LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w96 5/1 pp. 22-27
  • Alla u Ċesri

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Alla u Ċesri
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1996
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Il-​Qaddejja Tal-​Qedem Taʼ Jehovah u L-​Istat
  • L-​Attitudni Taʼ Ġesù Lejn L-​Istat
  • Il-​Kristjani u Ċesri
  • Fehma Progressiva Dwar “L-​Awtoritajiet Superjuri”
  • Sottomissjoni Relattiva
  • Kif Iħares il-Kristjan Lejn l-Awtoritajiet Superjuri
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1991
  • Il-Ħarsa Kristjana Lejn l-Awtorità
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1994
  • Nagħtu Lura l-Affarijiet taʼ Ċesri lil Ċesri
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1996
  • X’Inhu li Jagħmlu Tajjeb lil Ċittadin?
    Stenbaħ!—1999
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1996
w96 5/1 pp. 22-27

Alla u Ċesri

“Mela agħtu lil Ċesari dak li hu taʼ Ċesari, u lil Alla dak li hu taʼ Alla.”—LUQA 20:25.

1. (a) Liema hi l-​pożizzjoni elevata taʼ Jehovah? (b) X’aħna obbligati li nagħtu lil Jehovah li qatt ma nistgħu nagħtu lil Ċesri?

META Ġesù Kristu ta dik l-​istruzzjoni, ma kellu ebda dubju f’moħħu li dak li jesiġi Alla mill-​qaddejja Tiegħu jieħu preċedenza fuq kwalunkwe ħaġa li Ċesri, jew l-​Istat, jistaʼ jirrikjedi minnhom. Ġesù kien jaf iktar minn kwalunkwe bniedem ieħor il-​verità tat-​talba tas-​salmista lil Jehovah: “Saltnatek hi saltna għaż-​żminijiet kollha, minn nisel għal nisel il-​ħakma [sovranità]a tiegħek.” (Salm 145:13) Meta x-​Xitan offra lil Ġesù awtorità fuq is-​saltniet kollha taʼ l-​art abitata, Ġesù wieġeb: “Hemm miktub, ‘Lill-​Mulej Alla tiegħek tagħti qima, u lilu biss taqdi.’” (Luqa 4:5-8) Il-​qima qatt ma kellha tingħata lil “Ċesari,” kemm jekk Ċesri hu l-​imperatur Ruman, xi mexxej uman ieħor, jew l-​Istat innifsu.

2. (a) Liema hi l-​pożizzjoni taʼ Satana f’relazzjoni maʼ din id-​dinja? (b) Satana bil-​permess taʼ min jokkupa l-​pożizzjoni tiegħu?

2 Ġesù ma ċaħadx li s-​saltniet tad-​dinja kienu jappartjenu lil Satana. Iktar tard, hu sejjaħ lil Satana “l-​prinċep taʼ din id-​dinja.” (Ġwann 12:31; 16:11) Lejn it-​tmiem taʼ l-​ewwel seklu E.K., l-​appostlu Ġwanni kiteb: “Nafu li aħna ġejjin minn Alla u li d-​dinja kollha qiegħda taħt idejn il-​ħażin.” (1 Ġwann 5:19) Dan ma jfissirx li Jehovah ċeda s-​sovranità tiegħu fuq l-​art. Ftakar li Satana, meta offra lil Ġesù ħakma fuq is-​saltniet politiċi, stqarr: “Nagħtik is-​setgħa fuq dawn kollha . . . għax hija ngħatat lili.” (Luqa 4:6) Satana jeżerċita awtorità fuq is-​saltniet tad-​dinja biss bil-​permess t’Alla.

3. (a) Il-​gvernijiet tal​-ġnus liema pożizzjoni għandhom quddiem Jehovah? (b) Kif nistgħu ngħidu li sottomissjoni lejn il-​gvernijiet taʼ din id-​dinja ma tfissirx li nissottomettu lilna nfusna lil Satana, l-​alla taʼ din id-​dinja?

