Żomm Qrib it-Teokrazija
“Il-Mulej hu l-Imħallef tagħna; il-Mulej il-leġislatur tagħna. Il-Mulej is-sultan tagħna.”—ISAIJA 33:22.
1. Il-kwistjoni dwar iggvernar għala hija taʼ tħassib għall-maġġuranza tan-nies?
IS-SUĠĠETT taʼ ggvernar jikkonċerna ferm lil kulħadd. Iggvernar tajjeb iġib il-paċi u r-riżq. Il-Bibbja tgħid: “Is-sultan bil-ġustizzja jżomm l-art sħiħa.” (Proverbji 29:4) Mill-banda l-oħra, iggvernar ħażin iwassal għal inġustizzji, korruzzjoni, u oppressjoni. “Meta jaħkmu l-ħżiena, il-poplu jitniehed.” (Proverbji 29:2) Matul l-istorja, il-bnedmin ipprovaw kull xorta taʼ gvernijiet, u b’sogħba ngħidu, li taʼ spiss tniehdu minħabba l-oppressjoni mill-ħakkiema tagħhom. (Koħèlet 8:9) Hemm xi forma taʼ gvern li se jirnexxilha ġġib kuntentizza dejjiema għas-sudditi tagħha?
2. “Teokrazija” għala hija deskrizzjoni xierqa għall-gvern taʼ Iżrael tal-qedem?
2 L-istorjografu Josefus semma tip uniku taʼ gvern meta kiteb: “Xi popli fdaw il-poter politiku suprem f’idejn il-monarki, oħrajn f’idejn oligarkiji, jerġaʼ oħrajn fdawh f’idejn il-massa. Madankollu, il-leġislatur tagħna [Mosè], ma ġie impressjonat mill-ebda waħda minn dawn il-forom speċifiċi taʼ organizzazzjoni politika, imma lill-kostituzzjoni tiegħu taha l-forma taʼ dik li—jekk wieħed jippermetti l-espressjoni sforzata—tistaʼ tissejjaħ ‘teokrazija,’ billi tpoġġi kull sovranità u awtorità f’idejn Alla.” (Against Apion, II, 164-5) Skond il-Concise Oxford Dictionary, teokrazija tfisser “forma taʼ gvern minn Alla.” Il-kelma ma tidhirx fil-Bibbja, imma din tiddeskrivi tajjeb l-iggvernar taʼ Iżrael tal-qedem. Għalkemm l-Iżraeliti għażlu li jkollhom sultan viżibbli, il-veru ħakkiem tagħhom kien Jehovah. Isaija, il-profeta Iżraelit qal: “Il-Mulej hu l-imħallef tagħna; il-Mulej il-leġislatur tagħna. Il-Mulej is-sultan tagħna.”—Isaija 33:22.
X’Inhi t-Teokrazija Vera?
3, 4. (a) X’inhi t-teokrazija vera? (b) It-teokrazija liema barkiet dalwaqt se ġġib għall-umanità?
3 Minn mindu Josefus ivvinta l-kelma, ħafna soċjetajiet ġew deskritti bħala teokraziji. Xi wħud minnhom kienu jidhru intolleranti, fanatiċi, u oppressivi b’mod krudil. Kienu dawn teokraziji veri? Mhux fis-sens li Josefus uża l-kelma. Il-problema hi li t-tifsira taʼ “teokrazija” ġiet estiża. Il-World Book Encyclopedia tiddefinixxiha bħala “forma taʼ gvern li fih l-istat ikun taħt il-ħakma taʼ qassis jew qassisin, u li fih membri tas-saċerdozju jkollhom awtorità fi kwistjonijiet ċivili u reliġjużi.” It-teokrazija vera, madankollu, m’hijiex gvern mill-qassisin. Din fir-realtà hija ħakma minn Alla, iggvernar mill-Ħallieq taʼ l-univers, Alla Jehovah.
