KAPITLU 66
F’Ġerusalemm għall-Festa tal-Għerejjex
ĠESÙ JGĦALLEM FIT-TEMPJU
Ġesù sar magħruf sew matul is-snin minn mindu tgħammed. Eluf taʼ Lhud raw il-mirakli tiegħu, u rapporti dwar l-għemejjel li għamel inxterdu mal-art kollha. Issa, fil-Festa tal-Għerejjex (jew, tat-Tabernakli) f’Ġerusalemm, ħafna qed ifittxuh.
Hemm diversi opinjonijiet dwar Ġesù. Xi wħud jgħidu: “Hu raġel tajjeb.” Oħrajn jgħidu: “M’huwiex, imma qed iqarraq bil-folla.” (Ġwanni 7:12) Ħafna minn dan id-diskors minn taħt iseħħ waqt l-ewwel ftit jiem tal-festa. Iżda ħadd m’għandu l-kuraġġ jiddefendi lil Ġesù fil-beraħ għax ilkoll jibżgħu mir-reazzjoni tal-mexxejja Lhud.
F’nofs il-festa, Ġesù jmur fit-tempju. Ħafna min-nies jibqgħu mbellhin bl-abbiltà meraviljuża li għandu biex jgħallem. Hu qatt ma mar fi skejjel reliġjużi, allura l-Lhud jistaqsu bejnhom u bejn ruħhom: “Dan ir-raġel kif għandu dan l-għarfien u t-tagħlim kollu, meta ma studjax fl-iskejjel?”—Ġwanni 7:15.
“Dak li ngħallem m’huwiex tiegħi,” jispjega Ġesù, “imma taʼ dak li bagħatni. Jekk xi ħadd jixtieq jagħmel ir-rieda Tiegħu, ikun jaf jekk it-tagħlim huwiex minn Alla jew jekk iniex nitkellem minni nnifsi.” (Ġwanni 7:16, 17) It-tagħlim taʼ Ġesù hu fi qbil mal-Liġi t’Alla, allura għandu jkun ovvju li qed ifittex il-glorja t’Alla, u mhux tiegħu nnifsu.
Imbagħad Ġesù jgħid: “Mhux Mosè takom il-Liġi? Imma ħadd minnkom ma jobdiha l-Liġi. Għala qed tipprovaw toqtluni?” Xi wħud fil-folla, x’aktarx viżitaturi minn barra l-belt, ma jafux li qed isiru dawn l-attentati. Huma ma jistgħux jemmnu li xi ħadd jixtieq joqtol għalliem bħal dan. Għalhekk, huma jikkonkludu li Ġesù bilfors għandu xi ħaġa ħażina biex qed jgħid hekk. Huma jgħidu: “Int għandek demonju. Min qed jipprova joqtlok?”—Ġwanni 7:19, 20.
Fil-fatt, sena u nofs qabel, il-mexxejja Lhud riedu joqtlu lil Ġesù wara li kien fejjaq lil wieħed raġel fis-Sabat. Ġesù issa juża rraġunar li jqanqal il-ħsieb u li jikxef kemm dawn mhumiex raġunevoli. Hu jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li skont il-Liġi, tarbija tifel għandu jiġi ċirkonċiż fit-tmien jum, anki jekk dan ikun is-Sabat. Imbagħad jistaqsi: “Jekk raġel issirlu ċ-ċirkonċiżjoni fis-Sabat sabiex ma tinkisirx il-liġi taʼ Mosè, għala intom irrabjati bl-aħrax għalija għax fejjaqt għalkollox lil wieħed raġel fis-Sabat? Tibqgħux tiġġudikaw fuq dak li jidher minn barra, imma ġġudikaw b’ġudizzju ġust.”—Ġwanni 7:23, 24.
Residenti taʼ Ġerusalemm li jafu bis-sitwazzjoni jgħidu: “Dan m’huwiex ir-raġel li [l-ħakkiema] qed ifittxuh biex joqtluh? Iżda, ara! Qed jitkellem fil-pubbliku, u m’huma jgħidulu xejn. Il-ħakkiema ma sarux jafu fiċ-ċert li dan hu l-Kristu, hux hekk?” Allura, in-nies għala ma jemmnux li Ġesù hu l-Kristu? “Aħna nafu minfejn hu dan ir-raġel; iżda meta jiġi l-Kristu, ħadd m’għandu jkun jaf minfejn hu,” jgħidu huma.—Ġwanni 7:25-27.
Hemmhekk stess fit-tempju, Ġesù jwieġeb: “Intom tafu kemm lili u kemm minfejn jien. Ukoll, jien ma ġejtx minn rajja, imma dak li bagħatni jeżisti tassew, u intom ma tafuhx. Jien nafu, għax jien rappreżentant tiegħu, u Hu bagħatni.” (Ġwanni 7:28, 29) Bħala reazzjoni għal din l-istqarrija ċara, ikun hemm attentat biex jaqbdu lil Ġesù, biex jew jitfgħuh il-ħabs jew inkella joqtluh. Madankollu, l-attentat ma jirnexxix għax għadu mhuwiex il-waqt biex Ġesù jmut.
Iżda ħafna xorta jpoġġu fidi f’Ġesù, kif fuq kollox għandu jkun. Hu mexa fuq l-ilma, ikkalma l-irwiefen, b’mod mirakoluż temaʼ lil eluf bi ftit ħobż u ħut, fejjaq lill-morda, għamel iz-zopop jimxu, fetaħ għajnejn l-għomja, fejjaq lill-imġiddmin, u saħansitra qajjem lill-mejtin. Iva, mhux taʼ b’xejn jistaqsu: “Meta jasal il-Kristu mhux se jwettaq iktar sinjali milli wettaq dan ir-raġel, hux hekk?”—Ġwanni 7:31.
Meta l-Fariżej jisimgħu lill-folla tgħid dawn l-affarijiet, huma u l-qassisin ewlenin jibagħtu lil xi uffiċjali biex jarrestaw lil Ġesù.