KAPITLU 91
Lazzru jiġi rxoxtat
L-IRXOXT TAʼ LAZZRU
IL-MEMBRI TAS-SINEDRIJU JIPPJANAW BIEX JOQTLU LIL ĠESÙ
Wara li Ġesù jiltaqaʼ maʼ Marta u mbagħad maʼ Marija viċin Betanja, huma jmorru ħdejn il-qabar tat-tifkira taʼ Lazzru. Dan hu għar b’ġebla kbira quddiem id-daħla. Ġesù jgħidilhom: “Neħħu l-ġebla.” Marta tesprimi t-tħassib tagħha għax ma tafx Ġesù x’biħsiebu jagħmel. “Mulej,” tgħid hi, “s’issa żgur niten għax ilu erbat ijiem” mejjet. Imma Ġesù jgħidilha: “M’għedtlekx li jekk temmen tara l-glorja t’Alla?”—Ġwanni 11:39, 40.
Għalhekk, titneħħa l-ġebla. Ġesù mbagħad jerfaʼ għajnejh lejn is-sema u jitlob: “Missier, nirringrazzjak li smajtni. Veru, kont naf li dejjem tismagħni; imma għedt dan minħabba l-folla li qiegħda madwari, sabiex jemmnu li int bgħattni.” It-talba fil-pubbliku taʼ Ġesù turi lil dawk li qed jarawh li dak li se jagħmel hu bil-qawwa t’Alla. Imbagħad Ġesù jgħajjat b’leħen qawwi: “Lazzru, oħroġ!” U Lazzru joħroġ, b’idejh u b’saqajh infaxxati u wiċċu mgħotti b’ċarruta. Ġesù jgħid: “Ħolluh u ħalluh imur.”—Ġwanni 11:41-44.
Ħafna Lhud li ġew biex ifarrġu lil Marija u lil Marta jaraw dan il-miraklu u jpoġġu l-fidi f’Ġesù. Imma oħrajn imorru jgħidu lill-Fariżej x’għamel Ġesù. Il-Fariżej u l-qassisin ewlenin ilaqqgħu s-Sinedriju, il-Qorti Superjuri Lhudija. Din il-ġemgħa tinkludi l-qassis il-kbir, Kajfa. Xi wħud minnhom jilmentaw: “X’se nagħmlu, għax dan ir-raġel qed iwettaq ħafna sinjali? Jekk inħalluh sejjer hekk, kulħadd ipoġġi l-fidi fih, u jiġu r-Rumani u jiħdulna postna u ġensna.” (Ġwanni 11:47, 48) Għalkemm semgħu x-xhieda taʼ dawk li raw b’għajnejhom stess li Ġesù qed “iwettaq ħafna sinjali,” dawn l-irġiel ma jifirħux b’dak li Alla qed jagħmel permezz tiegħu. Dak li jinteressahom l-iktar hu l-pożizzjoni u l-awtorità tagħhom stess.
Il-fatt li Lazzru ġie mqajjem mill-mewt hu bħal daqqa taʼ ħarta għas-Sadduċej, li ma jemmnux fl-irxoxt. Kajfa, li hu wieħed mis-Sadduċej, issa jitkellem u jgħid: “Intom ma tafu xejn, u m’intomx tirraġunaw li hu għall-ġid tagħkom li raġel wieħed imut għan-nom tan-nies u ma jinqeridx il-ġens kollu kemm hu.”—Ġwanni 11:49, 50; Atti 5:17; 23:8.
Hu minħabba l-kariga sagra taʼ Kajfa li Alla jġiegħlu jgħid dan—ma jgħidux “minnu nnifsu.” Kajfa jrid ifisser li Ġesù għandu jinqatel biex ma jkomplix idgħajjef l-awtorità u l-influwenza tal-mexxejja reliġjużi Lhud. Però, il-profezija taʼ Kajfa tipponta lejn il-fatt li permezz taʼ mewtu, Ġesù kien se jipprovdi fidwa, mhux biss għal-Lhud, imma għall-“ulied [kollha ta’] Alla li huma mxerrdin.”—Ġwanni 11:51, 52.
Kajfa jirnexxilu jinfluwenza lill-membri tas-Sinedriju biex jippjanaw il-qtil taʼ Ġesù. Jistaʼ jkun li Nikodemu, membru tas-Sinedriju li hu ħabib taʼ Ġesù, jgħidlu b’dawn il-pjanijiet? Jgħidlu jew ma jgħidlux, Ġesù jitlaq mill-inħawi taʼ Ġerusalemm, u b’hekk jevita li jinqatel qabel iż-żmien stabbilit t’Alla.