4 Dalwaqt, l-art kollha se tkun taħt it-teokrazija, u x’barka se tkun din! “Alla nnifsu jkun magħhom [maʼ l-umanità], Alla tagħhom. Hu jixxuttalhom kull demgħa minn għajnejhom: ma jkunx hemm iżjed mewt, anqas biki jew għajat jew tbatija ma jkun hemm iżjed, għax għabu l-ħwejjeġ taʼ qabel.” (Apokalissi 21:3, 4) L-ebda ħakma saċerdotali minn bnedmin imperfetti ma tistaʼ ġġib hena bħal dan. Ħakma minn Alla biss tistaʼ. Għaldaqstant, il-Kristjani veri ma jipprovawx jintroduċu t-teokrazija b’azzjoni politika. Huma jistennew bil-paċenzja sakemm Alla jistabbilixxi teokrazija mad-dinja kollha fil-waqt tiegħu u bil-mod tiegħu.—Danjel 2:44.
5. Illum fejn qiegħda topera t-teokrazija vera, u liema mistoqsijiet jitqajmu dwarha?
5 Sadattant, madankollu, teokrazija vera diġà qed topera. Fejn? Fost dawk li minn jeddhom jissottomettu ruħhom għall-ħakma t’Alla u jikkooperaw flimkien biex jagħmlu r-rieda tiegħu. Uħud leali bħal dawn ġew miġburin bħala “poplu” spiritwali madwar id-dinja fil-“pajjiż” spiritwali tagħha. Dawn huma dawk li għad fadal mill-“Iżrael taʼ Alla” flimkien maʼ sħabhom il-Kristjani li jgħoddu iktar minn ħames miljuni u nofs. (Isaija 66:8; Galatin 6:16) Dawn huma sottomessi lejn Ġesù Kristu, is-Sultan tas-sema li ġie mqiegħed fuq it-tron minn Alla Jehovah, is-“Sultan taʼ dejjem.” (1 Timotju 1:17; Apokalissi 11:15) Din l-organizzazzjoni b’liema mod hija teokratika? Il-membri tagħha kif iqisuha l-awtorità tal-gvernijiet sekulari? U l-prinċipju taʼ teokrazija kif jinżamm minn dawk il-bnedmin li jeżerċitaw awtorità ġewwa l-komunità spiritwali tagħhom?
Organizzazzjoni Teokratika
6. Organizzazzjoni umana viżibbli kif tistaʼ tiġi mmexxija minn Alla?
6 Kif tistaʼ organizzazzjoni umana titmexxa minn Jehovah, li jgħammar fis-smewwiet inviżibbli? (Salm 103:19) Minħabba li dawk imseħbin magħha jsegwu l-parir imnebbaħ: “Ittama fil-Mulej b’qalbek kollha, u tafdax fl-għaqal tiegħek.” (Proverbji 2:6; 3:5) Huma jħallu lil Alla jmexxihom hekk kif jobdu “l-liġi taʼ Kristu” u japplikaw il-prinċipji ispirati tal-Bibbja fil-ħajja tagħhom taʼ kuljum. (Galatin 6:2; 1 Korintin 9:21; 2 Timotju 3:16; ara Mattew 5:22, 28, 39; 6:24, 33; 7:12, 21.) Biex jagħmlu dan, huma jridu jkunu studenti tal-Bibbja. (Salm 1:1-3) Bħall-Berijani tal-qedem li kienu taʼ “qalb kbira,” huma ma jsegwux lill-bnedmin imma jiċċekkjaw il-ħin kollu fil-Bibbja biex jaraw li l-affarijiet li jitgħallmu huma minnhom. (Atti 17:10, 11; Salm 119:33-36) Huma jitolbu bħas-salmista: “Fehma tajba u għerf għallimni, għax jien nemmen fil-kmandamenti tiegħek.”—Salm 119:66.