3 B’mod simili, l-​Istat jeżerċita l-​awtorità tiegħu biss għaliex Alla bħala l-​Ħakkiem Sovran jippermettilu li jagħmel dan. (Ġwann 19:11) B’hekk, “l-​awtoritajiet li hemm” jistaʼ jintqal li “qegħdin hemm bl-​ordni taʼ Alla.” F’relazzjoni maʼ l-​awtorità sovrana u suprema taʼ Jehovah, tagħhom hija awtorità bil-​wisq inqas. Madankollu, huma “l-​ministri taʼ Alla,” “uffiċjali taʼ Alla,” minħabba l-​fatt li jipprovdu servizzi neċessarji, iżommu l-​liġi u l-​ordni, u jikkastigaw lil min jagħmel il-​ħażin. (Rumani 13:1, 4, 6) Għalhekk il-​Kristjani jridu jifhmu li sempliċement għaliex Satana huwa l-​mexxej inviżibbli taʼ din id-​dinja, jew sistema, m’humiex qegħdin jissottomettu lilhom infushom lejh meta jirrikonoxxu s-​sottomissjoni relattiva tagħhom lejn l-​Istat. Huma qegħdin jobdu lil Alla. F’din is-​sena, 1996, l-​Istat politiku għadu parti mill-​“ordni mwaqqaf minn Alla,” arranġament temporanju li Alla jippermetti li jeżisti, u għandu jiġi rrikonoxxut bħala tali mill-​qaddejja taʼ Jehovah fuq l-​art.—Rumani 13:2.

Il-​Qaddejja Tal-​Qedem Taʼ Jehovah u L-​Istat

4. Jehovah għala ppermetta lil Ġużeppi jsir prominenti fil-​gvern taʼ l-​Eġittu?

4 Fi żminijiet taʼ qabel il-​Kristjanità, Jehovah ippermetta lil xi wħud mill-​qaddejja tiegħu li jokkupaw pożizzjonijiet prominenti fi gvernijiet taʼ l-​Istat. Per eżempju, fit-​18-il seklu Q.E.K., Ġużeppi sar prim ministru taʼ l-​Eġittu, kariga ssuperata biss minn dik tal-​Farawni renjanti. (Ġenesi 41:39-43) Ġrajjiet sussegwenti għamluha evidenti li Jehovah kien immanuvra dan sabiex Ġużeppi setaʼ jaqdi bħala strument f’li jippreserva liż-​‘żerriegħa t’Abraham,’ id-​dixxendenti tiegħu, għat-​twettiq taʼ l-​iskopijiet Tiegħu. M’għandniex xi ngħidu, għandna niftakru li Ġużeppi kien mibjugħ fil-​jasar fl-​Eġittu, u kien jgħix fi żmien meta l-​qaddejja t’Alla la kellhom il-​Liġi Mosajka u lanqas “[i]l-liġi taʼ Kristu.”—Ġenesi 15:5-7, NW; 50:19-21; Galatin 6:2.

5. Eżiljati Lhud għala kienu kkmandati ‘jfittxu l-​paċi’ taʼ Babilonja?

5 Sekli wara, il-​profeta leali Ġeremija kien ispirat minn Jehovah biex jgħid lill-​eżiljati Lhud biex jissottomettu ruħhom lejn il-​ħakkiema meta jkunu fl-​eżilju f’Babilonja u saħansitra biex jitolbu għall-​paċi taʼ dik il-​belt. Fl-​ittra tiegħu lilhom, kiteb: “Dan igħid il-​Mulej taʼ l-​eżerċti, Alla taʼ Israel, lill-​itturrufnati . . . ‘Fittxu l-​ġid tal-​pajjiż li itturrufnajtkom fih, u itolbu lill-​Mulej għalih, għax il-​ġid tiegħu jkun il-​ġid tagħkom.’” (Ġeremija 29:4, 7) F’kull żmien in-​nies taʼ Jehovah għandhom raġuni biex ‘ifittxu s-​sliem’ għalihom infushom u n-​nazzjon fejn jgħixu, sabiex ikollhom il-​libertà li jqimu lil Jehovah.—1 Pietru 3:11.

6. Għalkemm mogħtijin karigi governattivi għoljin, Danjel u t-​tliet sħabu b’liema modi rrifjutaw li jagħmlu kompromess rigward il-​Liġi taʼ Jehovah?

