Naqdu Lealment lil Kristu s-Sultan
“Tawh ħakma, ġieħ, u saltna, biex lilu jaqdi kull ġens, u poplu, u lsien.”—DANJEL 7:14.
1, 2. Kif nafu li Kristu ma ħax il-qawwa kollha tas-Saltna fis-sena 33 E.K.?
LIEMA ħakkiem jistaʼ jagħti ħajtu għas-sudditi tiegħu u madankollu jerġaʼ jgħix biex jaħkem bħala sultan? Liema sultan jistaʼ jgħix fuq l-art, jirbaħ il-fiduċja u l-lealtà tas-sudditi tiegħu, u mbagħad jaħkem mis-sema? L-uniku individwu li setaʼ jagħmel dan—u iktar—kien Ġesù Kristu. (Luqa 1:32, 33) F’Pentekoste tas-sena 33 E.K., wara l-mewt, l-irxoxt, u t-tlugħ taʼ Kristu fis-sema, Alla “għamlu kap fuq kollox għall-kongregazzjoni.” (Efesin 1:20-22; Atti 2:32-36) Għalhekk, Kristu beda jaħkem imma f’sens limitat. L-ewwel sudditi tiegħu kienu l-Kristjani li kienu midlukin bl-ispirtu, li fformaw l-Iżrael spiritwali, “l-Iżrael t’Alla.”—Galatin 6:16; Kolossin 1:13.
2 Madwar 30 sena wara Pentekoste tas-sena 33 E.K., l-appostlu Pawlu kkonferma li Kristu kien għadu ma ħax il-qawwa kollha tas-Saltna, imma kien “fuq il-leminija t’Alla, jistenna, minn dak iż-żmien ’il quddiem, sakemm l-għedewwa tiegħu jitqiegħdu bħala banketta għal saqajh.” (Ebrej 10:12, 13) Imbagħad, lejn l-aħħar taʼ l-ewwel seklu E.K., ix-xwejjaħ appostlu Ġwanni f’viżjoni ra bil-quddiem lil Ġeħova, is-Sovran Universali, jaħtar lil Ġesù Kristu bħala s-Sultan tas-Saltna tas-sema li kienet għadha kif ġiet stabbilita. (Rivelazzjoni 11:15; 12:1-5) Minfejn ninsabu aħna fl-istorja tal-bniedem, nistgħu naraw l-evidenza kbira li tikkonferma li Kristu beda jaħkem bħala s-Sultan Messjaniku fis-sema fl-1914.a
3. (a) L-aħbar tajba tas-Saltna liema aspett ġdid saret tinkludi mill-1914 ’l hawn? (b) Liema mistoqsijiet nistgħu nistaqsu lilna nfusna?
3 Iva, mill-1914 ’l hawn l-aħbar tajba tas-Saltna bdiet tinkludi aspett eċċitanti ġdid. Kristu qed jaħkem bħala s-Sultan tas-Saltna tas-sema t’Alla, minkejja li jinsab ‘f’nofs l-għedewwa tiegħu.’ (Salm 110:1, 2; Mattew 24:14; Rivelazzjoni 12:7-12) Iktar minn hekk, madwar id-dinja, is-sudditi leali tiegħu bil-ħerqa qed iwieġbu għall-awtorità tiegħu billi jipparteċipaw fi programm t’edukazzjoni Biblika li qed isir madwar id-dinja fuq skala li qatt ma kien hawn bħalha fl-istorja tal-bniedem. (Danjel 7:13, 14; Mattew 28:18) Il-Kristjani midlukin bl-ispirtu, “ulied is-saltna,” jaqdu bħala “ambaxxaturi li jissostitwixxu lil Kristu.” Huma appoġġati lealment minn folla li dejjem qed tiffjorixxi taʼ “nagħaġ oħrajn” taʼ Kristu, li jaħdmu bħala messaġġiera tas-Saltna t’Alla. (Mattew 13:38; 2 Korintin 5:20; Ġwanni 10:16) Minkejja dan, irridu nanalizzaw jekk aħna bħala individwi nirrikonoxxux verament l-awtorità taʼ Kristu. Hija l-lealtà tagħna soda lejh? Kif nistgħu nuru lealtà lejn Sultan li jaħkem mis-sema? Però, l-ewwel ejja niddiskutu r-raġunijiet għala għandna nkunu leali lejn Kristu.