7. Liema sekwenza teżisti fl-indokrar fit-teokrazija?
7 F’kull organizzazzjoni, irid ikun hemm xi wħud li jeżerċitaw l-awtorità jew jipprovdu d-direzzjoni. Ix-Xhieda taʼ Jehovah m’humiex eċċezzjoni, u jsegwu l-istruttura taʼ l-awtorità spjegata mill-appostlu Pawlu: “[I]r-ras [“kap,” NW] taʼ kull raġel huwa Kristu, u ras il-mara huwa r-raġel, u ras Kristu hu Alla.” (1 Korintin 11:3) Fi qbil maʼ dan, irġiel ikkwalifikati biss jaqdu bħala anzjani fil-kongregazzjonijiet. U għalkemm Ġesù—il-“[“kap,” NW] taʼ kull raġel”—qiegħed fis-sema, fuq l-art għad hawn il-“bqija” taʼ ħutu l-midlukin, li għandhom it-tama li jaħkmu miegħu fis-smewwiet. (Apokalissi 12:17; 20:6) Dawn jifformaw “l-irsir leali u diskret” kompost. Il-Kristjani juru s-sottomissjoni tagħhom lejn Ġesù, u għalhekk lejn Jehovah, il-kap taʼ Ġesù, billi jaċċettaw l-indokrar taʼ dak “l-irsir.” (Mattew 24:45-47, NW; Mattew 25:40) B’dan il-mod it-teokrazija tkun bl-ordni. “Alla m’hux Alla tad-diżordni iżda tas-sliem.”—1 Korintin 14:33.
8. L-anzjani Kristjani kif jappoġġaw il-prinċipju taʼ teokrazija?
8 L-anzjani Kristjani jappoġġaw il-prinċipju taʼ teokrazija għaliex jirrikonoxxu li huma responsabbli lejn Jehovah għall-mod kif huma jeżerċitaw l-awtorità limitata tagħhom. (Lhud 13:17) U meta jiġu biex jagħmlu xi deċiżjonijiet, huma jistrieħu fuq l-għerf t’Alla, u mhux fuq l-għerf tagħhom. F’dan, huma jsegwu l-eżempju taʼ Ġesù. Hu kien l-iktar bniedem għaref li qatt għex. (Mattew 12:42) Minkejja dan, hu qal lil-Lhud: “L-Iben ebda ħaġa ma jistaʼ jagħmel minn rajh jekk ma jarax lil Missieru jagħmilha.” (Ġwann 5:19) L-anzjani għandhom ukoll l-istess attitudni bħal dik tas-Sultan David. Dan eżerċita awtorità importanti f’teokrazija. Madankollu, hu ried isegwi l-mod taʼ Jehovah, mhux tiegħu stess. Hu talab: “Urini, Mulej, it-triq tiegħek, mexxini minn mogħdija dritta.”—Salm 27:11.
9. Rigward it-tamiet differenti u l-privileġġi differenti taʼ servizz fit-teokrazija, liema ħarsa bbilanċjata għandhom Kristjani ddedikati?
9 Xi wħud iddubitaw jekk huwiex ġust li l-awtorità fil-kongregazzjoni tkun biss f’idejn irġiel ikkwalifikati jew li xi wħud għandhom tama għas-sema waqt li oħrajn għandhom tama għall-art. (Salm 37:29; Filippin 3:20) Kristjani ddedikati, madankollu, japprezzaw li dawn l-arranġamenti huma mniżżlin fil-Kelma t’Alla. Huma teokratiċi. Jekk jiġu ddubitati, ġeneralment dan ikun minn dawk li ma jaċċettawx il-prinċipji tal-Bibbja. Barra minn hekk, il-Kristjani jafu li l-irġiel u n-nisa huma ugwali f’għajnejn Jehovah, f’dak li għandu x’jaqsam mas-salvazzjoni. (Galatin 3:28) Għall-Kristjani veri, li jkunu adoraturi tas-Sovran taʼ l-univers huwa l-aqwa privileġġ li jistaʼ jkollhom, u huma henjin li jwettqu l-irwol li jfassal għalihom Jehovah. (Salm 31:24 [Salm 31:23, NW]; Salm 84:11 [Salm 84:10, NW]; 1 Korintin 12:12, 13, 18) Iktar minn hekk, il-ħajja taʼ dejjem, sew jekk tkun fis-sema u sew jekk fuq l-art magħmula ġenna, hija tama verament taʼ l-għaġeb.
