LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w06 6/15 pp. 4-7
  • Gwida li Żgur se Tagħmlek Hieni

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Gwida li Żgur se Tagħmlek Hieni
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Meta Xi Ħadd li Tħobb Imut
  • It-​Tama Twassal għall-​Hena
  • Ġeħova Jridek Tkun Hieni
  • Tama Vera għall-​Maħbubin Tiegħek li Mietu
    Il-Bibbja X’Tgħallem Verament?
  • X’Jiġrilhom il-Maħbubin Mejtin Tagħna?
    Għarfien Li Jwassal Għall-Ħajja Taʼ Dejjem
  • Għalkemm Imnikktin, M’Aħniex Mingħajr Tama
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1995
  • “Il-Mewt Tinbelaʼ għal Dejjem”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
w06 6/15 pp. 4-7

Gwida li Żgur Se Tagħmlek Hieni

“IT-​TFITTXIJA għall-​Hena” hija d-​dritt taʼ kull bniedem. Din hi l-​ħarsa taʼ dawk li fformulaw id-​Dikjarazzjoni taʼ l-​Indipendenza taʼ l-​Istati Uniti taʼ l-​Amerika. Iżda li tfittex mira m’huwiex l-​istess bħal li tilħaqha. Għalkemm ħafna żgħażagħ ifittxu karrieri fil-​qasam tad-​divertiment u l-​isport, kemm taf minnhom li fil-​fatt kisbu s-​suċċess li xtaqu? “Wisq probabbli ma jirnexxilekx,” jgħid wieħed kantant famuż li hu familjari mal-​ġlieda biex isir mużiċist taʼ suċċess.

Jekk ħassejtek hekk meta fittixt l-​hena, m’għandekx għalfejn taqtaʼ qalbek. Jekk tfittex l-​hena bil-​mod it-​tajjeb, int se tiksbu. Għala jistaʼ jingħad dan? L-​artiklu taʼ qabel għamel referenza għall-​“Alla l-​hieni,” Ġeħova. (1 Timotju 1:​11) Fil-​Bibbja, Alla jipprovdi gwida sabiex it-​tfittxija tiegħek għall-​hena ma tirriżultax f’diżappunt. Ġeħova jistaʼ jgħinek tegħleb il-​kawżi komuni tan-​niket. Biex nieħdu eżempju, ikkunsidra l-​faraġ li hu joffrilek meta xi ħadd li tħobb imut.

Meta Xi Ħadd li Tħobb Imut

Tistaʼ tingħad xi ħaġa pożittiva dwar il-​mewt? Il-​mewt tifred lill-​ġenituri mit-​tfal u lit-​tfal mill-​ġenituri. Il-​mewt tifred lill-​ħbieb intimi u ġġib magħha nuqqas taʼ sigurtà lill-​komunitajiet magħqudin. Meta l-​mewt tolqot ħabta u sabta, familja hienja tistaʼ tiġi maħkuma minn swied il-​qalb.

Bla dubju taʼ xejn, il-​mewt hija traġedja. Madankollu, xi wħud jiċħdu din ir-​realtà u jqisu l-​mewt bħala barka. Innota x’ġara wara li l-​Uragan Katrina laqat il-​Golf tal-​Messiku f’Awissu taʼ l-​2005. F’funeral taʼ wieħed mill-​vittmi, il-​qassis qal: “Ma kinitx Katrina li qatlitu. Alla sejjaħlu biex jitlaʼ s-​sema.” F’okkażjoni oħra, skrivana fl-​isptar li kellha intenzjoni tajba qalet lil tifla biex ma tinkwetax, għaliex Alla kien ħa lil ommha s-​sema. It-​tifla bdiet tibki u qalet: “Għala, għala kellu jiħodhieli?”

B’mod ċar, ideat żbaljati bħal dawn fuq il-​mejtin spiss jonqsu milli jfarrġu lill-​imnikktin. Għala? Għaliex dawn l-​ideat ma jirrappreżentawx il-​verità dwar il-​mewt. Agħar minn hekk, huma jpinġu ’l Alla bħala li qed jisraq l-​uħud għeżież mill-​familji u l-​ħbieb b’mezzi tal-​biżaʼ u taʼ wġigħ. Minflok ma jkun sors taʼ faraġ, Alla jintgħamel jidher bħala kattiv fejn tidħol it-​traġedja tal-​mewt. Iżda l-​Kelma t’Alla tgħid il-​verità dwar il-​mewt.