6 Matul l-​eżilju Babilonjan, Danjel u tliet Lhud leali oħrajn li kienu priġunieri fil-​jasar taħt Babilonja ssottomettew ruħhom għal taħriġ mill-​Istat u saru uffiċjali għoljin f’Babilonja. (Danjel 1:3-7; 2:48, 49) Madankollu, saħansitra matul it-​taħriġ tagħhom, huma ħadu waqfa soda fuq kwistjonijiet taʼ ikel li setgħu wassluhom biex jiksru l-​Liġi li Alla tagħhom, Jehovah, kien ipprovda permezz taʼ Mosè. Għal dan ġew imberkin. (Danjel 1:8-17) Meta s-​Sultan Nebukadneżżar waqqaf xbiha taʼ l-​Istat, it-​tlett iħbieb Ebrej taʼ Danjel apparentement ġew imġegħlin jattendu għaċ-​ċerimonja maʼ sħabhom, l-​amministraturi taʼ l-​Istat. Minkejja dan, huma rrifjutaw li ‘jinxteħtu fl-​art u jagħtu qima’ lill-​idolu taʼ l-​Istat. Għal darb’oħra, Jehovah ippremja l-​integrità tagħhom. (Danjel 3:1-6, 13-28) B’mod simili llum, ix-​Xhieda taʼ Jehovah jirrispettaw il-​bandiera tan-​nazzjon li jgħixu fih, imma m’humiex se jagħmlu att taʼ qima lejha.—Eżodu 20:4, 5; 1 Ġwann 5:21.

7. (a) Danjel liema waqfa mill-​aħjar ħa, minkejja li kellu kariga elevata fl-​istruttura governattiva taʼ Babilonja? (b) Liema bidliet seħħew fi żminijiet Kristjani?

7 Wara l-​waqgħa tad-​dinastija Neo-Babilonjana, Danjel ngħata kariga governattiva għolja taħt ir-​reġim il-​ġdid Medo-Persjan li kien ħadilha postha f’Babilonja. (Danjel 5:30; 6:1-4 [Danjel 5:30, 31; 6:1-3, NW]) Imma hu ma ħalliex il-​kariga għolja tiegħu twasslu biex jagħmel kompromess fl-​integrità tiegħu. Meta liġi taʼ l-​Istat kienet tesiġi li hu jqim lis-​Sultan Darju minflok lil Jehovah, hu rrifjuta. Minħabba f’dan ġie mitfugħ lill-​iljuni, imma Jehovah ħelsu. (Danjel 6:5-25 [Danjel6:4-24, NW]) M’għandniex xi ngħidu, dan kien fi żminijiet taʼ qabel il-​Kristjanità. Meta ġiet stabbilita l-​kongregazzjoni Kristjana, il-​qaddejja t’Alla ġew ‘taħt il-​liġi taʼ Kristu.’ Ħafna affarijiet li kienu permessi taħt is-​sistema Lhudija kellhom jitqiesu b’mod differenti, ibbażati fuq il-​mod li bih Jehovah kien qiegħed issa jittratta mal-​poplu tiegħu.—1 Korintin 9:21; Mattew 5:31, 32; 19:3-9.

L-​Attitudni Taʼ Ġesù Lejn L-​Istat

8. Liema inċident juri li Ġesù kien iddeterminat li jevita involviment politiku?

8 Meta Ġesù Kristu kien fuq l-​art, hu waqqaf livelli ogħla għas-​segwaċi tiegħu, u rrifjuta kull involviment fi kwistjonijiet politiċi u militari. Wara li Ġesù kien temaʼ mirakolożament ħafna eluf taʼ nies bi ftit ħobżiet u żewġ ħutiet żgħar, irġiel Lhud riedu jaħtfuh u jagħmluh sultan politiku. Imma Ġesù evitahom billi malajr irtira lejn il-​muntanji. (Ġwann 6:5-15) Rigward dan l-​inċident, The New International Commentary on the New Testament jistqarr: “Kien hemm xenqiet nazzjonalistiċi ħorox fost il-​Lhud taʼ dak il-​perijodu, u bla dubju ħafna minn dawk li raw il-​miraklu ħassew li dan kien mexxej approvat divinament, li kien il-​wieħed ideali biex imexxihom kontra r-​Rumani. Għalhekk iddeċidew li jagħmluh sultan.” Dan iżid ukoll li Ġesù “rrifjuta b’mod deċiż” din l-​offerta taʼ tmexxija politika. Kristu ma ta ebda appoġġ għal kwalunkwe rewwixta kontra d-​dominanza Rumana. Tabilħaqq, hu bassar x’kellu jkun ir-​riżultat taʼ l-​irvell li kellu jseħħ wara mewtu​—gwajijiet bla għadd għall-​abitanti taʼ Ġerusalemm u l-​qerda taʼ dik il-​belt.—Luqa 21:20-24.

