“Ħalli Kulmin Jismaʼ Jgħid: ‘Ejja!’”
“L-ispirtu u l-għarusa jibqgħu jgħidu: ‘Ejja!’ U ħalli kulmin jismaʼ jgħid: ‘Ejja!’ U ħalli kulmin hu bil-għatx jiġi; ħalli kulmin jixtieq jieħu l-ilma tal-ħajja b’xejn.”—RIVELAZZJONI 22:17.
1. Lejn liema “ilma” mistednin biex ‘niġu!’?
INTI mistieden biex ‘tiġi!’ Tiġi għal liema ħaġa? Sewwa, ejja biex taqtaʼ l-għatx tiegħek bl-ilma. Dan mhux ilma ordinarju imma hu l-istess ilma li Ġesù Kristu tkellem dwaru meta qal lill-mara Samaritana ħdejn il-bir: “Kulmin jixrob mill-ilma li se nagħtih jien qatt ma se jaqbdu għatx assolutament, imma l-ilma li se nagħtih se jsir fih għajn taʼ ilma jbaqbaq biex jagħti l-ħajja taʼ dejjem.” (Ġwann 4:14) Ġesù minfejn ġabu dan l-“ilma”?
2. X’inhu s-sors tal-“ilma,” u biss wara liema ġrajja setaʼ jgelgel?
2 L-appostlu Ġwanni kien ipprivileġġjat li jara f’viżjoni s-sors li minnu ħareġ dan l-“ilma,” kif innota f’Rivelazzjoni 22:1: “Urieni xmara taʼ ilma tal-ħajja, ċar daqs il-kristall, igelgel ’il barra mit-tron t’Alla u tal-Ħaruf.” Iva, is-sors taʼ dan l-ilma ċar daqs il-kristall b’elementi li jagħtu l-ħajja m’hu ħadd għajr Dak li Jagħti l-Ħajja, Jehovah innifsu, li jagħmlu disponibbli permezz tal-Ħaruf, Ġesù Kristu. (Qabbel Rivelazzjoni 21:6.) Ladarba jissemma t-“tron t’Alla u tal-Ħaruf,” irid ikun wara t-twaqqif tas-Saltna Messjanika fl-1914, jiġifieri, wara li beda jum il-Mulej, li l-ilma tal-ħajja jibda jgelgel.—Rivelazzjoni 1:10.
3, 4. L-“ilma” x’jirrappreżenta, u għal min irid ikun disponibbli?
3 Dan l-ilma tal-ħajja x’jissimbolizza? Hu jagħti stampa tal-provvediment t’Alla biex jirrestawra ħajja umana perfetta, ħajja taʼ dejjem fil-perfezzjoni fuq art mibdula f’ġenna. L-ilma tal-ħajja jirrappreżenta l-provvedimenti kollha għal ħajja permezz taʼ Ġesù Kristu. Huwa dan kollu disponibbli issa? Le, mhux kollu kemm hu, għax Alla jrid l-ewwel ineħħi s-sistema taʼ affarijiet preżenti mill-agħar bil-mexxej inviżibbli tagħha, Satana x-Xitan. Imma aħna nistghu nieħdu dak li hu disponibbli minn dan l-“ilma” issa billi nisimgħu u nobdu l-aħbar tajba tas-Saltna u nġibu l-ħajjiet tagħna fi qbil maʼ dan. —Ġwann 3:16; Rumani 12:2.
4 B’hekk, wara li wera lil Ġwanni x-’xmara tal-ħajja,’ Ġesù tkellem maʼ Ġwanni dwar il-għan Tiegħu f’li jibgħat l-anġlu Tiegħu bil-viżjoni. Imbagħad Ġwanni semaʼ l-proklama: “L-ispirtu u l-għarusa jibqgħu jgħidu: ‘Ejja!’ U ħalli kulmin jismaʼ jgħid: ‘Ejja!’ U ħalli kulmin hu bil-għatx jiġi; ħalli kulmin jixtieq jieħu l-ilma tal-ħajja b’xejn.” (Rivelazzjoni 22:17) Għaldaqstant, qaddejja t’Alla jestendu l-istedina lil uħud bil-għatx biex jibdew jixorbu mill-provvedimenti t’Alla biex jiksbu ħajja eterna fuq l-art permezz tal-Ħaruf t’Alla.—Ġwann 1:29.
