Int Tistaʼ Ssib Rikkezzi li Jiswew Iktar mid-Deheb!
IL-VERITAJIET fil-Bibbja jistgħu jiġu mxebbhin maʼ deheb, fidda, jew teżori moħbijin oħra. Għalkemm int forsi qatt ma mort tfittex għad-deheb jew għall-fidda litterali, x’aktarx li tirrealizza li dan ikun jinħtieġ ħafna xogħol iebes u persistenza. U spiss jiġri li dak li jkun qed ifittex joħroġ diżappuntat.
Madankollu, diżappunt bħal dan qatt ma jirriżulta meta nfittxu teżori moħbijin fil-Bibbja. Innota din il-garanzija nkuraġġanti: “Jekk int tibqaʼ tfittex għalih bħal kieku għall-fidda, u bħal kieku għal teżori moħbija int tibqaʼ tfittex għalih, f’dak il-każ int se tifhem il-biżaʼ taʼ Jehovah, u int se ssib il-għarfien innifsu t’Alla.” (Proverbji 2:4, 5) Imma int trid tfittex.
“Fittex u Ara”
“Fittex u ara li ebda profeta ma jrid jiġi mqajjem mill-Galilija.” Dan kien il-parir li xi Fariżej Lhud tal-ewwel seklu taw lil Nikodemu, li hu wkoll kien Fariżew. “Fittex u ara.” Parir tajjeb, tabilħaqq. Kien possibbli li tfittex u ssib il-verità—xi ħaġa li hi ferm iktar taʼ valur mid-deheb.
F’dak il-każ partikulari, madankollu, dawk li taw il-parir biex ‘tfittex u tara’ naqsu li jaġixxu hekk huma stess. Dan kif?
Il-qassisin ewlenin u l-Fariżej kienu bagħtu lil xi uffiċjali biex jarrestaw lil Ġesù Kristu. Impressjonati ferm bil-mod taʼ kif kien igħallem, l-uffiċjali marru lura b’idhom vojta. Għaldaqstant, il-Fariżej staqsewhom: “Ma ġejtux żvijati intom ukoll, jaqaw?” Nikodemu tkellem u qal: “Il-liġi tagħna ma tiġġudikax bniedem qabel ma l-ewwel tkun semgħet lilu u saret taf x’inhu jagħmel, hux hekk?” Dan il-kliem wassal għall-parir biex ‘ifittex u jara.’—Ġwann 7:32, 45-52.
Il-qassisin u l-Fariżej kif kienu naqsu? Huma ma kinux jafu jew irrikonoxxew li għalkemm Ġesù ġie mrobbi fil-Galilija, hu twieled f’Betlehem. Il-profeta Mikea kien bassar: “Minnek [Betlehem] se joħroġli dak li għandu jsir ħakkiem f’Iżrael.” (Mikea 5:2) Mela dawk l-irġiel importanti ma fittxewx u raw il-kredenzjali taʼ Ġesù bħala profeta, wieħed li kellu jsir ħakkiem f’Iżrael. Dan wassal għal konsegwenzi tragiċi, u juri kemm huwa vitali li tfittex u tikseb il-verità kollha dwar il-kwistjonijiet. Imma l-verità kif spiss iħarsu lejha?
Il-Verità Saret Imħassra
“Il-verità pura, bħad-deheb pur, instabet li mhix tajba biex tiġi ċċirkolata, għaliex il-bnedmin skoprew li huwa ferm iktar konvenjenti li jħassru l-verità milli jirfinaw lilhom infushom,” qal kittieb tas-seklu 19. Kemm għadhom indikattivi dawn il-kelmiet rigward il-qasam reliġjuz tad-dinja! Wara l-kwinti taʼ dan it-tħassir tal-verità hemm “missier il-gidba,” Satana x-Xitan. (Ġwann 8:44; Rivelazzjoni 12:9) Hu juża r-reliġjon falza biex iħassar tagħlim veru dwar mistoqsijiet vitali bħal dawn: Min hu Alla? X’inhi r-relazzjoni taʼ Ġesù miegħu? X’inhu d-destin tal-art u tal-umanità?
Il-qassisin u l-Fariżej setgħu fittxew u sabu l-verità. Huma setgħu sabu rikkezzi li jiswew ferm iktar mid-deheb. Iva, huma setgħu kisbu l-verità kollha dwar Ġesù billi ‘jisimgħu mingħandu u jsiru jafu x’kien qed jagħmel,’ bħalma ssuġġerixxa Nikodemu. Kieku kienu sinċieri f’li jagħmlu dan, bla dubju Ġesù kien jispjegalhom l-affarijiet, bħalma għamel lid-dixxipli tiegħu. (Mark 4:34) Imma fejn nistgħu nsibuha l-verità pura llum? Tabilħaqq, hemm xi garanzija li nistgħu b’suċċess infittxu u niksbu l-verità kollha?