9. (a) Ġesù kif iddeskriva r-​relazzjoni tas-​Saltna tiegħu maʼ din id-​dinja? (b) Ġesù liema gwida ta lis-​segwaċi tiegħu inkwantu għall-​kuntatti tagħhom mal-​gvernijiet tad-​dinja?

9 Ftit qabel mewtu, Ġesù qal lir-​rappreżentant speċjali taʼ l-​imperatur Ruman fil-​Ġudea: “Is-​saltna tiegħi m’hijiex taʼ din id-​dinja. Li kieku saltnati kienet taʼ din id-​dinja, il-​għases tiegħi kienu jiġġieldu biex ma ningħatax f’idejn il-​Lhud; imma tabilħaqq saltnati m’hijiex taʼ hawn.” (Ġwann 18:36) Sakemm is-​Saltna tiegħu ttemm il-​ħakma taʼ gvernijiet politiċi, id-​dixxipli taʼ Kristu jsegwu l-​eżempju tiegħu. Huma jagħtu ubbidjenza lil dawk l-​awtoritajiet stabbiliti imma ma jindaħlux fl-​intrapriżi politiċi tagħhom. (Danjel 2:​44; Mattew 4:8-10) Ġesù ħalla linji taʼ gwida għad-​dixxipli tiegħu, billi qal: “Mela agħtu lil Ċesari dak li hu taʼ Ċesari, u lil Alla dak li hu taʼ Alla.” (Mattew 22:21) Iktar kmieni, fil-​Priedka tiegħu taʼ fuq il-​Muntanja, Ġesù kien qal: “Jekk xi ħadd [taħt awtorità] iġagħlek timxi miegħu mil wieħed, mur miegħu tnejn.” (Mattew 5:41) Fil-​kuntest taʼ din il-​priedka, Ġesù kien qiegħed jagħti tixbieha dwar il-​prinċipju taʼ sottomissjoni volontarja għal talbiet leġittimi, kemm f’relazzjonijiet umani u kemm fi ħtiġijiet governattivi li huma f’armonija mal-​liġi t’Alla.—Luqa 6:27-31; Ġwann 17:14, 15.

Il-​Kristjani u Ċesri

10. Skond wieħed kittieb taʼ l-​istorja, il-​Kristjani bikrin liema pożizzjoni kuxjenzjuża żammew rigward Ċesri?

10 Dawn il-​linji taʼ gwida qosra kellhom jiggvernaw ir-​relazzjoni bejn il-​Kristjani u l-​Istat. Fil-​ktieb tiegħu The Rise of Christianity, il-​kittieb taʼ l-​istorja E. W. Barnes kiteb: “Kulmeta, għal sekli sħaħ fil-​futur, xi Kristjan kien fid-​dubju rigward id-​dover tiegħu lejn l-​Istat, hu dar lejn it-​tagħlim awtoritattiv taʼ Kristu. Kellu jħallas it-​taxxi: il-​ħaraġ impost jistaʼ jkun iebes​—dawn saru intollerabbli qabel il-​waqgħa taʼ l-​Imperu tal-​Punent—​imma l-​Kristjan kellu jissaportihom. Bl-​istess mod kellu jaċċetta l-​obbligi l-​oħrajn kollha taʼ l-​Istat, dment li ma jintalabx biex jagħti lil Ċesri l-​affarijiet li jappartjenu lil Alla.”

11. Pawlu kif ta parir lill-​Kristjani biex jittrattaw maʼ mexxejja dinjin?

11 Kien f’armonija maʼ dan li, ftit iktar minn 20 sena wara l-​mewt taʼ Kristu, l-​appostlu Pawlu qal lill-​Kristjani f’Ruma: “Kull bniedem għandu jobdi lil l-​awtorità taʼ fuqu [“superjuri,” NW].” (Rumani 13:1) Madwar għaxar snin wara, ftit qabel it-​tieni priġunerija u l-​esekuzzjoni tiegħu f’Ruma, Pawlu kiteb lil Titu: “Fakkarhom [lill-Kristjani taʼ Kreta] biex joqogħdu għall-​maġistrati u għal l-​awtorità, jobduhom u jkunu dejjem imhejjija għal kull opra tajba; biex ma jkasbru ’l ħadd, jaħarbu t-​tilwim, ikunu umli, jimxu bil-​ħlewwa maʼ kulħadd.”—Titu 3:1, 2.