Tqum Ħtieġa għal Ilmijiet tal-Ħajja
5. L-umanità kif ġiet fil-bżonn taʼdan il-provvediment divin?
5 B’ħasra, l-ewwel ġenituri tal-familja umana ma żammewx mal-korsa taʼ ħajja li setgħet tagħti lin-nisel tagħhom l-opportunità li jgawdu ħajja umana perfetta għal dejjem f’dar ġenna. Ħajja taʼ dejjem għall-bnedmin kienet tinħtieġ li Adam jagħmel il-għażla intelliġenti li jaqdi lill-Ħallieq tiegħu bl-ubbidjenza. Taħt l-influwenza taʼ ħlejqa spirtu ribelluż, Eva bdiet iċ-ċaqlieqa li wasslet għall-mewt tal-umanità, u Adam, ir-raġel perfett tagħha, għażel li jingħaqad magħha f’dik il-korsa li ġġib il-mewt. B’hekk, bħala dak li jagħti l-ħajja naturali lil ġenerazzjonijiet suċċessivi taʼ bnedmin Adam kien verament dak il-wieħed li introduċa l-avvanz tal-mewt għal ġol-familja umana kollha. Huwa b’hekk li l-Bibbja tistqarr: “Permezz taʼ bniedem wieħed id-dnub daħal fid-dinja u l-mewt permezz tad-dnub, u b’hekk il-mewt infirxet fuq il-bnedmin kollha għaliex kollha kienu dinbu.” (Rumani 5:12) Kien wara li Adam u Eva waqgħu fid-dnub li huma bdew iżidu membri ġodda mal-familja umana.—Salm 51:5.
6. Jehovah għala rranġa biex l-“ilma” jkun disponibbli?
6 Kien Alla se jinżamm għal dejjem milli jwettaq il-għan tiegħu taʼ ġenna tal-art mimlija bi bnedmin perfetti? It-tweġiba Biblika hi, naturalment, le! Madankollu, bil-għan li jwettaq l-iskop tiegħu, Jehovah għamel provvediment taʼ mħabba li kien se jaġixxi kontra l-falliment diżastruż taʼ Adam u madankollu jkun f’armonija sħiħa mal-ġustizzja u t-tjieba, li tagħhom Hu l-espressjoni sħiħa u konklussiva. Hu jagħmel dan permezz tax-“xmara taʼ ilma tal-ħajja.” Permezz tagħha, hu se jirrestawra ħajja umana perfetta lil bnedmin ubbidjenti, li għalihom ġiet miċħuda r-resqa lejn is-Sors tal-ħajja. Din ix-xmara tgelgel fis-sens l-iktar sħiħ tagħha matul ir-Renju taʼ Elf Sena taʼ Ġesù Kristu. B’hekk, matul il-Ħakma Millennjali taʼ Kristu, bnedmin, inklużi dawk irxoxtati mill-mewt, iridu jixorbu mix-“xmara taʼ ilma tal-ħajja.”−Qabbel Eżekjel 47:l-10; Atti 24:15.
7. Fuq liema bażi jsir il-provvediment għall-“ilma”?
7 Jehovah jieħu gost bil-ħajja tiegħu stess u hu jieħu gost ukoll jagħti l-privileġġ taʼ ħajja intelliġenti lil xi wħud mill-ħolqien tiegħu. Il-bażi tal-provvedimenti taʼ Jehovah li jagħtu l-ħajja hi s-sagrifiċċju taʼ fidwa taʼ Ġesù. (Mark 10:45. 1 Ġwann 4:9, 10) Involuta wkoll hija l-Kelma t’Alla, li l-Bibbja xi drabi ssejjaħ “ilma.” (Efesin 5:26) Alla Jehovah huwa liberu li jgħid, “Ejja!” lil ħlejjaq umani, li sofrew it-telfa tal-provvedimenti oriġinali li Alla għamel għall-koppja umana perfetta, Adam u Eva.
Il-Klassi tal-Għarusa Testendi l-Istedina, “Ejja!”