Sultan li Jqanqlek Turi l-Lealtà
4. Ġesù x’wettaq bħala s-Sultan-Nominat matul il-ministeru tiegħu fuq l-art?
4 Il-lealtà tagħna lejn Kristu hija bbażata fuq il-fatt li napprezzaw dak li għamel magħna kif ukoll il-kwalitajiet li jispikkaw tiegħu. (1 Pietru 1:8) Meta kien fuq l-art, Ġesù, bħala s-Sultan-Nominat, wera fuq skala żgħira dak li se jagħmel fuq skala globali bħala Sultan renjanti fiż-żmien imwaqqat t’Alla. Hu temaʼ lil dawk li kienu bil-ġuħ. Fejjaq lill-morda, lill-għomja, lil dawk li kellhom xi diżabilità, lit-torox, u lill-muti. Hu wkoll ġab lura għall-ħajja lil xi wħud li kienu mietu. (Mattew 15:30, 31; Luqa 7:11-16; Ġwanni 6:5-13) Iktar minn hekk, il-fatt li għandna għarfien dwar il-ħajja taʼ Ġesù fuq l-art jgħinna nkunu nafu l-kwalitajiet li se juri bħala l-Ħakkiem taʼ l-art tal-futur—l-iktar li tispikka hija l-imħabba mhix egoistika. (Marku 1:40-45) F’konnessjoni maʼ dan, Napuljun Bonaparti huwa rrapportat li qal: “Alessandru, Ċesari, Karlumanju, u jien innifsi sejjisna imperi, imma fuq liema bażi wettaqna l-għemejjel kbar tagħna? Fuq il-forza. Ġesù Kristu waħdu sejjes is-saltna tiegħu fuq l-imħabba, u f’dan iż-żmien miljuni taʼ bnedmin huma lesti li jmutu għalih.”
5. Il-personalità taʼ Ġesù għala kienet tiġbidhom lin-nies?
5 Minħabba li Ġesù kien ġwejjed u umli f’qalbu, dawk li kienu mtaqqlin bil-pressjonijiet u t-tagħbijiet kienu jsibu serħan permezz tat-tagħlim inkuraġġanti u l-personalità ħanina tiegħu. (Mattew 11:28-30) It-tfal kienu jħossuhom komdi miegħu. Irġiel umli u għaqlin minn jeddhom saru dixxipli tiegħu. (Mattew 4:18-22; Marku 10:13-16) Minħabba l-konsiderazzjoni u r-rispett li wera rebaħ il-lealtà taʼ ħafna nisa li kellhom il-biżaʼ t’Alla, li ħafna minnhom kienu jagħtu mill-ħin, l-isforz, u l-affarijiet materjali tagħhom sabiex jieħdu ħsiebu hekk kif hu kien iwettaq il-ministeru tiegħu.—Luqa 8:1-3.
6. Liema emozzjonijiet teneri wera Ġesù meta miet Lazzru?
6 Kristu wera wħud mill-iktar sentimenti teneri tiegħu meta miet l-għażiż ħabib tiegħu Lazzru. Tant kien imqanqal min-niket taʼ Marija u Marta li ma setax iżomm lura milli jitkarrab, u “qabiżlu d-dmugħ.” Hu “tnikket”—tqanqal minn uġigħ taʼ qalb kbir u niket—avolja kien jaf li ftit tal-ħin wara kien se jġib lil Lazzru lura għall-ħajja. Imbagħad, imqanqal mill-imħabba u l-mogħdrija, Ġesù uża l-qawwa li kien tah Alla u qajjem lil Lazzru mill-mewt.—Ġwanni 11:11-15, 33-35, 38-44.