10. (a) Ġonatan liema attitudni mill-aħjar wera? (b) Il-Kristjani llum kif juru attitudni simili għal dik taʼ Ġonatan?
10 B’hekk, ix-Xhieda taʼ Jehovah jixbhu lil Ġonatan, l-iben devot taʼ Sawl. Ġonatan x’aktarx li kien ikun sultan eċċellenti. Madankollu, minħabba n-nuqqas taʼ fedeltà taʼ Sawl, Jehovah għażel lil David biex ikun it-tieni sultan taʼ Iżrael. Iddarras Ġonatan minħabba dan? Lanqas xejn. Hu u David saru l-aqwa ħbieb u saħansitra pproteġieh minn Sawl. (1 Samwel 18:1; 20:1-42) B’mod simili, dawk li għandhom tama għall-art m’humiex għajjurin għal dawk li għandhom it-tama għas-sema. U l-Kristjani veri m’humiex għajjurin għal dawk li jeżerċitaw awtorità teokratika fil-kongregazzjoni. Pjuttost, huma ‘jgħożżuhom u jħobbuhom kemm jifilħu,’ u jirrikonoxxu x-xogħol iebes li jagħmlu għan-nom taʼ ħuthom spiritwali.—1 Tessalonikin 5:12, 13.
Il-Mod Teokratiku kif Wieħed Iqis il-Ħakma Sekulari
11. Il-Kristjani li jissottomettu ruħhom għall-ħakma teokratika kif iqisuhom lill-awtoritajiet sekulari?
11 La x-Xhieda taʼ Jehovah qegħdin taħt teokrazija, ħakma minn Alla, huma kif iqisuhom lill-ħakkiema nazzjonali? Ġesù qal li s-segwaċi tiegħu ma kellhomx ikunu “tad-dinja.” (Ġwann 17:16) Madankollu, il-Kristjani jirrikonoxxu d-dejn tagħhom lil “Ċesari,” il-gvernijiet sekulari. Ġesù qal li huma għandhom ‘jagħtu lil Ċesari dak li hu taʼ Ċesari, u lil Alla dak li hu t’Alla.’ (Mattew 22:21) Skond il-Bibbja, il-gvernijiet umani “jinsabu mqegħdin fil-pożizzjonijiet relattivi tagħhom permezz t’Alla.” Jehovah, is-Sors taʼ kull awtorità, jippermetti li l-gvernijiet jibqgħu jeżistu, u hu jistenna li huma jagħmlu l-ġid lil dawk taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom. Meta jagħmlu dan, huma jkunu l-‘ministri t’Alla.’ Il-Kristjani huma suġġetti għall-gvernijiet tal-pajjiż fejn jgħixu “minħabba l-kuxjenza [tagħhom].” (Rumani 13:1-7, NW) M’għandniex xi ngħidu, jekk l-istat ikollu jitlob xi ħaġa li hija kuntrarja għal-liġi t’Alla, il-Kristjan ‘jobdi lil Alla iktar mill-bnedmin.’—Atti 5:29.