8. Lil min u meta ġie pprovdut l-ewwel dan l-“ilma”?
8 L-ewwel nies li jestendu l-istedina “Ejja!” huma dawk li jiffurmaw il-għarusa figurattiva tal-Ħaruf, l-Iben spiritwali Imwieled l-ewwel taʼ Jehovah. (Rivelazzjoni 14:1, 3, 4; 21:9) Il-għarusa spiritwali taʼ Kristu mhix tgħid “Ejja!” lilha nfisha, jiġifieri, lil dawk li Alla Jehovah għad irid jiġbor bħala parti mill-klassi tal-għarusa sabiex jagħmilha tgħodd 144,000. Dawk il-kelmiet taʼ stedina huma estiżi lil bnedmin li jittamaw li jiksbu ħajja umana perfetta fuq l-art wara Armageddon. (Rivelazzjoni 16:14, 16) Matul din il-konklużjoni tas-sistema taʼ affarijiet mill-1914 ’il hawn, aħna smajna l-istedina tiġi estiża mill-“għarusa,” f’kollaborazzjoni mal-ispirtu qaddis t’Alla.
9. Kif nafu li m’huwiex biss għal grupp żgħir?
9 B’mod kommoventi, l-aħħar ktieb tal-Bibbja juri li ‘folla kbira, li l-ebda bniedem maʼ setaʼ jgħoddha,’ kellha twieġeb għall-proklamazzjoni tal-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla u b’mod sod kienu se jpoġġu lilhom infushom fuq in-naħa taʼ dak il-gvern irjali. (Rivelazzjoni 7:9, 10, 16, 17) Int wieħed minn dik il-folla kbira? Mela, “ħalli kulmin jismaʼ jgħid: ‘Ejja!’”
L-Ispirtu u l-Għarusa Jgħidu, “Ejja!”
10. Fejn irid joriġina l-ilma simboliku, u għala?
10 Imma Alla u l-Għarus figurattiv għala m’humiex imsemmijin f’Rivelazzjoni 22:17? L-ewwel, innota li l-vers ma jgħidx taħt id-direzzjoni taʼ min jaġixxi l-ispirtu. Madankollu, ir-referenza għal spirtu tidderieġi l-attenzjoni tagħna lejn Alla Jehovah innifsu. Il-Missier mhux mitfugħ ’il barra mill-istampa, ladarba hu l-istess Sors taʼ spirtu qaddis. It-tieni, l-Iben jikkopera għalkollox maʼ Missieru, bħalma hu nnifsu jgħid: “L-Iben ma jistaʼ jagħmel lanqas ħaġa waħda bl-inizzjattiva tiegħu stess, imma dak biss li hu jilmaħ lil Missieru jagħmel.” (Ġwann 5:19) Barra minn dan, fil-waqt li din l-istedina hija stqarrija mnebbħa li fl-aħħar mill-aħħar toriġina mingħand Alla Jehovah, bnedmin jistgħu jirċievu direzzjoni divina, jew “espressjonijiet imnebbħa,” permezz taʼ Ġesù Kristu, “il-Kelma.” (Rivelazzjoni 22:6; ukoll 22:17 Reference Bible, nota taʼ taħt. Ġwann 1:1) B’mod xieraq, mela, aħna nassoċjaw lil Kristu, l-Għarus, maʼ din l-istedina. Iva, nistgħu nkunu żguri li kemm Alla Jehovah, Missier il-Għarus, u kemm Ġesù Kristu, l-Għarus, jingħaqdu mal-“għarusa” permezz tal-ispirtu qaddis f’li jgħidu, “Ejja!”
11, 12. (a) Liema indikazzjoni bikrija kien hemm li l-istedina biex tixrob kellha tinfirex? (b) Il-kwistjoni kif saret dejjem iżjed ċara matul is-snin?
11 Għal għaxriet taʼ snin din l-istedina “Ejja!” ilha tmur għand nies bil-għatx għal “ilma tal-ħajja.” Saħansitra lura fl-1918, il-klassi tal-għarusa bdiet tippriedka messaġġ li b’mod partikulari kien jinvolvi lil dawk li setgħu jgħixu fuq l-art. Kienet it-taħdita pubblika intitolata “Millions Now Living May Never Die” (Miljuni Issa Ħajjin Jistgħu Ma Jmutu Qatt). Din offriet tama li ħafna nies kienu se jibqgħu ħajjin f’Armageddon u wara dan jiksbu ħajja eterna f’Ġenna tal-art taħt is-Saltna Messjanika t’Alla. Imma dak il-messaġġ ma weriex b’mod definit it-triq għal dan il-privileġġ taʼ salvazzjoni, għajr bi tjieba inġenerali.