7. Ġesù għala jistħoqqlu l-lealtà tagħna? (Ara l-kaxxa f’paġna 31.)
7 Meta naraw l-imħabba kbira li Ġesù kellu għat-tajjeb u l-mibegħda għall-ipokrisija u l-ħażen inħossu riverenza profonda. Darbtejn hu ħa azzjoni kuraġġuża biex inaddaf it-tempju minn merkanti rgħiba. (Mattew 21:12, 13; Ġwanni 2:14-17) Barra minn hekk, bħala bniedem fuq l-art, hu ffaċċja kull tip taʼ diffikultà, billi esperjenza personalment il-pressjonijiet u l-problemi li niffaċċjaw aħna. (Ebrej 5:7-9) Ġesù kien jaf ukoll x’jiġifieri li tkun vittma tal-mibegħda u l-inġustizzja. (Ġwanni 5:15-18; 11:53, 54; 18:38–19:16) Eventwalment, hu b’kuraġġ issottometta ruħu għal mewta kiefra biex iwettaq ir-rieda taʼ Missieru u biex jagħti lis-sudditi tiegħu ħajja taʼ dejjem. (Ġwanni 3:16) Ma jqanqlukx il-kwalitajiet taʼ Kristu biex tkompli taqdih lealment? (Ebrej 13:8; Rivelazzjoni 5:6-10) Imma x’neħtieġu biex inkunu sudditi taʼ Kristu s-Sultan?
Il-Kwalifiki biex Inkunu Sudditi
8. X’inhu meħtieġ mis-sudditi taʼ Kristu?
8 Aħseb dwar dan il-paragun: Biex issir ċittadin taʼ pajjiż ieħor ġeneralment għandek bżonn ċerti kwalifiki bażiċi. Dawk li jkunu jridu jieħdu ċ-ċittadinanza għandhom mnejn ikunu jeħtieġu li jkollhom reputazzjoni tajba u li jilħqu ċertu livell taʼ saħħa. B’mod simili, is-sudditi taʼ Kristu għandhom bżonn iżommu livelli morali għoljin u saħħa spiritwali tajba.—1 Korintin 6:9-11; Galatin 5:19-23.
9. Kif nistgħu nuru li aħna leali lejn Kristu?
9 Ġesù Kristu bi dritt jeħtieġ ukoll li s-sudditi tiegħu jkunu leali lejh u lejn is-Saltna tiegħu. Huma juru lealtà bħal din billi jgħixu fi qbil maʼ dak li għallimhom meta kien fuq l-art bħala Sultan-Nominat. Per eżempju, huma jpoġġu l-interessi tas-Saltna u r-rieda t’Alla qabel l-affarijiet materjali. (Mattew 6:31-34) Huma b’ħerqa jipprovaw jirriflettu personalità bħal taʼ Kristu, anki fl-iktar ċirkustanzi diffiċli. (1 Pietru 2:21-23) Ukoll, is-sudditi taʼ Kristu jsegwu l-eżempju tiegħu billi jieħdu l-inizjattiva biex jagħmlu t-tajjeb m’oħrajn.—Mattew 7:12; Ġwanni 13:3-17.
