Il-Ħajja u l-Ministeru taʼ Ġesù
In-Nuqqas taʼ Twemmin Stinat tal-Fariżej
IL-ĠENITURI taʼ dak li darba kien tallab għami qed jibżgħu meta jiġu msejħin quddiem il-Fariżej. Huma jafu li ġie ddeterminat li jiġi mkeċċi mis-sinagoga kull min jesprimi fidi f’Ġesù. Dan il-qtugħ taʼ sħubija minn maʼ oħrajn fil-komunità jistaʼ jkun taʼ tbatija tremenda, speċjalment għal familja fqira. Għalhekk il-ġenituri huma attenti ħafna.
“Huwa dan binkom li intom tgħidu twieled għami?” jistaqsu l-Fariżej. “Kif, mela, inhu li jara fil-preżent?”
“Aħna nafu li dan huwa binna u li kien imwieled għami,” jikkonfermaw il-ġenituri. “Imma kif issa qiegħed jara ma nafux, jew min fetaħlu għajnejh ma nafux.” Żgur li binhom qalilhom dak kollu li ġara, imma l-ġenituri jgħidu bil-għaqal: “Staqsu lilu. Għandu l-età. Irid jitkellem għalih innifsu.”
Għalhekk, il-Fariżej jerġgħu jsejħu lir-raġel. Din id-darba huma jippruvaw jintimidawh billi jindikaw li ġabru xi evidenza li tinkrimina lil Ġesù. “Agħti glorja lil Alla,” huma jitolbu. “Aħna nafu li dan ir-raġel huwa midneb.”
Ir-raġel li darba kien għami ma jiċħadx l-akkuża tagħhom, billi josserva: “Jekk huwiex midneb ma nafx.” Imma hu jżid: “Ħaġa waħda naf, li, fil-waqt li kont għami, jien nara fil-preżent.”
Biex jippruvaw isibu difett fix-xiehda tiegħu, il-Fariżej jerggħu jistaqsu: “X’għamillek? Kif fetaħlek għajnejk?”
“Għidtilkom diġà,” jilmenta r-raġel, “u madankollu intom ma smajtux. Għala tridu terġgħu tisimgħuh dan?” B’mod sarkastiku, hu jistaqsi: “Ma tridux issiru d-dixxipli tiegħu wkoll, hux hekk?”
Din it-tweġiba tirrabja lill-Fariżej. “Inti dixxiplu taʼ dak ir-raġel,” huma jakkużaw, “imma aħna dixxipli taʼ Mosè. Aħna nafu li Alla tkellem maʼ Mosè; imma nkwantu għal dan ir-raġel, ma nafux mnejn hu.”
Waqt li jinħasad, it-tallab umli jwieġeb: “Din żgur li hi ħaġa tal-għaġeb, li ma tafux mnejn hu, u madankollu hu fetaħli għajnejja.” Liema konklużjoni għandha tittieħed minn dan? It-tallab jiġbed l-attenzjoni lejn l-argument aċċettat: “Aħna nafu li Alla ma jismax mill-midinbin, imma jekk xi ħadd jibżaʼ minn Alla u jagħmel ir-rieda tiegħu, hu jismaʼ minn dan il-wieħed. Mill-qedem qatt ma nstemaʼ li xi ħadd fetaħ il-għajnejn taʼ wieħed imwieled għami.” B’hekk, il-konklużjoni għandha tkun ovvja: “Kieku dan ir-raġel ma kienx minn Alla, hu ma setaʼ jagħmel xejn affattu.”
Il-Fariżej m’għandhom ebda tweġiba għal loġika ċara u onesta bħal din. Huma ma jistgħux jiffaċċjaw il-verità, u għalhekk huma jgħajru lir-raġel: “Inti kont imwieled għalkollox fid-dnubiet, u madankollu qed tgħallem lilna?” Għal dan, huma jitfgħu lir-raġel ’il barra, billi mid-dehra jkeċċuh mis-sinagoga.
Meta Ġesù jsir jaf b’dak li huma għamlu, hu jsib lir-raġel u jgħid: “Qiegħed int tpoġġi fidi f’Bin il-bniedem?”
“Min huwa, sinjur,” iwieġeb it-tallab li darba kien għami, “biex inkun nistaʼ npoġġi fidi fih?”
“Dak li qiegħed jitkellem miegħek huwa dak il-wieħed,” iwieġeb Ġesù.
Minnufih, ir-raġel jitbaxxa quddiem Ġesù u jgħid: “Jien tassew inpoġġi fidi fih, Mulej.”
Ġesù mbagħad jispjega: “Għal dan il-ġudiżzju jien ġejt ġo din id-dinja: biex dawk li mhux qed jaraw jistgħu jaraw u dawk li qed jaraw jistgħu jsiru għomja.”
Għal dan, xi Fariżej li qegħdin jisimgħu jistaqsu: “Aħna m’aħniex għomja wkoll, hux hekk?” Kieku kellhom jirrikonoxxu li huma kienu għomja mentalment, kien ikun hemm skuża għall-oppożizzjoni tagħhom lejn Ġesù. Bħalma jgħidilhom Ġesù: “Kieku kontu għomja, ma kien ikollkom ebda dnub.” Madankollu, huma, b’qalb iebsa, jinsistu li m’humiex għomja u ma jeħtieġu ebda tidwil spiritwali. Għalhekk Ġesù josserva: “Issa intom tgħidu, ‘Aħna naraw.’ Id-dnub tagħkom jibqaʼ.” Ġwann 9:19-41.
◆ Il-ġenituri tat-tallab li darba kien għami għala huma beżgħana meta jiġu msejħin quddiem il-Fariżej, u għalhekk kif iwieġbu b’attenzjoni kbira?
◆ Il-Fariżej kif jippruvaw jintimidaw lir-raġel li darba kien għami?
◆ Liema argument loġiku tar-raġel jimla bil-korla lill-Fariżej?
◆ Il-Fariżej għala huma bla skuża għall-oppożizzjoni tagħhom lejn Ġesù?