12 Biex jilħqu iżjed nies bl-istedina, “Ejja!” fl-1922 il-messaġġ mar għand dawk kollha li kienu interessati f’li jaqdu ’l Alla: “Irriklamaw lis-Sultan u lis-Saltna.” Fl-1923 il-klassi tal-għarusa fehmet li “n-ngħaġ” u “l-mogħoż” tal-parabbola taʼ Ġesù f’Mattew 25:3l-46 jidhru qabel Armageddon. Imbagħad, fl-1929, The Watch Tower tal-15 taʼ Marzu ġab l-artiklu “Gracious Invitation” (Stedina Grazzjuża). It-test ewlieni tiegħu kien Rivelazzjoni 22:17, u enfasizza r-responsabbiltà tal-klassi tal-għarusa li testendi l-istedina, “Ejja!”−Paġni 87-9.a
Ngħaġ Oħra Jingħaqdu f’li jgħidu, “Ejja!”
13, 14. Fis-snin tletin, liema kjarifika oħra ġiet ipprovduta li oħrajn kellhom jixorbu mill-ilma simboliku?
13 Barra minn dan, saħansitra lura fl-1932 The Watchtower indika ċar ir-responsabbiltà tan-“ngħaġ oħra,” fis-sehem tagħhom, li jgħidu, “Ejja!” (Ġwann l0:16) Fil-ħarġa tiegħu tal-1 t’Awissu, paġna 232, paragrafu 29 stqarr: “Xhieda taʼ Jehovah issa għandhom iż-żelu bħal dak taʼ Ġeħu u għandhom jinkuraġġixxu lill-klassi taʼ Ġeħonadab [ngħaġ oħra] biex jiġu magħhom u biex jieħdu xi sehem f’li jxandru lil oħrajn li s-saltna t’Alla hija qrib.” Imbagħad, wara li kkwota Rivelazzjoni 22:17, il-paragrafu qal: “Ħalli l-midlukin jinkuraġġixxu lil dawk kollha li jridu biex jieħdu sehem f’li jgħidu l-aħbar tajba tas-saltna. M’hemmx għalfejn ikunu midlukin tal-Mulej sabiex jiddikjaraw il-messaġġ tal-Mulej. Huwa taʼ faraġ kbir għax-xhieda taʼ Jehovah li issa jkunu jafu li huma mħollijin iġorru l-ilmijiet tal-ħajja lil klassi taʼ nies li tistaʼ tinħeles f’Armageddon u tingħata ħajja taʼ dejjem fuq l-art minħabba t-tjubija kbira taʼ Jehovah.”b
14 Mill-1934 ’il quddiem, il-fdal midluk indika li dawn in-ngħaġ oħra jridu issa jagħmlu dedikazzjoni tagħhom infushom lil Alla u jissimbolizzaw din id-dedikazzjoni bil-magħmudija tal-ilma u mbagħad jingħaqdu mal-klassi tal-għarusa f’li jgħidu, “Ejja!” lil jerġaʼ wħud oħra li huma bil-għatx. B’hekk, kien hemm issa stedina definita li qed tiġi estiża mill-klassi tal-għarusa biex jinġabru dawn in-ngħaġ oħra bil-għatx flimkien fil-“merħla waħda” taħt ir-“ragħaj wieħed,” Ġesù Kristu. (Ġwann l0:16) Fl-1935 il-fdal midluk kienu mqanqlin ferm li jsiru jafu li fil-konvenzjoni ġenerali tagħhom dik is-sena l-klassi taʼ nies bħal ngħaġ li lilhom kienu qed igħidu, “Ejja!” kienet fil-fatt il-“folla kbira” taʼ Rivelazzjoni 7:9-17. Dan ta spinta tremenda lix-xogħol taʼ stedina.
15. “L-ispirtu” kif kien involut fl-istedina, “Ejja”?
15 F’li tgħid: “Ejja!” l-klassi tal-għarusa kienet fi qbil mal-ispirtu t’Alla. Permezz tal-ispirtu tiegħu f’li jiftaħ it-tifsir tal-profeziji tal-Kelma miktuba tiegħu, hu ġiegħel lill-fdal tal-klassi tal-għarusa biex jestendu l-istedina. Dawn il-profeziji li fuqhom kienet ibbażata l-istedina tagħhom kienu ġew imnebbħa bl-ispirtu t’Alla. Mela kien, fil-fatt, l-ispirtu t’Alla ħiereġ permezz taʼ Kristu u l-għarusa tiegħu li kien qed igħid lill-folla kbira taʼ nies bħal ngħaġ, “Ejja!”—Rivelazzjoni 19:10.