Fehma Progressiva Dwar “L-​Awtoritajiet Superjuri”

12. (a) Charles Taze Russell x’kien iqis bħala l-​pożizzjoni xierqa taʼ Kristjan f’konnessjoni maʼ l-​awtoritajiet governattivi? (b) Rigward li jaqdu fil-​forzi armati, Kristjani midlukin liema pożizzjonijiet varji ħadu matul l-​Ewwel Gwerra Dinjija?

12 Sa kmieni mis-​sena 1886, Charles Taze Russell kiteb fil-​ktieb The Plan of the Ages: “La Ġesù u lanqas l-​Appostli ma ndaħlu b’xi mod lill-​ħakkiema taʼ l-​art. . . . Huma għallmu lill-​Knisja biex tobdi l-​liġijiet, u biex tirrispetta lil dawk fl-​awtorità minħabba l-​kariga tagħhom, . . . biex tħallas it-​taxxi stabbiliti minnhom, u ħlief fejn huma jmorru kontra l-​liġijiet t’Alla (Atti 4:19; 5:29) biex ma toffri ebda reżistenza għal xi liġi li tkun ġiet stabbilita. (Rum. 13:1-7; Matt. 22:21) Ġesù u l-​Appostli u l-​knisja bikrija kienu kollha jħarsu l-​liġi, għalkemm kienu sseparati minn, u ma ħadu ebda sehem fil-​gvernijiet taʼ din id-​dinja.” Dan il-​ktieb identifika b’mod korrett is-​“setgħa aktar għolja,” (KŻ) jew “l-​awtoritajiet superjuri,” (NW) imsemmijin mill-​appostlu Pawlu, bħala awtoritajiet governattivi umani. (Rumani 13:​1) Fl-​1904 il-​ktieb The New Creation stqarr li Kristjani veri “għandhom jinstabu fost l-​iktar nies taż-​żmien preżenti li jħarsu l-​liġi​—mhux xewwiexa, mhux ġellidin, mhux uħud li jsibu d-​difetti.” Dan kien mifhum minn xi wħud bħala li jfisser sottomissjoni totali lejn il-​qawwiet li jkunu fil-​gvern, saħansitra sal-​punt li jaċċettaw servizz fil-​forzi armati matul l-​Ewwel Gwerra Dinjija. Oħrajn, madankollu, ħarsu lejh bħala kuntrarju għall-​istqarrija taʼ Ġesù: “Kull min jaqbad is-​sejf, bis-​sejf jinqered.” (Mattew 26:52) Ovvjament, kienet meħtieġa fehma iżjed ċara dwar sottomissjoni Kristjana lejn l-​awtoritajiet superjuri.

13. Liema bidla fil-​fehma dwar l-​identità tas-​setgħat iktar għolja kienet ippreżentata fl-​1929, u din kif sfat taʼ benefiċċju?

13 Fis-​sena 1929, fi żmien meta liġijiet taʼ diversi gvernijiet kienu qegħdin jibdew jipprojbixxu affarijiet li Alla jikkmanda jew jesiġu affarijiet li l-​liġijiet t’Alla jipprojbixxu, kien maħsub li s-​setgħat iktar għolja jridu jkunu Alla Jehovah u Ġesù Kristu.b Din kienet il-​fehma li kellhom il-​qaddejja taʼ Jehovah matul il-​perijodu kruċjali taʼ qabel u matul it-​Tieni Gwerra Dinjija u nibqgħu sejrin sal-​Gwerra l-​Bierda, bil-​bilanċ tagħha taʼ terrur u t-​tħejjija militari tagħha. Meta nħarsu lura, huwa evidenti li din il-​ħarsa, li kienet teżalta s-​supremazija taʼ Jehovah u tal-​Kristu tiegħu, għenet lin-​nies t’Alla jżommu waqfa newtrali bla ebda kompromess matul dan il-​perijodu diffiċli.