10. Il-lealtà lejn Kristu kif tistaʼ tintwera (a) fil-familja u (b) fil-kongregazzjoni?
10 Is-segwaċi taʼ Ġesù juru wkoll il-lealtà tagħhom lejh billi jirriflettu l-kwalitajiet tiegħu fil-familja. Per eżempju, l-irġiel miżżewġin juru l-lealtà tagħhom lejn is-Sultan tagħhom tas-sema billi jimitaw il-kwalitajiet taʼ Kristu fil-mod kif jittrattaw mal-mara u mat-tfal tagħhom. (Efesin 5:25, 28-30; 6:4; 1 Pietru 3:7) In-nisa miżżewġin juru lealtà lejn Kristu billi jkunu safja fil-kondotta tagħhom u billi juru “spirtu kwiet u ġwejjed.” (1 Pietru 3:1-4; Efesin 5:22-24) It-tfal ikunu leali lejn Kristu meta jsegwu l-eżempju tiegħu taʼ l-ubbidjenza. Bħala żagħżugħ, Ġesù baqaʼ sottomess lejn il-ġenituri tiegħu, avolja kienu imperfetti. (Luqa 2:51, 52; Efesin 6:1) Is-sudditi taʼ Kristu jistinkaw biex lealment jimitawh billi ‘jħossu għal xulxin, juru affezzjoni lejn l-aħwa,’ u billi ‘jagħdru b’tenerezza.’ Huma jistinkaw biex ikunu bħal Kristu, ‘umli, u ma jpattux ħsara bi ħsara jew tgħajjir b’tgħajjir.’—1 Pietru 3:8, 9; 1 Korintin 11:1.
Sudditi li Jobdu l-Liġi
11. Is-sudditi taʼ Kristu għal liema liġijiet jissottomettu ruħhom?
11 Bħalma wħud li jridu jsiru ċittadini taʼ pajjiż jobdu l-liġi tal-pajjiż ġdid tagħhom, is-sudditi taʼ Kristu jissottomettu ruħhom għall-“liġi tal-Kristu” billi jġibu ħajjithom fi qbil maʼ dak kollu li Ġesù għallem u kkmanda. (Galatin 6:2) B’mod partikulari, huma jgħixu lealment mal-“liġi sovrana” taʼ l-imħabba. (Ġakbu 2:8) Dawn il-liġijiet x’jinvolvu?
12, 13. Aħna kif nissottomettu ruħna lealment għall-“liġi tal-Kristu”?
12 Is-sudditi taʼ Kristu m’humiex ħielsa mill-imperfezzjonijiet u n-nuqqasijiet. (Rumani 3:23) Għalhekk, huma għandhom bżonn jibqgħu jikkultivaw “affezzjoni lejn l-aħwa mingħajr ipokrisija” sabiex ‘iħobbu lil xulxin mill-qalb bil-ħeġġa kollha.’ (1 Pietru 1:22) “Jekk xi ħadd għandu għalxiex jilmenta kontra ħaddieħor,” il-Kristjani japplikaw lealment il-liġi tal-Kristu billi ‘jissaportu lil xulxin u jaħfru lil xulxin mill-qalb.’ Jekk jobdu din il-liġi huma se jiġu megħjunin jinjoraw l-imperfezzjonijiet u jfittxu raġunijiet biex iħobbu lil xulxin. Ma tapprezzax int il-fatt li qiegħed fost dawk li qed jissottomettu ruħhom lealment lejn is-Sultan tagħna kollu mħabba u li qed jilbsu l-imħabba, ir-“rabta perfetta li tgħaqqad”?—Kolossin 3:13, 14.
13 Barra minn hekk, Ġesù spjega li l-imħabba li wera kienet akbar minn dik li n-nies ġeneralment juru lejn xulxin. (Ġwanni 13:34, 35) Jekk aħna nħobbu biss lil dawk li jħobbuna, ma nkunu qed nagħmlu xejn “speċjali.” F’dak il-każ, l-imħabba tagħna ma tkunx kompleta u tkun difettuża. Ġesù ħeġġiġna biex nimitaw l-imħabba taʼ Missieru billi jkollna mħabba bi prinċipju anki għall-għedewwa li jobogħduna u jippersegwitawna. (Mattew 5:46-48) Din l-imħabba tqanqal ukoll lis-sudditi taʼ din is-Saltna biex jibqgħu leali fix-xogħol prinċipali tagħhom. X’inhu dan ix-xogħol?
Il-Lealtà Mġarrba
14. Ix-xogħol taʼ l-ippridkar għala huwa daqstant importanti?
14 Is-sudditi tas-Saltna t’Alla issa għandhom ix-xogħol importanti taʼ li ‘jagħtu xiehda bir-reqqa dwar is-saltna t’Alla.’ (Atti 28:23) Huwa vitali li nagħmlu dan għax is-Saltna Messjanika se tivvindika s-sovranità universali taʼ Ġeħova. (1 Korintin 15:24-28) Meta nippridkaw l-aħbar tajba, dawk li jisimgħu għandhom l-opportunità li jsiru sudditi tas-Saltna t’Alla. Ukoll, il-mod kif in-nies jirreaġixxu għal dan il-messaġġ jipprovdi livell li fuqu Kristu s-Sultan jistaʼ jiġġudika lill-umanità. (Mattew 24:14; 2 Tessalonikin 1:6-10) Għalhekk, il-mod prinċipali li bih nuru l-lealtà tagħna lejn Kristu huwa billi nobdu l-kmand tiegħu li ngħidu lil oħrajn dwar is-Saltna.—Mattew 28:18-20.
15. Il-lealtà tal-Kristjani għala tiġi mġarrba?
15 M’għandniex xi ngħidu, Satana jirreżisti x-xogħol taʼ l-ippridkar b’kull mod possibbli, u l-ħakkiema umani ma jirrikonoxxux l-awtorità li Alla ta lil Kristu. (Salm 2:1-3, 6-8) Għalhekk, Ġesù wissa lid-dixxipli tiegħu: “Ilsir mhux akbar minn sidu. Jekk ippersegwitaw lili, jippersegwitaw lilkom ukoll.” (Ġwanni 15:20) Għalhekk, is-segwaċi taʼ Kristu jsibu ruħhom fi ġlieda spiritwali li ġġarrab il-lealtà tagħhom.—2 Korintin 10:3-5; Efesin 6:10-12.
16. Is-sudditi tas-Saltna kif jagħtu lura “lil Alla dak li hu t’Alla”?
16 Minkejja dan, is-sudditi tas-Saltna t’Alla jibqgħu leali lejn is-Sultan inviżibbli tagħhom mingħajr ma jiddiżrispettaw lill-awtoritajiet umani. (Titu 3:1, 2) Ġesù qal: “Agħtu lura lil Ċesari dak li hu taʼ Ċesari, imma lil Alla dak li hu t’Alla.” (Marku 12:13-17) Għalhekk, is-sudditi taʼ Kristu jobdu l-liġijiet tal-gvern li ma jmorrux kontra l-liġijiet t’Alla. (Rumani 13:1-7) Madankollu, meta l-qorti superjuri Lhudija ħaditha kontra l-liġi t’Alla billi ordnat lid-dixxipli taʼ Ġesù biex jieqfu jippridkaw, huma b’mod sod imma b’rispett qalu li kellhom ‘jobdu lil Alla bħala ħakkiem iktar milli lill-bnedmin.’—Atti 1:8; 5:27-32.
17. Għala nistgħu niffaċċjaw il-provi tal-lealtà bil-kuraġġ?
17 Naturalment, is-sudditi taʼ Kristu għandhom bżonn ħafna kuraġġ biex jibqgħu leali lejn is-Sultan tagħhom meta jiffaċċjaw persekuzzjoni. Minkejja dan, Ġesù qal: “Henjin intom meta n-nies iżebilħukom u jippersegwitawkom u bil-gideb jgħidu kull xorta taʼ ħażen kontrikom minħabba fija. Thennew u aqbżu bil-ferħ, għax il-premju tagħkom hu kbir fis-smewwiet.” (Mattew 5:11, 12) L-ewwel segwaċi taʼ Kristu esperjenzaw kemm hu minnu dan il-kliem. Anki meta ġew imsawtin talli komplew jippridkaw dwar is-Saltna, huma ferħu “għax kienu tqiesu denji li jiġu diżonorati minħabba ismu. U kuljum fit-tempju u minn dar għal dar baqgħu jgħallmu u jxandru bla heda l-aħbar tajba dwar il-Kristu, Ġesù.” (Atti 5:41, 42) Verament ħaqqek prosit hekk kif turi l-istess spirtu taʼ lealtà meta tissaporti tbatija, mard, mewt taʼ xi ħadd li tħobb, jew oppożizzjoni.—Rumani 5:3-5; Ebrej 13:6.