16. L-ispirtu u l-għarusa kif inhuma involuti fl-istedina llum?
16 Sal-ġurnata tal-lum l-ispirtu u l-għarusa, irrappreżentati mill-fdal, “jibqgħu jgħidu: ‘Ejja!”ˈ Il-fdal igħidu lil dawn in-ngħaġ oħra biex jistiednu jerġaʼ oħrajn biex ‘jiġu!’ M’għandhomx iżommu l-“ilma tal-ħajja,” kif inhu disponibbli llum, għalihom infushom. Huma jridu jobdu l-kmand mingħand “l-ispirtu u l-għarusa,” jiġifieri: “Ħalli kulmin jismaʼ jgħid: ‘Ejja!’” Dawk kollha li qed jaqtgħu l-għatx tagħhom iridu jxerrdu l-istedina. Huma jridu jestenduha lil kulħadd mingħajr ma jqisu r-razza, nazzjonalità, lingwa, jew reliġjon tal-preżent—lil kulħadd kullimkien! Dak li hemm disponibbli mill-“ilma tal-ħajja” fiż-żmien preżenti hu dak li x-Xhieda taʼ Jehovah jistiednu u jgħinu lill-popli kollha biex jieħdu minnu, b’xejn!
17. Liema xorta taʼ “ilma” huwa disponibbli llum?
17 Mal-art kollha, il-Ħaruf, Ġesù Kristu, qiegħed tabilħaqq jiggwida lil folla kbira “lejn għejjun taʼ ilmijiet tal-ħajja.” (Rivelazzjoni 7:17) L-ebda ilma mniġġes dan, imma ilma ċar, frisk, bnin dirett mis-Sors tiegħu. Dawn l-ilmijiet simboliċi jfissru iktar minn ilmijiet fis-sens taʼ fehma taʼ verità Biblika; huma jfissru l-provvedimenti kollha t’Alla permezz taʼ Ġesù Kristu li jibdew saħansitra issa jpoġġu lill-folla kbira fil-mogħdija biex jiksbu ħajja taʼ dejjem perfetta fil-hena.
Ingħaqad Issa fil-Proklamazzjoni
18. Kemm hija mifruxa l-istedina fi żmienna?
18 Diġà, din il-folla kbira tgħodd bosta miljuni. Huma b’mod żeluż ikomplu jxandru l-aħbar tajba tas-Saltna fl-art abitata kollha. Huma regolarment jagħtu rapport tal-attivitajiet tagħhom tal-għalqa f’li jippridkaw l-aħbar tajba tas-Saltna, li issa waslet għand 212 artijiet. Dment li jibqaʼ jippermetti ż-żmien matul din il-konklużjoni tas-sistema taʼ affarijiet, l-istedina se tkompli fi qbil mal-paċenzja u s-sabar fit-tul taʼ Alla Jehovah, il-Għassies il-Kbir taż-Żmien. Hu se jkun jaf meta ż-żmien jagħlaq u meta hu l-mument kritiku biex hu jagħmel lilu nnifsu magħruf lil kulħadd bħala Jehovah, bħalma wiegħed li jagħmel skond stqarrijiet ripetuti fil-profezija tal-Bibbja.—Eżekjel 36:23; 38:2l-23; 39:7.
19. Għala nistgħu ngħidu li dan l-“ilma” qed jiġi offrut b’xejn?
19 Dment li għad baqaʼ ż-żmien, għalhekk, membri tal-folla kbira bil-ferħ jipparteċipaw mal-fdal tal-kumpanija tal-għarusa f’li jgħidu: ‘Ejjew u ħudu mill-ilmijiet tal-ħajja b’xejn!’ Ix-xandara taʼ din l-aħbar tajba li ssalva l-ħajja qegħdin jagħmlu din il-proklamazzjoni b’xejn, bla ma jitħallsu tas-servizzi li jagħtu hekk kif jiċċirkolaw il-messaġġ tas-Saltna mad-dinja kollha.