Sottomissjoni Relattiva

14. Kif ġie mitfugħ dawl miżjud fuq Rumani 13:1, 2 u skritturi relatati fl-​1962?

14 Fis-​sena 1961 tlestiet in-​New World Translation of the Holy Scriptures. Il-​preparazzjoni tagħha kienet tirrikjedi studju fil-​fond tal-​lingwaġġ testwali taʼ l-​Iskrittura. It-​traduzzjoni preċiża tal-​kliem użat mhux biss f’Rumani kapitlu 13 imma wkoll f’passaġġi bħalma huma Titu 3:1, 2 u 1 Pietru 2:13, 17 għamlet evidenti li t-​terminu “awtoritajiet superjuri” kien jirreferi, mhux għall-​Awtorità Suprema, Jehovah, u għal Ibnu, Ġesù, imma għal awtoritajiet governattivi umani. Tard fl-​1962, ġew ippubblikati artikli f’The Watchtower li taw spjegazzjoni eżatta taʼ Rumani kapitlu 13 u pprovdew ukoll ħarsa iżjed ċara minn dik li kienet teżisti fi żmien C. T. Russell. Dawn l-​artikli wrew li sottomissjoni Kristjana lejn l-​awtoritajiet ma tistax tkun totali. Trid tkun relattiva, suġġetta għal li ma ġġibx lill-​qaddejja t’Alla f’konflitt mal-​liġijiet t’Alla. Artikli oħrajn f’It-Torri Taʼ l-​Għassa enfasizzaw dan il-​punt importanti.c

15, 16. (a) Il-​fehma ġdida taʼ Rumani kapitlu 13 wasslet għal liema ħarsa iktar ibbilanċjata? (b) Liema mistoqsijiet baqaʼ x’jitwieġbu?

15 Din iċ-​ċavetta għall-​fehma korretta taʼ Rumani kapitlu 13 għenet lin-​nies taʼ Jehovah biex jibbilanċjaw rispett dovut għall-​awtoritajiet politiċi maʼ waqfa bla ebda kompromess għal prinċipji Skritturali vitali. (Salm 97:11; Ġeremija 3:15) Dan ippermettielhom ikollhom ħarsa xierqa dwar ir-​relazzjoni tagħhom m’Alla u l-​kuntatti tagħhom maʼ l-​Istat. Dan żgura li fil-​waqt li huma jħallsu lura lil Ċesri l-​affarijiet taʼ Ċesri, ma jittraskurawx li jħallsu lura l-​affarijiet t’Alla lil Alla.

16 Imma eżattament x’inhuma l-​affarijiet taʼ Ċesri? Liema esiġenzi leġittimi jistaʼ l-​Istat jagħmel fuq Kristjan? Dawn il-​mistoqsijiet se jiġu kkunsidrati fl-​artiklu li jmiss.

[Noti taʼ taħt]

a Ara n-​New World Translation Salm 103:​22, nota taʼ taħt.

b The Watchtower taʼ l-​1 u tal-​15 taʼ Ġunju, 1929.

c Ara The Watchtower taʼ l-​1 u l-​15 taʼ Novembru, l-​1 taʼ Diċembru, 1962; It-​Torri Taʼ L-​Għassa taʼ l-​1 taʼ Frar, 1991; l-​1 taʼ Mejju, 1993; l-​1 taʼ Lulju, 1994.

Taʼ interess, fil-​kummentarju tiegħu dwar Rumani kapitlu 13, il-​Professur F. F. Bruce jikteb: “Huwa ċar mill-​kuntest immedjat, bħalma hu mill-​kuntest ġenerali tal-​kitbiet appostoliċi, li l-​istat jistaʼ bi dritt jikkmanda ubbidjenza biss fil-​limiti taʼ l-​iskopijiet li għalihom dan kien imwaqqaf b’mod divin​—b’mod partikulari, l-​istat mhux biss jistaʼ imma jrid jiġi rreżistit meta dan jesiġi l-​lealtà dovuta lil Alla waħdu.”

Tistaʼ Tispjega Int?

◻ Sottomissjoni lejn l-​awtoritajiet superjuri għala ma tfissirx sottomissjoni lejn Satana?

◻ X’kienet l-​attitudni taʼ Ġesù lejn il-​politika taʼ żmienu?

◻ Ġesù liema parir ta lis-​segwaċi tiegħu rigward il-​kuntatti tagħhom maʼ Ċesri?

◻ Pawlu kif ta parir lil Kristjani biex jittrattaw mal-​mexxejja tal-​ġnus?

◻ Il-​fehma dwar l-​identità taʼ l-​awtoritajiet superjuri kif żviluppat matul is-​snin?

[Stampa f’paġna 23]

Meta Satana offrielu poter politiku, Ġesù rrifjutah

[Stampa f’paġna 26]

Russell kiteb li Kristjani veri “għandhom jinstabu fost l-​iktar nies taż-​żmien preżenti li jħarsu l-​liġi”

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja