KAPITLU 131
Sultan innoċenti jbati fuq iz-zokk
MATTEW 27:33-44 MARKU 15:22-32 LUQA 23:32-43 ĠWANNI 19:17-24
ĠESÙ JIĠI MSAMMAR MAʼ ZOKK TAT-TORTURA
ĠESÙ JIĠI MŻEBLAĦ MINĦABBA L-ISKRIZZJONI LI JPOĠĠULU FUQ IZ-ZOKK
ĠESÙ JOFFRI T-TAMA TAʼ ĦAJJA F’ĠENNA FUQ L-ART
Ġesù jittieħed f’post mhux ’il bogħod mill-belt fejn hu u żewġ ħallelin se jinqatlu. Dan il-post hu msejjaħ Golgota, jew Post il-Qorriegħa, u jidher “mill-bogħod.”—Marku 15:40.
It-tlett irġiel kundannati jitneħħewlhom ħwejjiġhom. Imbagħad jingħatalhom ftit inbid imħallat bil-mirra u b’xi ħaġa morra. Milli jidher, xi nisa minn Ġerusalemm ippreparaw din it-taħlita, u r-Rumani jħallu lil dawk li se jinqatlu jieħdu minn din ix-xarba li ttaffi l-uġigħ. Imma malli jduqha, Ġesù jirrifjuta li jixrob minnha. Għala? Hu ma jridx li jintilef minn sensih matul din il-prova kbira; hu jrid ikun konxju u jibqaʼ leali sal-mewt.
Ġesù jiġi mimdud fuq iz-zokk. (Marku 15:25) Imbagħad, is-suldati jsammru l-imsiemer f’idejh u f’saqajh, u b’hekk dawn jinfdu l-laħam u l-ligamenti tiegħu. Dan jikkaġuna wġigħ kbir. Hekk kif iwaqqfu z-zokk, l-uġigħ isir insapportabbli hekk kif il-piż tal-ġisem taʼ Ġesù jkompli jċarrat il-feriti tiegħu. Però, Ġesù ma jċanfarx lis-suldati. Hu jitlob: “Missier, aħfrilhom, għax ma jafux x’qed jagħmlu.”—Luqa 23:34.
Ir-Rumani għandhom id-drawwa li jwaħħlu skrizzjoni li fuqha jkun hemm miktub xi jkun għamel ħażin il-kriminal kundannat. Din id-darba, Pilatu waħħal skrizzjoni li tgħid: “Ġesù n-Nazzarenu s-Sultan tal-Lhud.” Hi miktuba bl-Ebrew, bil-Latin, u bil-Grieg, biex kważi kulħadd ikun jistaʼ jaqraha. L-għemil taʼ Pilatu juri kemm jobgħod lil-Lhud li insistew li Ġesù jinqatel. Il-qassisin ewlenin huma diżappuntati u jipprotestaw: “Tiktibx ‘Is-Sultan tal-Lhud,’ imma li hu qal, ‘Jien is-Sultan tal-Lhud.’” Madankollu, billi ma jridx jerġaʼ jkun il-pupazz tagħhom, Pilatu jwieġeb: “Dak li ktibt ktibt.”—Ġwanni 19:19-22.
Il-qassisin inkorlati jirripetu x-xhieda falza li ngħatat iktar qabel fil-ġuri tas-Sinedriju. Ma niskantawx bil-fatt li dawk li kienu għaddejjin minn hemm bdew ixenglu rashom bi tmaqdir u jgħajruh: “Bħu għalik! Int li kellek twaqqaʼ t-tempju u tibnih fi żmien tlett ijiem, salva lilek innifsek u inżel minn fuq iz-zokk tat-tortura.” B’mod simili, il-qassisin ewlenin u l-iskribi jgħidu lil xulxin: “Ħa jinżel issa minn fuq iz-zokk tat-tortura l-Kristu, is-Sultan taʼ Israel, biex aħna naraw u nemmnu.” (Marku 15:29-32) Anki l-ħallelin fuq ix-xellug u l-lemin taʼ Ġesù jżebilħuh, għalkemm hu l-uniku wieħed li tassew hu innoċenti.
Anki l-erbaʼ suldati Rumani jiżżuffjettaw b’Ġesù. Huma forsi kienu qed jixorbu nbid qares, allura issa biex jgħadduh biż-żmien milli jidher joffru ftit lil Ġesù, li ovvjament ma jistax jieħu. Ir-Rumani bi tkażbir jirreferu għall-iskrizzjoni li hemm fuq iz-zokk taʼ Ġesù u jgħidu: “Jekk int is-sultan tal-Lhud, salva lilek innifsek.” (Luqa 23:36, 37) Immaġina ftit! Dan ir-raġel li wera b’mod ċar li hu t-triq, il-verità, u l-ħajja issa qed iġarrab abbuż u twaqqigħ għaċ-ċajt li żgur ma ħaqqux. Iżda hu jibqaʼ sod waqt dan kollu, mingħajr ma jċanfar lil-Lhud li qed jaraw kollox, lis-suldati Rumani li qed jiżżuffjettaw bih, jew liż-żewġ kriminali kundannati li huma mdendlin maġenbu.
L-erbaʼ suldati ħadu l-ħwejjeġ taʼ Ġesù u qassmuhom f’erbaʼ partijiet. Huma jtellgħuhom bix-xorti biex jaraw x’ħa jmisshom. Imma l-libsa taʼ taħt taʼ Ġesù hi taʼ kwalità tajba, “bla ħjata, għax kienet minsuġa minn fuq s’isfel.” Għalhekk, is-suldati jirraġunaw: “Ħalli ma nqattgħuhiex, imma ntellgħuha bix-xorti u naraw min se jiħodha.” B’hekk, huma jwettqu l-iskrittura li tgħid: “Qassmu ħwejġi bejniethom, u l-ilbies tiegħi tellgħuh bix-xorti.”—Ġwanni 19:23, 24; Salm 22:18.
Eventwalment, wieħed mill-kriminali jirrealizza li Ġesù bilfors li hu verament sultan. Hu jċanfar lil sieħbu billi jgħidlu: “Lanqas minn Alla ma tibżaʼ, issa li qiegħed fl-istess ġudizzju? Aħna, tabilħaqq, b’ġustizzja, għax qed nieħdu bis-sħiħ dak li jistħoqqilna għal li għamilna; imma dan ir-raġel m’għamel xejn barra minn loku.” Imbagħad lil Ġesù jitolbu bil-ħniena: “Ftakar fija meta tidħol fis-saltna tiegħek.”—Luqa 23:40-42.
Ġesù jwieġbu: “Tassew ngħidlek illum, Int tkun” miegħi, mhux fis-Saltna, imma “fil-Ġenna.” (Luqa 23:43) Din il-wegħda hi differenti minn dik li Ġesù għamel mal-appostli tiegħu, jiġifieri, li se joqogħdu fuq tronijiet miegħu fis-Saltna. (Mattew 19:28; Luqa 22:29, 30) Madankollu, dan il-kriminal Lhudi forsi kien semaʼ dwar il-Ġenna tal-art li Ġeħova kien ta lil Adam, lil Eva, u lid-dixxendenti tagħhom biex jgħixu fiha. Issa dan il-ħalliel jistaʼ jmut b’din it-tama quddiemu.