Il-Bibbja ssejjaħ il-​mewt bħala għadu. Hi xxebbah il-​mewt maʼ sultan li jaħkem lill-​umanità. (Rumani 5:​17; 1 Korintin 15:26) Il-​mewt hija avversarju tant qawwi li ebda bniedem ma jistaʼ jopponiha, u kull persuna maħbuba li tmut hija biss waħda mill-​vittmi bla għadd tal-​mewt. Din il-​verità Biblika tagħti r-​raġuni għala nħossuna mnikktin u bla ħila meta xi ħadd li nħobbu jmut. Din tikkonferma li dawn is-​sentimenti huma normali. Minkejja dan, juża Alla l-​għadu tagħna l-​mewt biex jieħu lill-​maħbubin tagħna s-​sema? Ħalli nħallu l-​Bibbja twieġeb din il-​mistoqsija.

Koħèlet 9:​5, 10 jgħid: “Il-​mejtin ma jafu xejn . . . Ma jkunx hemm ħidma jew ħsieb, xjenza jew għerf, [“f’Xeol,” NW] fejn inti sejjer.” X’inhu Xeol? Huwa l-​qabar komuni taʼ l-​umanità li fih imorru l-​bnedmin meta jmutu. Fil-​qabar il-​mejtin huma fi stat kompletament inattiv, bla moviment, sensazzjoni, jew xorta taʼ ħsieb. Jinsabu fi stat li jistaʼ jixxebbah maʼ raqda fil-​fond.a Għalhekk, il-​Bibbja tagħmilha ċara li Alla ma jiħux lill-​għeżież tagħna sabiex ikunu miegħu fis-​sema. L-​effetti tal-​mewt iħalluhom bla ħajja fil-​qabar.

Ġesù kkonferma din il-​verità wara li sieħbu Lazzru kien miet. Ġesù xebbah il-​mewt maʼ l-​irqad. Kieku Lazzru mar is-​sema biex ikun m’Alla li Jistaʼ Kollox, Ġesù ma kienx ikun qed juri qalb tajba meta ġabu lura fuq l-​art sabiex fl-​aħħar mill-​aħħar jerġaʼ jmut. Ir-​rakkont ispirat jgħid li fil-​post tad-​difna, Ġesù b’leħen għoli qal: “Lazzru, oħroġ!” Il-​Bibbja tkompli tgħid: “Dak li qabel kien mejjet ħareġ.” Lazzru beda jgħix mill-​ġdid. Ġesù kien jaf li Lazzru qatt ma kien ħalla l-​art. Hu kien jinsab bla ħajja fil-​qabar.​—Ġwanni 11:​11-​14, 34, 38-​44.

Din il-​ġrajja dokumentata fil-​Bibbja tgħinna nifhmu li l-​mewt mhix mezz li Alla juża sabiex jittrasferixxi lill-​bnedmin mill-​art għas-​sema. Għalhekk, nistgħu ninġibdu lejn Alla għax nafu li hu ma jikkaġunax in-​niket tagħna. Aħna wkoll nistgħu nibqgħu ċerti li hu jifhem is-​sogħba u l-​ħsara li ġġibilna l-​mewt, l-​għadu tagħna. U l-​verità tal-​Bibbja rigward il-​kundizzjoni tal-​mejtin tagħti prova li l-​mejtin ma jsofrux fin-​nar taʼ l-​infern jew fil-​purgatorju, iżda huma jinsabu bla ħajja fil-​qabar. Għalhekk, it-​tifkira tal-​maħbubin tagħna m’għandhiex għalfejn iġġagħalna nibqgħu rrabjati għal Alla jew nibżgħu għax ma nafux fejn jinsabu. Iktar minn hekk, fil-​Bibbja, Ġeħova joffri iżjed faraġ.

It-​Tama Twassal għall-​Hena

L-​iskritturi li ddiskutejna jindikaw li t-​tama hi parti essenzjali mill-​hena veru. Il-​kelma “tama” kif tintuża fil-​Bibbja, timplika l-​istennija b’fiduċja taʼ dak li hu tajjeb. Biex naraw kif it-​tama tistaʼ twassal għall-​hena issa, ejja nkomplu niddiskutu r-​rakkont taʼ Ġesù meta rxoxta lil Lazzru.