12. Meta l-Kristjani jiġu ppersegwitati mill-awtoritajiet, l-eżempju taʼ min isegwu?
12 X’jiġri meta l-Kristjani veri jiġu ppersegwitati mill-awtoritajiet governattivi? F’dak il-każ huma jsegwu l-eżempju tal-Kristjani bikrin, li ssaportew perijodi taʼ persekuzzjoni kbira. (Atti 8:1; 13:50) Dawn il-provi taʼ fidi kienu mistennijin, ladarba Ġesù kien wissa li kellhom jiġu fuqhom. (Mattew 5:10-12; Mark 4:17) Madankollu, dawk il-Kristjani bikrin ma rritaljawx kontra dawk li ppersegwitawhom; lanqas il-fidi tagħhom ma ddgħajfet minħabba li kienu taħt pressjoni. Pjuttost, huma segwew dan l-eżempju taʼ Ġesù: “Meta għajjruh ma weġibx bit-tagħjir; meta bata ma heddidx imma ħalla f’idejn l-Imħallef ġust.” (1 Pietru 2:21-23) Iva, il-prinċipji Kristjani ħarġu rebbiħin fuq il-provokazzjonijiet taʼ Satana.—Rumani 12:21.
13. Ix-Xhieda taʼ Jehovah kif wieġbu għall-persekuzzjoni u l-kampanji taʼ gideb kontriehom?
13 L-istess qed jiġri llum. Matul dan is-seklu, ix-Xhieda taʼ Jehovah sofrew ħafna taħt idejn xi ħakkiema oppressivi—sewwa sew bħalma bassar Ġesù. (Mattew 24:9, 13) F’xi pajjiżi jiġu ċċirkolati ħafna gideb u qlajjiet minn uħud li jipprovaw jagħmlu pressjoni fuq l-awtoritajiet biex jaġixxu kontra dawn il-Kristjani sinċieri. Xorta waħda, minkejja ‘li jgħidu l-ħażin fuqhom,’ ix-Xhieda, bil-kondotta mill-aħjar tagħhom, jirrikkmandaw lilhom infushom bħala ministri t’Alla. (2 Korintin 6:4, 8) Meta jkun possibbli, huma jippreżentaw il-każ tagħhom quddiem uffiċjali u quddiem il-qrati tal-pajjiż sabiex juru l-innoċenza tagħhom minn kwalunkwe għemil ħażin. Huma jużaw kull mezz disponibbli għalihom biex jiddefendu pubblikament l-aħbar tajba. (Filippin 1:7) Imma, wara li jkunu għamlu dak kollu li jistgħu sakemm tippermetti l-liġi, iħallu l-affarijiet f’idejn Jehovah. (Salm 5:9-13 [Salm 5:8-12, NW]; Proverbji 20:22) Jekk ikun hemm bżonn, huma, bħall-Kristjani bikrin, ma jibżgħux li jsofru minħabba t-tjieba.—1 Pietru 3:14-17; 4:12-14, 16.
Poġġi l-Glorja t’Alla l-Ewwel
14, 15. (a) X’jiġi fuq quddiemnett għal dawk li jappoġġaw il-prinċipju taʼ teokrazija? (b) Salamun f’liema okkażjoni ta eżempju mill-aħjar taʼ umiltà fil-pożizzjoni tiegħu taʼ indokrar?
14 Meta Ġesù għallem lis-segwaċi tiegħu jitolbu, l-ewwel ħaġa li semma kienet it-taqdis taʼ l-isem taʼ Jehovah. (Mattew 6:9) Fi qbil maʼ dan, dawk li jgħixu taħt it-teokrazija jfittxu l-glorja t’Alla u mhux tagħhom infushom. (Salm 29:1, 2) Il-Bibbja tirrapporta li fl-ewwel seklu, dan kien ostaklu għal xi wħud li rrifjutaw li jsegwu lil Ġesù minħabba li “għalihom kienet aktar għażiża l-glorja tal-bnedmin,” kienu jieħdu gost jiġu gglorifikati mill-bnedmin. (Ġwann 12:42, 43) Tabilħaqq, jeħtieġ l-umiltà biex wieħed ipoġġi lil Jehovah qabel l-importanza żejda li wieħed jistaʼ jagħti lilu nnifsu.
