KAPITLU 13
Predikaturi tas-Saltna jiftħu kawża l-qorti
1, 2. (a) Il-mexxejja reliġjużi xi rnexxielhom jagħmlu lix-xogħol tal-ippritkar, imma l-appostli kif irreaġixxew? (b) L-appostli għala komplew jippritkaw?
HUWA ftit wara Pentekoste tas-sena 33 EK, u l-kongregazzjoni Kristjana f’Ġerusalemm ilha stabbilita ftit ġimgħat biss. Jidher ċar li Satana jqis dan bħala żmien tajjeb biex jattakkaha. Qabel ma l-kongregazzjoni tissaħħaħ irid jeqridha minn fuq l-art. Satana malajr jinfluwenza lill-mexxejja reliġjużi biex jipprojbixxu l-ippritkar dwar is-Saltna. Imma l-appostli b’kuraġġ jibqgħu jippritkaw, u ħafna rġiel u nisa jibdew “jemmnu fil-Mulej.”—Atti 4:18, 33; 5:14.
L-appostli ferħu “għax kienu tqiesu denji li jiġu diżonorati minħabba ismu”
2 F’dagħdigħa, l-opponenti jerġgħu jattakkaw—din id-darba billi jitfgħu l-appostli kollha l-ħabs. Madanakollu, matul il-lejl anġlu taʼ Ġeħova jiftaħ il-bibien tal-ħabs, u mas-sebħ l-appostli jerġgħu jaqbdu jippritkaw! Għal darb’oħra jiġu arrestati u jittieħdu quddiem il-mexxejja. Dawn jgħidu li l-appostli marru kontra l-ordni tagħhom billi komplew jippritkaw. L-appostli bi qlubija jwieġbu billi jgħidu: “Jeħtieġ li aħna nobdu lil Alla bħala ħakkiem u mhux lill-bnedmin.” Il-mexxejja tant jirrabjaw mal-appostli li jixtiequ “jeqirduhom.” Imma f’dak il-mument kruċjali, Gamaljel, għalliem tal-liġi li kien stmat, iwissi lill-mexxejja: “Oqogħdu attenti . . . Tindaħlulhomx lil dawn l-irġiel, imma ħalluhom.” Xi ħaġa tal-iskantament, il-mexxejja jisimgħu minnu u jħallu lill-appostli jitilqu. X’jagħmlu dawn l-irġiel leali? Bla ma jaqtgħu qalbhom, jibqgħu “jgħallmu u jxandru bla heda l-aħbar tajba dwar il-Kristu, Ġesù.”—Atti 5:17-21, 27-42; Prov. 21:1, 30.
3, 4. (a) Liema metodu effettiv uża Satana għal darba wara l-oħra biex jattakka n-nies t’Alla? (b) X’se nikkunsidraw f’dan il-kapitlu u fiż-żewġ kapitli li ġejjin?
3 Dan il-każ fil-qorti lura fis-sena 33 EK kien l-ewwel darba li l-kongregazzjoni Kristjana ħabbtet wiċċha mal-oppożizzjoni min-nies fl-awtorità, imma żgur li ma kienx l-aħħar darba. (Atti 4:5-8; 16:20; 17:6, 7) Fi żmienna, Satana għadu jxewwex lill-opponenti tal-qima vera biex iħeġġu lin-nies fl-awtorità ħalli jipprojbixxu l-ippritkar tagħna. L-opponenti akkużaw lin-nies t’Alla billi qalu li dawn jiksru l-liġi b’diversi modi. Akkuża waħda hi li ntellfu l-paċi pubblika—li naqilgħu l-inkwiet. Oħra hi li nxewxu kontra l-gvern; u terġaʼ oħra hi li aħna negozjanti kummerċjali. Meta kien xieraq, ħutna marru l-qorti biex juru li dawn l-akkużi m’għandhom l-ebda bażi. X’kien ir-riżultat taʼ dawn il-każi? U kif tiġi effettwat personalment minn deċiżjonijiet legali li ttieħdu għaxriet taʼ snin ilu? Ejja neżaminaw ftit każi tal-qorti biex naraw b’liema modi għenuna ‘niddefendu u nistabbilixxu legalment l-aħbar tajba.’—Flp. 1:7.
