Aħbar Tajba għall-Bnedmin Kollha!
“JIEN RAJT anġlu ieħor itir f’nofs sema, u kellu aħbar tajba taʼ dejjem x’jiddikjara bħala bxajjar taʼ ferħ lil dawk li jgħammru fuq l-art, u lil kull ġens u tribù u lsien u poplu.” (Rivelazzjoni 14:6) B’dawk il-kelmiet, ix-xwejjaħ appostlu Ġwanni ddeskriva l-viżjoni profetika u spirata tiegħu, viżjoni li qed tiġi mwettqa fi żmienna. Kif isserraħ moħħok li tkun taf li hemm aħbar tajba f’din l-era taʼ delitti li dejjem jiżdiedu, taʼ tniġġis, taʼ terroriżmu, taʼ gwerra, u taʼ inċertezzi ekonomiċi maʼ kullimkien! Imma liema aħbar hija tant tajba li tinħtieġ lil xi anġlu biex iħabbarha? Liema bxara tistaʼ tkun taʼ ferħ biżżejjed li jixirqilha li tiġi ddikjarata lil kull ġens u tribù u lsien u poplu?
Dan nistgħu inwiġbuh jekk naħsbu lura f’okkażjoni oħra fejn anġlu personalment ħabbar aħbar tajba. Dan kien meta l-ewwel seklu taʼ Q.E.K. kien wasal lejn it-tmiem tiegħu, kważi mitt sena qabel ma Ġwanni ra l-viżjoni tiegħu. Xi ragħajja kienu bil-merħliet tagħhom fl-egħlieqi viċin Betlem, u anġlu deher u ħabbar it-twelid taʼ Ġesù, billi qal: “Ħares! qed niddikjara lilkom aħbar tajba taʼ ferħ kbir li n-nies kollha se jkollhom, għaliex kien hemm imwieled għalikom illum Salvatur, li hu Kristu l-Mulej, fil-belt taʼ David.”−Luqa 2:10, 11.
It-twelid taʼ Ġesù kien tabilħaqq “aħbar tajba taʼ ferħ kbir.” Hu kiber biex isir il-Kristu u Salvatur imwiegħed, dak li ta l-ħajja umana u perfetta tiegħu sabiex dawk taʼ qalb tajba li jemmnu jistgħu jgħixu. Iktar minn hekk, hu kellu jsir Sultan tas-Saltna t’Alla, il-“Prinċep tal-Paċi,” li taħt il-ħakma tiegħu kellhom fl-aħħar jiġu l-ġustizzja u l-paċi għall-bnedmin. (Isaija 9:6; Luqa 1:33) Tabilħaqq, it-twelid tiegħu kien aħbar tajba li kien jixirqilha tiġi mħabbra minn anġlu!
Ġesù Huwa Sultan
Lura fl-ewwel seklu, Ġesù wettaq ħafna mill-għanijiet li Alla kellu għalih, imma hu ma kienx għadu ħa t-tron bħala Sultan tas-Saltna t’Alla. Bħalma wriet ħafna drabi din ir-rivista, dan ma seħħx qabel l-1914. Bħalma juri biċ-ċar it-twettieq tal-profezija, f’dik is-sena s-Saltna t’Alla ġiet stabbilita fis-smewwiet. (Rivelazzjoni 12:10, 12) Għalkemm fl-1914 kien hemm aħbar ħażina ħafna—faqqgħet l-Ewwel Gwerra Dinjija—it-twelid tas-Saltna t’Alla kien l-aqwa aħbar. Dan hu għala Ġesù pprofetizza għal żmienna: “Din l-aħbar tajba tas-saltna se tkun ippridkata mal-art abitata kollha bħala xiehda lill-ġnus kollha.”−Mattew 24:14.
Il-profezija taʼ Ġesù ġiet imwettqa? It-tweġiba hija iva! U l-viżjoni profetika taʼ Ġwanni ġiet imwettqa wkoll. Veru li ma nistgħux naraw l-anġlu inviżibbli li ra Ġwanni. Imma x-Xhieda taʼ Jehovah ilhom jidhru ħafna waqt li ppubblikaw l-aħbar tajba tal-anġlu “lil kull ġens u tribù u lsien u poplu.” F’212 artijiet u gżejjer tal-baħar, l-ilħna tagħhom instemgħu. U folol kbar qed iwieġbu.