15 Salamun wera spirtu mill-aħjar f’dan ir-rigward. Qabbel il-kliem li qal fid-dedikazzjoni tat-tempju glorjuż li hu kien bena mal-kliem li qal Nabukodonosor rigward il-kapulavuri tiegħu taʼ bini. Bi kburija esaġerata, Nabukodonosor ftaħar: “Hijiex din Babilonja l-kbira li jien, bil-qawwa taʼ setgħeti, bnejt bħala għamara taʼ sultan għal sebħ ġieħi?” (Danjel 4:27 [Danjel 4:30, NW]) B’kuntrast, Salamun bil-modestja kollha ċekken dak li kien wettaq, u qal: “Imma, tgħid, tassew li Alla se jibqaʼ jgħix fuq l-art mal-bnedmin? Ara! Lanqas is-smewwiet u s-smewwiet tas-smewwiet ma jesgħuk, aħseb u ara dan id-daqsxejn taʼ tempju li bnejt jien!” (2 Kronaki 6:14, 15, 18; Salm 127:1) Salamun m’għolliex lilu nnifsu. Kien jaf li kien sempliċement rappreżentant taʼ Jehovah u kiteb: “Fejn tidħol il-kburija, jidħol l-għajb; imma l-umli jkollhom l-għerf.”—Proverbji 11:2.
16. L-anzjani kif jagħtu prova li huma verament taʼ barka minħabba li ma jigglorifikawx lilhom infushom?
16 Anzjani Kristjani bl-istess mod jeżaltaw lil Jehovah, mhux lilhom infushom. Huma jsegwu l-parir taʼ Pietru: “Jekk xi ħadd għandu d-don tal-ministeru, iħaddmu bis-setgħa li Alla tah, u hekk f’kollox ikun igglorifikat Alla b’Ġesù Kristu.” (1 Pietru 4:11) L-appostlu Pawlu ddeskriva x-“xogħol taʼ isqof [“indokratur,” NW],” mhux bħala xi pożizzjoni importanti taʼ prominenza, imma bħala “xogħol sabiħ.” (1 Timotju 3:1) L-anzjani jiġu maħturin biex jaqdu, mhux biex jaħkmu. Huma għalliema u rgħajja tal-merħla t’Alla. (Atti 20:28; Ġakbu 3:1) Anzjani umlin u li jissagrifikaw lilhom infushom huma verament barka għal kongregazzjoni. (1 Pietru 5:2, 3) “Għożżuhom nies bħal dawn,” u rringrazzjaw lil Jehovah li pprovda tant anzjani kkwalifikati biex jappoġġaw it-teokrazija f’dawn il-jiem taʼ “l-aħħar.”—Filippin 2:29; 2 Timotju 3:1.
“Kunu, Mela, Tixbhu lil Alla”
17. Dawk li huma taħt it-teokrazija b’liema modi jimitaw lil Alla?
17 L-appostlu Pawlu ħeġġeġ: “Kunu, mela, tixbhu lil Alla, bħala wlied maħbuba.” (Efesin 5:1) Dawk li jissottomettu ruħhom għat-teokrazija jipprovaw jixbhu lil Alla kemm huwa possibbli għalihom li jixbhuh taʼ bnedmin imperfetti li huma. Per eżempju, il-Bibbja tgħid dan dwar Jehovah: “Hu l-Blata tagħna; perfett għemilu; u lkoll ġusti t-triqat tiegħu. Alla taʼ kelmtu u ma jqarraqx; kollu ħaqq u kollu sewwa.” (Dewteronomju 32:3, 4) Biex jimitaw lil Alla f’dan ir-rigward, il-Kristjani jfittxu l-fedeltà, it-tjieba, u sens ibbilanċjat taʼ ġustizzja. (Mikea 6:8; 1 Tessalonikin 3:6; 1 Ġwann 3:7) Huma jevitaw ħafna affarijiet li saru aċċettabbli għad-dinja, bħalma huma l-immoralità, ix-xenqa, u r-regħba. (Efesin 5:5) Minħabba li l-qaddejja taʼ Jehovah jsegwu livelli divini, u mhux tal-bniedem, l-organizzazzjoni tiegħu hija teokratika, nadifa, u bnina.