4 F’dan il-kapitlu, se niffokaw fuq kif iġġilidna għad-dritt li jkollna l-libertà li nippritkaw. Iż-żewġ kapitli li jmiss se jeżaminaw ftit mill-battalji legali li kellna biex nibqgħu separati mid-dinja u biex ngħixu fi qbil mal-livelli tas-Saltna.
Jaqilgħu l-inkwiet—Jew jiddefendu b’lealtà s-Saltna t’Alla?
5. Wara l-1935, għala ġew arrestati ħafna predikaturi tas-Saltna, u dawk li kienu qed jieħdu t-tmexxija xi bdew jaħsbu biex jagħmlu?
5 Wara l-1935, xi bliet u stati fl-Istati Uniti tal-Amerika pprovaw iġiegħlu lix-Xhieda taʼ Ġeħova jiksbu xi tip taʼ permess jew liċenzja legali biex jieħdu sehem fil-ministeru tagħhom. Imma ħutna m’applikawx għal-liċenzja. Liċenzja tistaʼ tittiħidlek, u l-aħwa emmnu li l-ebda gvern ma kellu l-awtorità li jindaħal fil-kmand taʼ Ġesù biex il-Kristjani jippritkaw il-messaġġ tas-Saltna. (Mk. 13:10) Għaldaqstant, mijiet taʼ predikaturi tas-Saltna ġew arrestati. Dawk li kienu qed jieħdu t-tmexxija fl-organizzazzjoni bdew jaħsbu biex jiftħu kawża l-qorti. Riedu juru li l-Istat kien għamel restrizzjonijiet illegali fuq id-dritt tax-Xhieda li jipprattikaw ir-reliġjon tagħhom bil-libertà. U fl-1938, ġrat xi ħaġa li wasslet għal kawża importanti fil-qorti. X’ġara?
6, 7. X’ġara lill-familja Cantwell?
6 Newton Cantwell, li kellu 60 sena, martu Esther, u wliedu Henry, Russell, u Jesse kienu pijunieri speċjali. It-Tlieta filgħodu, 26 t’April 1938, telqu biex iqattgħu l-ġurnata fl-ippritkar fil-belt taʼ New Haven, Connecticut, l-Istati Uniti tal-Amerika. Fil-fatt, kienu lesti li jdumu iktar minn ġurnata barra. Għala? Diġà kienu ġew arrestati diversi drabi, allura kienu jafu li setgħu jerġgħu jiġu arrestati. Imma dan ma naqqasx ix-xewqa tagħhom li jippritkaw il-messaġġ tas-Saltna. Marru New Haven b’żewġ karozzi. Newton saq il-karozza tal-familja mgħobbija b’letteratura tal-Bibbja u fonografi li jinġarru, filwaqt li Henry, li kellu 22 sena, saq karozza bil-lawdspikers. U tabilħaqq, kif kien mistenni, f’temp taʼ ftit sigħat ġew il-pulizija jwaqqfuhom.
7 L-ewwel ġie arrestat Russell, li kellu 18-il sena, u mbagħad Newton u Esther. Mill-bogħod, Jesse, li kellu 16-il sena, ra lill-ġenituri tiegħu u lil ħuh jittieħdu l-għassa. Henry kien qed jipprietka naħa oħra tal-belt, għalhekk Jesse baqaʼ waħdu. Minkejja dan, ġabar il-fonografu tiegħu u kompla jipprietka. Żewġt irġiel Kattoliċi ħallew lil Jesse jdoqqilhom rekord taʼ taħdita taʼ Ħuna Rutherford bit-titlu “Għedewwa.” Imma huma u jisimgħu t-taħdita, l-irġiel tant inkorlaw li riedu jsawtu lil Jesse. Bil-kalma kollha, Jesse telaq minn ħdejhom, imma ftit wara dan, pulizija waqqfu. Għalhekk, Jesse wkoll spiċċa arrestat. Il-pulizija m’akkużawx lil Oħtna Cantwell, imma akkużaw lil Ħuna Cantwell u lil uliedu. Però, ħarġu bi pleġġ f’dik l-istess ġurnata.