Hemm minn taʼ l-​inqas żewġ raġunijiet għala Ġesù wettaq dan il-​miraklu. Raġuni waħda kienet biex ineħħi n-​niket li ħassew Marta, Marija, u ħbieb oħra li tnikktu. Għal darb’oħra, huma setgħu jgawdu l-​kumpanija tal-​wieħed għażiż għalihom. Iżda Ġesù, lil Marta semmielha t-​tieni raġuni, li hi iżjed importanti: “M’għedtlikx li jekk temmen tara l-​glorja t’Alla?” (Ġwanni 11:40) F’The New Testament in Modern English taʼ J. B. Phillips, l-​aħħar frażi hija mniżżla bħala “l-​meravilja taʼ dak li jistaʼ jagħmel Alla.” Meta ta l-​ħajja lura lil Lazzru, Ġesù wera bil-​quddiem x’jistaʼ, u x’sejjer, jagħmel Alla Ġeħova fil-​futur. Ħalli naraw iżjed dettalji dwar din “il-​meravilja taʼ dak li jistaʼ jagħmel Alla.”

Fi Ġwanni 5:​28, 29, Ġesù qal: “Tistagħġbux b’dan, għax ġejja s-​siegħa li fiha dawk kollha li qegħdin fl-​oqbra tat-​tifkira jisimgħu leħnu u joħorġu.” Dan ifisser li l-​mejtin kollha li qegħdin f’Xeol, inkluż il-​maħbubin mejtin tagħna, se jerġgħu jingħataw il-​ħajja. Atti 24:15 jirrivela iżjed dwar din il-​ġrajja taʼ l-​għaġeb billi jgħid: “Se jkun hemm irxoxt kemm tan-​nies sewwa u kemm taʼ dawk li m’humiex sewwa.” Għalhekk, anki ħafna individwi “li m’humiex sewwa,” li ma kinux jafu lil Ġeħova u jaqduh, se jkollhom l-​opportunità fil-​futur sabiex jiksbu l-​favur t’Alla.

Fejn se jseħħ l-​irxoxt? Salm 37:29 jgħid: “Il-​ġusti jirtu l-​art, u jgħammru fiha għal dejjem.” Aħseb ftit dwar xi jfisser dan! Familji u ħbieb li ġew mifrudin mill-​mewt se jerġgħu jingħaqdu flimkien hawn fuq l-​art. Huwa naturali li tħoss qalbek timtela bil-​ferħ hekk kif taħseb dwar il-​mumenti sbieħ li se terġaʼ tqattaʼ maʼ dawk li xi darba kont tgħożż il-​kumpanija tagħhom.

Ġeħova Jridek Tkun Hieni

Ikkunsidrajna żewġ modi li bihom Ġeħova jistaʼ jkattarlek l-​hena minkejja l-​problemi li jkollok. L-​ewwelnett, permezz tal-​Bibbja, hu jipprovdi l-​għarfien u l-​gwida biex jgħinek tkampa maʼ l-​għawġ b’suċċess. Minbarra li jgħinuna nkampaw mas-​sogħba li ġġib magħha l-​mewt, il-​pariri tal-​Bibbja jistgħu jgħinuna wkoll biex nittrattaw maʼ problemi ekonomiċi u taʼ saħħa. Jistgħu jagħtuk is-​saħħa biex tissaporti inġustizzja soċjali u inkwiet politiku. U jekk tapplika l-​gwida tal-​Bibbja f’ħajtek, din tistaʼ tgħinek tittratta maʼ problemi persunali oħrajn.