18. X’jindika dak li Ġesù qal lil Ponzju Pilatu?
18 Meta kien għadu Sultan-Nominat, Ġesù spjega lill-Gvernatur Ruman Ponzju Pilatu: “Is-saltna tiegħi mhix parti minn din id-dinja. Kieku s-saltna tiegħi kienet parti minn din id-dinja, il-qaddejja tiegħi kienu jiġġieldu biex ma ningħatax f’idejn il-Lhud. Imma, tabilħaqq, is-saltna tiegħi mhix ġejja minn hawn.” (Ġwanni 18:36) Għalhekk, is-sudditi tas-Saltna tas-sema la jużaw armi kontra xi ħadd u lanqas ma jżommu maʼ xi naħa jew oħra f’konflitti umani. Peress li jridu jkunu leali lejn il-“Prinċep tas-sliem,” huma jibqgħu kompletament newtrali fil-kwistjonijiet tad-dinja li jikkaġunaw firda.—Isaija 2:2-4; 9:5, 6 (9:6, 7, NW).
Premjijiet Dejjiema għas-Sudditi Leali
19. Is-sudditi taʼ Kristu għala jistgħu jħarsu lejn il-futur b’fiduċja?
19 Is-sudditi leali taʼ Kristu, is-“Sultan tas-slaten,” jiffaċċjaw il-futur b’fiduċja. Huma jistennew bil-ħerqa t-turija imminenti tal-qawwa sopranaturali tiegħu bħala sultan. (Rivelazzjoni 19:11–20:3; Mattew 24:30) Il-fdal taʼ “wlied is-Saltna” leali li huma midlukin bl-ispirtu jħarsu ’l quddiem lejn il-wirt imprezzabbli bħala slaten maʼ Kristu fis-sema. (Mattew 13:38; Luqa 12:32) In-“nagħaġ oħrajn” leali taʼ Kristu jistennew bil-ħerqa d-dikjarazzjoni t’approvazzjoni tas-Sultan tagħhom: “Ejjew intom, imberkin minn Missieri, irtu [il-qasam tas-]saltna [li se jkun Ġenna taʼ l-art] imħejjija għalikom mit-tisjis tad-dinja.” (Ġwanni 10:16; Mattew 25:34) Fi qbil maʼ dan, jalla s-sudditi kollha tas-Saltna jkunu determinati li jibqgħu jaqdu lealment lil Kristu s-Sultan.
[Nota taʼ taħt]
a Ara l-ktieb Reasoning From the Scriptures, “Why do Jehovah’s Witnesses say that God’s Kingdom was established in 1914?” (Għala x-Xhieda taʼ Ġeħova jgħidu li s-Saltna t’Alla ġiet stabbilita fl-1914?) paġni 95-7, pubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova.
Tistaʼ Tispjega?
• Kristu għala jistħoqqlu l-lealtà tagħna?
• Is-sudditi taʼ Kristu kif juru l-lealtà tagħhom lejh?
• Għala għandna nkunu rridu nuru lealtà lejn Kristu s-Sultan?
[Kaxxa f’paġna 31]
IKTAR KWALITAJIET LI JISPIKKAW TAʼ KRISTU
L-imparzjalità—Ġwanni 4:7-30.
Il-mogħdrija—Mattew 9:35-38; 12:18-21; Marku 6:30-34.
L-imħabba mhix egoistika—Ġwanni 13:1; 15:12-15.
Il-lealtà—Mattew 4:1-11; 28:20; Marku 11:15-18.
L-empatija—Marku 7:32-35; Luqa 7:11-15; Ebrej 4:15, 16.
Ir-raġunevolezza—Mattew 15:21-28.
[Stampa f’paġna 29]
Billi nuru mħabba lejn xulxin, aħna nkunu qed nissottomettu ruħna lealment għall-“liġi tal-Kristu”
[Stampi f’paġna 31]
Iqanqluk il-kwalitajiet taʼ Kristu biex taqdih lealment?