nazzjonali taħt amministrazzjoni ċivili? Hawnhekk għal darb’oħra, il-Kristjani jridu jieħdu deċiżjoni għalihom infushom ibbażata fuq kuxjenza informata. “Aħna lkoll għad nidhru quddiem it-tribunal taʼ Alla.” (Rumani 14:10) Kristjani ffaċċjati bi ħtieġa taʼ Ċesri għandhom jistudjaw il-kwistjoni bit-talb u jimmeditaw fuqha.a Jistaʼ wkoll ikun għaqli li jiddiskuti dwar il-kwistjoni maʼ Kristjani maturi fil-kongregazzjoni. Wara dan għandha tittieħed deċiżjoni persunali.—Proverbji 2:1-5; Filippin 4:5.
20. Liema mistoqsijiet u prinċipji Skritturali jgħinu lil Kristjan biex jirraġuna fuq il-kwistjoni taʼ servizz nazzjonali taʼ pajżan mhux militari?
20 Waqt li jieħdu sehem f’riċerka bħal din, il-Kristjani jkollhom jikkunsidraw għadd taʼ prinċipji Bibliċi. Pawlu qal li rridu ‘nkunu ubbidjenti lejn il-gvernijiet u l-awtoritajiet bħala mexxejja u nkunu dejjem imħejjijin għal kull opra tajba, inkunu umlin, nimxu bil-ħlewwa maʼ kulħadd.’ (Titu 3:1, 2) Fl-istess ħin, il-Kristjani jagħmlu tajjeb li jeżaminaw ix-xogħol taʼ pajżan propost. Jekk jaċċettawh, se jkunu jistgħu jżommu n-newtralità Kristjana? (Mikea 4:3, 5; Ġwann 17:16) Se jinvolvihom maʼ xi reliġjon falza? (Apokalissi 18:4, 20, 21) Jekk jagħmluh se jfixkilhom jew jillimitahom b’mod irraġonevoli milli jwettqu r-responsabbiltajiet Kristjani tagħhom? (Mattew 24:14; Lhud 10:24, 25) Mill-banda l-oħra, se jkunu jistgħu jkomplu jagħmlu progress spiritwali, forsi saħansitra jieħdu sehem fil-ministeru full-time waqt li jwettqu s-servizz mitlub?—Lhud 6:11, 12.
21. Tkun xi tkun id-deċiżjoni tiegħu, il-kongregazzjoni kif għandha tqis lil ħu li qiegħed jittratta mal-kwistjoni taʼ servizz nazzjonali taʼ pajżan mhux militari?
21 Xi ngħidu jekk it-tweġibiet onesti taʼ Kristjan għal mistoqsijiet bħal dawn iwassluh biex jikkonkludi li s-servizz nazzjonali taʼ pajżan hu ‘xogħol tajjeb’ li hu jistaʼ jwettaq b’ubbidjenza lejn l-awtoritajiet? Dik hi d-deċiżjoni tiegħu quddiem Jehovah. L-anzjani maħturin u oħrajn għandhom jirrispettaw bis-sħiħ il-kuxjenza tal-ħu u jibqgħu jqisuh bħala Kristjan eżemplari. Jekk, madankollu, Kristjan iħoss li ma jistax iwettaq dan is-servizz taʼ pajżan, il-pożizzjoni tiegħu wkoll għandha tiġi rrispettata. Hu wkoll jibqaʼ meqjus eżemplari u għandu jirċievi appoġġ taʼ mħabba.—1 Korintin 10:29; 2 Korintin 1:24; 1 Pietru 3:16.
22. Fi kwalunkwe sitwazzjoni li tiffaċċjana, x’se nkomplu nagħmlu?
22 Bħala Kristjani m’aħniex se nieqfu nagħtu “ġieh lil min imissu l-ġieh.” (Rumani 13:7) Se nirrispettaw il-bonordni u nfittxu li nkunu ċittadini paċifiċi u li jħarsu l-liġi. (Salm 34:15 [Salm34:14, NW]) Nistgħu saħansitra nitolbu “għas-slaten [u] għal dawk kollha li għandhom xi awtorità” meta dawn in-nies jiġu mitluba biex jieħdu deċiżjonijiet li jeffettwaw il-ħajja u x-xogħol Kristjani tagħna. Bħala riżultat taʼ li aħna nagħtu lura l-affarijiet taʼ Ċesri lil Ċesri, nittamaw li “nistgħu ngħaddu ħajja fil-kwiet u fis-sliem, fit-tjieba u kif jixraq.” (1 Timotju 2:1, 2) Fuq kollox, se nkomplu nippridkaw l-aħbar tajba tas-Saltna bħala l-unika tama għall-bnedmin, billi b’mod kuxjenzjuż nagħtu lura l-affarijiet t’Alla lil Alla. (w96 4/1)
[Nota taʼ taħt]
a Ara The Watchtower tal-15 taʼ Mejju, 1964, paġna 308, paragrafu 21.
Tistaʼ Tispjega Int?
◻ F’li jibbilanċja r-relazzjonijiet tiegħu maʼ Ċesri u maʼ Jehovah, x’inhi l-ewwel ħaġa li tikkonċerna lil Kristjan?
◻ X’inhu dak li aħna obbligati nagħtu lil Jehovah li qatt ma nistgħu nagħtu lil Ċesri?
◻ Liema huma xi affarijiet li b’mod xieraq nagħtu lura lil Ċesri?
◻ Liema skritturi jgħinuna nieħdu deċiżjoni korretta fil-kwistjoni taʼ servizz militari obbligatorju?
◻ Liema huma xi affarijiet li rridu nżommu f’moħħna jekk jibagħtu għalina għal servizz nazzjonali taʼ pajżan mhux militari?
◻ Rigward Ċesri u Jehovah, x’inkomplu nagħmlu?