18. Liema hi l-iktar kwalità li tispikka t’Alla, u l-Kristjani kif jirriflettu din il-kwalità?
18 Il-kwalità li tispikka t’Alla Jehovah hija l-imħabba. “Alla hu mħabba,” jgħid l-appostlu Ġwanni. (1 Ġwann 4:8) Ladarba t-teokrazija tfisser ħakma minn Alla, din tirriżulta f’ħakma mill-imħabba. Ġesù qal: “Minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jiġifieri, jekk ikollkom l-imħabba bejnietkom.” (Ġwann 13:35) L-organizzazzjoni teokratika wriet imħabba li tispikka matul dawn il-jiem diffiċli taʼ l-aħħar. Matul il-ġenoċidju fl-Afrika, ix-Xhieda taʼ Jehovah wrew imħabba lejn kulħadd, kienu minn liema grupp etniku kienu. Matul il-gwerra f’dik li qabel kienet il-Jugoslavja, ix-Xhieda taʼ Jehovah mill-inħawi kollha għenu lil xulxin, waqt li gruppi reliġjużi oħrajn ħadu sehem f’dak li ġie msejjaħ it-tindif etniku. Fuq livell persunali, ix-Xhieda taʼ Jehovah jistinkaw biex jobdu l-parir taʼ Pawlu: “Mrar, saħna, korla, tagħjir, għajat, dan kollu warrbuh minnkom, u wkoll kull ħażen ieħor. Kunu twajba maʼ xulxin, ħennu għal xulxin, aħfru lil xulxin, bħalma Alla ħafer lilkom fi Kristu.”—Efesin 4:31, 32.
19. Liema barkiet jiġu kemm issa u kemm fil-futur għal dawk li jissottomettu ruħhom għat-teokrazija?
19 Dawk li jissottomettu ruħhom għat-teokrazija jgawdu barkiet kbar. Huma jinsabu fil-paċi m’Alla u maʼ sħabhom il-Kristjani. (Lhud 12:14; Ġakbu 3:17) Għandhom skop fil-ħajja. (Koħèlet 12:13) Għandhom sigurtà spiritwali u tama ċerta għall-futur. (Salm 59:10 [Salm 59:9, NW]) Tabilħaqq, huma ferħanin li daqu bil-quddiem ftit minn dak li se jkun hawn meta l-umanità kollha tkun taħt ħakma teokratika. Imbagħad, il-Bibbja tgħid, “Ma jagħmlux aktar deni u anqas ħsara fuq il-muntanja qaddisa kollha tiegħi, għax mimlija hi l-art bl-għarfien tal-Mulej bħalma l-baħar hu miksi bl-ilmijiet.” (Isaija 11:9) Xi żmien glorjuż se jkun dan! Jalla lkoll kemm aħna nassiguraw post għalina f’dik il-Ġenna taʼ l-art futura billi issa nibqgħu qrib it-teokrazija.
Tistaʼ Tispjega?
◻ X’inhi t-teokrazija vera u fejn tistaʼ tinstab illum?
◻ Il-bnedmin kif jissottomettu ruħhom għall-ħakma teokratika f’ħajjithom?
◻ Dawk kollha li qegħdin taħt it-teokrazija b’liema modi qegħdin ifittxu l-glorja t’Alla qabel dik tagħhom stess?
◻ Liema huma xi kwalitajiet taʼ tjieba li qegħdin jimitaw dawk li jappoġġaw it-teokrazija?
[Stampa f’paġna 17]
Salamun poġġa l-glorja t’Alla qabel dik tiegħu stess