20. X’se jirriżulta minħabba li dan l-“ilma” huwa disponibbli?
20 L-ilmijiet tal-ħajja issa huma disponibbli mal-globu kollu, sabiex b’hekk nies li jridu jieħdu minnhom jistgħu jagħmlu dan sa ma jkunu sodisfatti għalkollox b’riżultati li jsalvaw il-ħajja. L-umanità mifdija se tgawdi ħajja bla tmiem hawn stess fuq din l-art, li trid tiġi trasformata f’ġenna, billi b’hekk jiġi vvindikat il-għan prezzjuż taʼ Jehovah. Il-Ħallieq tagħna għamel l-art mhux għal xejn imma biex tkun ġnien taʼ Għeden, jew Ġenna taʼ pjaċir mad-dinja kollha, abitata bi ħlejjaq umani perfetti fix-xbiha u x-xebh t’Alla.
21. Il-għan t’Alla għall-art kif se jitwettaq?
21 Ċertament, se jkun taʼ ferħ u privileġġ grandjuż b’mod li ma jitfissirx li tkun f’dinja ġdida bħal din! Imbagħad il-kariga li Alla ta lill-ewwel koppja umana f’Ġenesi 1:27, 28 se titwettaq b’mod abbundanti. B’ħajr lil Jehovah għal mod taʼ kapaċità li bih ittratta mal-gwaj li waqaʼ fuq il-familja umana, l-art se tiġi mrażżna sal-punt li ssir ġenna u se timtela b’razza umana perfetta. Iva, Alla se jara kulma għamel, u ħares, se jkun tajjeb ħafna. Int se tkun hemm? Jekk iva, mela trid minn issa b’apprezzament tibda tieħu mill-ilma tal-ħajja b’xejn. “Ejja!” u ixrob sa ma timtela u aqtaʼ l-għatx tiegħek bl-ilma tal-ħajja li beda jgelgel issa u se jgelgel bis-sħiħ matul il-Millennju li ġej. U ħalli kulmin jismaʼ din l-istedina ħelwa jgħid: “Ejja!”
[Noti taʼ taħt]
a Fost affarijiet oħra, dan l-artiklu qal: “Qatt ma kien hawn xiehda daqstant mifruxa tal-verità daqs matul dawn l-aħħar snin.... Il-fdal iġibulhom il-messaġġ taʼ ferħ, u lilhom igħidu: ‘U kulmin irid, ħa jieħu l-ilma tal-ħajja b’xejn.’ Jintqalilhom li huma issa jistgħu jieħdu l-waqfa tagħhom fuq in-naħa tal-Mulej, u kontra x-Xitan, u jirċievu barka. Mhix klassi taʼ nies bħal din li tistaʼ issa tfittex l-umiltà u t-tjieba, u tinħeba fil-jum tal-korla espressa tiegħu, u tinġarr lil hinn mill-battalja kbira taʼ Armageddon u tgħix għal dejjem u ma tmut qatt? (Sof. 2:3) . . . Il-klassi tal-fdal lejali tingħaqad fl-istedina taʼ grazzja u tgħid, ‘Ejja.’ Dan il-messaġġ irid jiġi mxandar lil dawk li għandhom xewqa għat-tjieba u l-verità. Dan irid isir issa.”
b The Watchtower tal-15 t’Awissu, 1934, ukoll irrefera għar-responsabbiltà tan-ngħaġ oħra u qal f’paġna 249, paragrafu 31: “Il-klassi taʼ Ġonadab huma minn dawk li ‘jisimgħu’ l-messaġġ tal-verità u li jridu jgħidu lil dawk li jistgħu jisimgħuhom: ‘Ejja. U ħalli lil dak li jismaʼ jgħid, Ejja. U ħalli lil dak li hu bil-għatx jiġi. U kulmin irid, ħa jieħu l-ilma tal-ħajja b’xejn.’ (Riv. 22:17) Dawk tal-klassi taʼ Ġonadab iridu jmorru flimkien maʼ dawk li huma tal-kumpanija taʼ Ġeħu antitipiku, jiġifieri, il-midlukin, u jħabbru l-messaġġ tas-saltna, avolja m’humiex xhieda midlukin taʼ Jehovah.”
X’Inhi t-Tweġiba Tiegħek?
◻ X’“ilma qed jirreferi għalih Rivelazzjoni 22:17?
◻ X’inhu s-sors tal-“ilma”?
◻ L-“ilma għala hu meħtieġ, u meta biss setaʼ jibda jgelgel?
◻ Fit-test tagħna, ir-referenza għal “spiritu” x’tindika, u “l-għarusa” kif inhi involuta?
◻ Min jistaʼ jieħu mill-“ilma” u b’liema riżultat?