It-tieninett, meta tistudja l-​Bibbja, int tikseb tama li tisboq bil-​kbir kwalunkwe ħaġa li toffri s-​soċjetà umana. L-​irxoxt taʼ ħbieb jew qraba huwa parti mit-​tama li tgħallem il-​Bibbja. Rivelazzjoni 21:​3, 4 jagħti iżjed dettalji billi jgħid: “Alla stess ikun [mal-bnedmin]. U jixxottalhom kull demgħa minn għajnejhom, u ma jkunx hemm iżjed mewt, u la niket u la għajat u lanqas uġigħ. L-​affarijiet taʼ qabel ikunu spiċċaw.” Dan ifisser li dak kollu li jikkaġuna swied il-​qalb f’ħajtek dalwaqt se jgħib għal dejjem. Il-​wegħdi tal-​Bibbja se jseħħu, u int tistaʼ tgawdi t-​twettiq tagħhom. Sempliċement li tkun taf li hemm żminijiet aħjar jistennewk, int tħoss serħan. Il-​fatt li tkun taf li wara l-​mewt m’intix se tiffaċċja sofferenzi għal dejjem hu raġuni biex tkun ferħan.

Biex nagħtu eżempju: Diversi snin ilu, Maria rat lil żewġha jmut mewta bil-​mod u taʼ wġigħ minħabba l-​kanċer. Waqt li kienet għadha mnikkta minħabba l-​mewt tiegħu, problemi finanzjarji ġagħlu lilha u lit-​tliet uliedha bniet joħorġu minn darhom. Sentejn wara, Maria skopriet li issa hi kellha kanċer. Hi għamlet żewġ operazzjonijiet serji u kuljum tkampa maʼ wġigħ qawwi. Minkejja dawn il-​problemi, hi tant għandha attitudni pożittiva li tiġi mqanqla biex tinkuraġġixxi lil nies oħrajn. Kif jirnexxilha tibqaʼ hienja?

Maria tgħid: “Meta jkolli problema, nipprova ma naħsibx iżżejjed dwarha. Nevita li nistaqsi mistoqsijiet bħal: ‘Għala kellu jiġri hekk lili? Għala għandi nbati b’dan il-​mod? Għala kelli nimrad?’ Ħsibijiet negattivi jiħdulek l-​enerġija. Minflok, nuża l-​enerġija tiegħi biex naqdi lil Ġeħova u ngħin lil oħrajn. Dan jagħmilni hienja.”

It-tama b’liema mod tgħin lil Maria? Hi tittama fil-​futur, meta Ġeħova se jneħħi l-​mard u problemi oħra minn fuq l-​umanità. Meta tmur l-​isptar għall-​kura, hi taqsam din it-​tama maʼ pazjenti oħra li huma morda bil-​kanċer u li għandu mnejn ikunu qatgħu qalbhom. Kemm hi importanti t-​tama għal Maria? Hi tgħid: “Spiss naħseb dwar x’tgħid il-​Bibbja f’Ebrej 6:​19, fejn Pawlu jiddeskrivi t-​tama bħala ankra għar-​ruħ. Mingħajr din l-​ankra, int tinġarr mill-​kurrent bħal dgħajsa mhix marbuta f’maltempata. Iżda jekk tkun marbut maʼ dik l-​ankra, int se tkun fiż-​żgur anki meta tesperjenza problemi diffiċli.” Din ‘it-​tama tal-​ħajja taʼ dejjem, [li] Alla, li ma jistax jigdeb wegħedna,’ tgħin lil Maria tibqaʼ hienja. Tistaʼ tagħmel l-​istess lilek.​—Titu 1:2.

Minkejja l-​problemi li jistaʼ jkollok, int tistaʼ ssib l-​hena veru permezz taʼ studju tal-​Bibbja. Madankollu, għandu mnejn jiġuk dubji dwar kemm hu prattiku li tistudja l-​Bibbja. Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova jieħdu gost juruk it-​tweġibiet Skritturali li għandek bżonn tkun taf sabiex tkun verament hieni. Hekk kif tistenna t-​twettiq tat-​tama li joffri Ġeħova, int tistaʼ tkun fost dawk deskritti b’dan il-​mod: “Il-​ferħ u l-​hena jiksbu, u jgħibu swied il-​qalb u l-​krib.”​—Isaija 35:10.

[Nota taʼ taħt]

a L-Encyclopædia Britannica (2003) tiddeskrivi ’l-Xeol bħala “post fejn la hemm uġigħ, la pjaċir, la kastig u lanqas premju.”

[Stampa f’paġna 5]

Il-​verità tal-​Bibbja biss tistaʼ ttaffi s-​sogħba

[Stampa f’paġna 7]

It-​tama taʼ l-​irxoxt li nsibu fil-​Bibbja tistaʼ tgħinek tkun hieni

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja