-
X’Inhi s-Saltna t’Alla?Għix Ħajja Ferħana għal Dejjem!—Il-Bibbja Turik Kif
-
-
LEZZJONI 31
X’Inhi s-Saltna t’Alla?
L-iżjed suġġett li titkellem fuqu l-Bibbja hu s-Saltna t’Alla. Ġeħova se juża din is-Saltna biex jagħmel l-art ġenna kif xtaq fil-bidu. X’inhi s-Saltna? Kif nafu li qed tmexxi? X’għamlet s’issa? U x’se tagħmel fil-futur? It-tweġibiet għal dawn il-mistoqsijiet se ssibhom f’din il-lezzjoni u t-tnejn li jmiss.
1. X’inhi s-Saltna t’Alla u min hu s-Sultan?
Is-Saltna t’Alla hi gvern li għamlu Alla Ġeħova. Is-Sultan tagħha hu Ġesù Kristu u jmexxi mis-sema. (Mattew 4:17; Ġwanni 18:36) Il-Bibbja tgħid li Ġesù se ‘jsaltan għal dejjem.’ (Luqa 1:32, 33) Bħala s-Sultan tas-Saltna t’Alla, Ġesù se jmexxi fuq in-nies kollha li jgħixu fuq l-art.
2. Min qed imexxi maʼ Ġesù?
Ġesù ma jmexxix waħdu. Nies “minn kull tribù u lsien u poplu u ġens . . . se jsaltnu għal fuq l-art.” (Rivelazzjoni 5:9, 10) Kemm se jmexxu maʼ Kristu? Minn mindu Ġesù ġie fuq l-art, miljuni taʼ Kristjani saru dixxipli tiegħu. Imma 144,000 biss se jmorru fis-sema biex imexxu maʼ Ġesù. (Aqra Rivelazzjoni 14:1-4.) Il-Kristjani l-oħra fuq l-art se jkunu ċittadini taʼ dan il-gvern, is-Saltna t’Alla.—Salm 37:29.
3. Is-Saltna t’Alla għala hi aħjar mill-gvernijiet li hawn fuq l-art?
Anki jekk il-gvernijiet jipprovaw jagħmlu affarijiet tajbin, xorta m’għandhomx il-qawwa biex jagħmlu dak kollu li jixtiequ. U l-gvernijiet li jilħqu warajhom jistgħu jkunu egoisti u ma jgħinux lin-nies. Imma ħadd mhu se jilħaq wara s-Sultan tas-Saltna t’Alla, Ġesù. Alla ‘waqqaf saltna li qatt ma tinqered.’ (Danjel 2:44) Ġesù se jmexxi fuq l-art kollha u se jittratta lil kulħadd l-istess. Ġesù jħobbna, qalbu tajba u jimxi sew maʼ kulħadd. Hu se jgħallimna wkoll inħobbu lil xulxin, nuru qalb tajba, u nittrattaw lil kulħadd l-istess.—Aqra Isaija 11:9.
TGĦALLEM IŻJED
Sir af għala s-Saltna t’Alla hi aħjar mill-gvernijiet kollha.
4. Is-Saltna t’Alla se tmexxi l-art kollha
Ġesù għandu iżjed qawwa minn kull gvern li qatt mexxa fid-dinja. Aqra Mattew 28:18, u mbagħad iddiskuti:
X’inhi d-differenza bejn il-qawwa li għandu Ġesù biex imexxi u gvernijiet oħrajn?
Il-gvernijiet illum jinbidlu malajr u jmexxu biss fuq partijiet tad-dinja. Is-Saltna t’Alla l-istess? Aqra Danjel 7:14, u mbagħad iddiskuti:
Għala hu tajjeb li s-Saltna t’Alla qatt mhu se tinqered?
Għala hu tajjeb li se tmexxi l-art kollha?
5. Il-gvernijiet tal-lum ma jistgħux isolvu l-problemi tagħna
Għala għandna bżonn is-Saltna t’Alla minflok dawn il-gvernijiet? Ara l-VIDJOW, u mbagħad iddiskuti l-mistoqsijiet li ġejjin.
X’effett qed iħallu n-nies meta jmexxu d-dinja?
Aqra Ekkleżjasti 8:9, u mbagħad iddiskuti:
Taħseb li s-Saltna t’Alla għandha tmexxi flok in-nies? Għala taħseb hekk?
6. Dawk li jmexxu fis-Saltna t’Alla jifhmuna
Is-Sultan tagħna, Ġesù, għex bħala bniedem. B’hekk hu ‘jifhem id-dgħjufijiet tagħna.’ (Ebrej 4:15) Ġeħova għażel 144,000 raġel u mara leali biex imexxu maʼ Ġesù. Dawn ġejjin “minn kull tribù u lsien u poplu u ġens.”—Rivelazzjoni 5:9.
Kif tħossok li Ġesù u l-144,000 jifhmu kif inħossuna u l-problemi li għandna? Għala taħseb hekk?
Ġeħova għażel irġiel u nisa minn backgrounds differenti biex imexxu maʼ Ġesù
7. Is-Saltna t’Alla għandha l-aħjar liġijiet
Il-gvernijiet jagħmlu liġijiet biex jgħinu u jipproteġu lin-nies tal-pajjiż. Is-Saltna t’Alla wkoll għandha liġijiet li n-nies tagħha jridu jobdu. Aqra l-1 Korintin 6:9-11, u mbagħad iddiskuti:
Kif taħseb li se tkun id-dinja meta kulħadd jobdi l-liġijiet t’Alla?a
Ġeħova jrid li dawk li jagħmlu parti mis-Saltna tiegħu jobdu l-liġijiet tagħha. Taħseb li qed jistenna wisq mingħandna? Għala taħseb hekk?
Kif nafu li n-nies li mhux qed jobdu l-liġijiet tas-Saltna jistgħu jinbidlu?—Ara vers 11.
Il-gvernijiet jagħmlu l-liġijiet biex jipproteġu u jgħinu ċ-ċittadini tagħhom. Is-Saltna t’Alla għandha liġijiet li huma ħafna aħjar biex tipproteġi u tgħin iċ-ċittadini tagħha
XI ĦADD JISTAʼ JSAQSI: “Is-Saltna t’Alla qiegħda f’qalbi.”
Int kif twieġeb?
XI DDISKUTEJNA?
Is-Saltna t’Alla hi gvern fis-sema li se tmexxi lin-nies kollha fuq l-art.
X’Tgħallimt
Min qed imexxi fis-Saltna t’Alla?
Is-Saltna t’Alla kif inhi l-aħjar gvern?
Ġeħova x’jistenna minn dawk li jagħmlu parti mis-Saltna?
ARA IŻJED
Ara fejn hi s-Saltna skont Ġesù.
Ix-Xhieda taʼ Ġeħova għala jagħżlu li jobdu s-Saltna t’Alla iżjed mill-gvernijiet l-oħra?
Ara x’tgħid il-Bibbja fuq il-144,000 li Ġeħova għażel biex imexxu maʼ Ġesù.
Mara li kienet fil-ħabs kif ikkonvinċiet ruħha li Alla biss se jneħħi l-inġustizzja?
“How I Found the Answer to Injustice” (Awake!, November 2011)
-
-
Xi Jfisser li Tkun Newtrali?Għix Ħajja Ferħana għal Dejjem!—Il-Bibbja Turik Kif
-
-
LEZZJONI 45
Xi Jfisser li Tkun Newtrali?
Ġesù għallem lid-dixxipli tiegħu biex ‘ma jkunux parti mid-dinja.’ (Ġwanni 15:19) Dan ifisser li nkunu newtrali, jiġifieri li ma nżommu ma’ ħadd fil-politika jew fil-gwerer. Dan mhux dejjem ikun faċli. In-nies jistgħu jidħqu bina għax nibqgħu newtrali. Imma kif nistgħu nibqgħu newtrali u leali lejn Ġeħova?
1. Il-Kristjani veri x’jaħsbu dwar il-gvernijiet?
Il-Kristjani jirrispettaw il-gvernijiet. Bħalma qal Ġesù, aħna ‘nagħtu lura lil Ċesari dak li hu taʼ Ċesari.’ Dan ifisser li aħna nobdu l-liġijiet tal-pajjiż, bħal li nħallsu t-taxxi. (Marku 12:17) Il-Bibbja tgħidilna li l-gvernijiet qed imexxu għax Ġeħova jħallihom. (Rumani 13:1) Allura nifhmu li l-gvernijiet għandhom inqas awtorità minn Alla. Aħna nafdaw f’Alla u fis-Saltna tiegħu biex isolvu l-problemi li hawn fuq l-art.
2. Kif nistgħu nuru li aħna newtrali?
Bħal Ġesù, aħna ma nindaħlux fil-politika. Meta n-nies raw lil Ġesù jagħmel il-mirakli, huma pprovaw jagħmluh sultan. Imma hu ma ħallihomx. (Ġwanni 6:15) Għala? Għax iktar tard hu qal, “is-saltna tiegħi mhix parti minn din id-dinja.” (Ġwanni 18:36) Bħad-dixxipli taʼ Ġesù, għandna ħafna modi kif nistgħu nuru li aħna newtrali. Pereżempju ma niġġildux fil-gwerer. (Aqra Mikea 4:3.) Aħna nirrispettaw l-affarijiet tal-pajjiż, bħall-bandiera, imma ma nagħtuhomx l-istess rispett li nagħtu lil Alla. (1 Ġwanni 5:21) Aħna ma nżommux ma’ xi partit politiku u lanqas nitkellmu kontrihom. Dawn huma xi ftit modi kif nuru li aħna leali biss lejn il-gvern t’Alla, jiġifieri s-Saltna tiegħu.
TGĦALLEM IŻJED
Ara sitwazzjonijiet li jistgħu jagħmluha diffiċli biex nibqgħu newtrali, u ara kif tistaʼ togħġob lil Ġeħova b’dak li tiddeċiedi.
3. Il-Kristjani veri jibqgħu newtrali
Ġesù u d-dixxipli tiegħu huma eżempju tajjeb għalina. Aqra Rumani 13:1, 5-7 u l-1 Pietru 2:13, 14. Imbagħad, ara l-VIDJOW u ddiskuti:
Għala għandna nirrispettaw il-gvernijiet?
Kif nistgħu nkunu sottomessi lejhom, jiġifieri nobduhom?
Fi gwerra, xi pajjiżi jgħidu li huma newtrali, imma jgħinu liż-żewġ naħat. Allura xi jfisser li tkun newtrali? Aqra Ġwanni 17:16. Imbagħad, ara l-VIDJOW u ddiskuti:
Xi jfisser li tkun newtrali?
X’se tagħmel jekk il-gvern jgħidlek biex tagħmel xi ħaġa li tmur kontra l-liġi t’Alla? Aqra Atti 5:28, 29. Imbagħad, ara l-VIDJOW u ddiskuti:
Jekk il-liġi tal-gvern ma tkunx taqbel mal-liġi t’Alla, liema rridu nobdu?
Tistaʼ taħseb f’xi sitwazzjonijiet fejn il-Kristjani m’għandhomx jobdu mill-gvern?
4. Uri li int newtrali b’dak li taħseb u tagħmel
Aqra l-1 Ġwanni 5:21. Imbagħad, ara l-VIDJOW u ddiskuti:
Fil-vidjow, Ayenge għala ddeċieda li ma jżommx maʼ partit politiku jew jieħu sehem f’affarijiet tal-pajjiż, bħal li jsellem lill-bandiera?
Taħseb li dak li ddeċieda kien tajjeb?
Liema sitwazzjonijiet jistgħu juru jekk aħniex newtrali jew le? Ara l-VIDJOW, u mbagħad iddiskuti:
Kif tistaʼ tibqaʼ newtrali meta tara sports bejn pajjiżi differenti?
Kif nistgħu nibqgħu newtrali anki meta niġu effettwati b’dak li jiddeċiedu l-politikanti?
Dak li nisimgħu fl-aħbarijiet jew ma’ min nagħmluha, kif jistaʼ jeffettwa n-newtralità tagħna?
Il-Kristjani meta għandhom jibqgħu newtrali f’dak li jaħsbu u jagħmlu?
XI ĦADD JISTAʼ JSAQSI: “Intom għalfejn ma żżommu ma’ ħadd fil-politika?”
Int kif twieġeb?
XI DDISKUTEJNA?
Il-Kristjani jagħmlu l-aħjar li jistgħu biex b’dak li jaħsbu, jgħidu, u jagħmlu jibqgħu newtrali fil-politika.
X’Tgħallimt
Kif għandna nittrattaw lill-gvernijiet u sa liema punt għandna nobduhom?
Għala nibqgħu newtrali fil-politika?
Liema sitwazzjonijiet juru jekk aħniex newtrali jew le?
ARA IŻJED
X’jistaʼ jkollna bżonn nagħmlu biex nibqgħu newtrali?
Il-familji x’jistgħu jagħmlu minn qabel biex jibqgħu newtrali?
Għala l-aħjar ħaġa li tistaʼ tagħmel mhijiex li tiddefendi l-pajjiż tiegħek?
Ara kif ma tkunx parti mid-dinja meta tiddeċiedi dwar ix-xogħol.
“Kull Wieħed Iġorr it-Tagħbija Tiegħu” (It-Torri tal-Għassa, 15 taʼ Marzu 2006)
-