8. Il-qorti għala qatgħet is-sentenza li Jesse Cantwell kien qalaʼ l-inkwiet?
8 Ftit xhur wara, f’Settembru tal-1938, il-familja Cantwell dehret quddiem il-qorti taʼ New Haven. Newton, Russell, u Jesse nstabu ħatjin li kienu qed jitolbu donazzjonijiet mingħajr liċenzja. Minkejja li l-każ ġie appellat fil-Qorti Suprema taʼ Connecticut, Jesse nstab ħati li kien tellef il-paċi—li kien qalaʼ l-inkwiet. Għala? Għax iż-żewġt irġiel Kattoliċi li kienu semgħu r-rekord xehdu fil-qorti li t-taħdita kienet insultat ir-reliġjon tagħhom u ġegħlithom jirrabjaw. L-aħwa responsabbli fl-organizzazzjoni appellaw lill-Qorti Suprema tal-Istati Uniti—l-iktar qorti superjuri fil-pajjiż—għax ma qablux mas-sentenzi li ngħataw lill-familja Cantwell.
9, 10. (a) Il-Qorti Suprema tal-Istati Uniti kif qatgħet is-sentenza fil-każ tal-familja Cantwell? (b) Kif għadna nibbenefikaw minn din ir-rebħa?
9 B’seħħ mid-29 taʼ Marzu 1940, il-Prim Imħallef Charles E. Hughes u tmienja mill-imħallfin li kienu jaħdmu miegħu semgħu l-argumenti li ppreżenta Ħuna Hayden Covington, avukat għax-Xhieda taʼ Ġeħova.a Meta l-avukat għall-istat taʼ Connecticut ippreżenta l-argumenti tiegħu biex jipprova juri li x-Xhieda jaqilgħu l-inkwiet, wieħed mill-imħallfin saqsa: “Il-messaġġ li xandar Kristu Ġesù ma kienx popolari fi żmienu, hux hekk?” L-avukat tal-istat qal: “Hekk hu, u jekk niftakar sew, il-Bibbja tgħidilna wkoll xi ġralu Ġesù talli xandar dak il-messaġġ.” Dik l-istqarrija tassew kixfitu taʼ li hu! Mingħajr ma nduna, l-avukat tefaʼ lix-Xhieda fl-istess keffa maʼ Ġesù u tefaʼ lill-istat fl-istess keffa maʼ dawk li sabuh ħati. Fl-20 taʼ Mejju 1940, il-Qorti b’mod unanimu qatgħet is-sentenza favur ix-Xhieda.
Hayden Covington (quddiem, fin-nofs), Glen How (xellug), u oħrajn ħerġin mill-qorti wara rebħa legali
10 Is-sentenza tal-Qorti għala kienet tant sinifikanti? Din ipproteġiet iktar id-dritt li wieħed jipprattika r-reliġjon tiegħu bil-libertà. B’hekk, l-ebda tip taʼ qorti tal-gvern ma tistaʼ legalment tillimita l-libertà reliġjuża. Iktar minn hekk, il-Qorti qalet li l-imġiba taʼ Jesse “ma kinitx taʼ theddida għall-paċi pubblika.” Għalhekk, din is-sentenza wriet biċ-ċar li x-Xhieda taʼ Ġeħova ma jtellfux il-paċi pubblika. X’rebħa legali kruċjali għall-qaddejja t’Alla! Kif għadna nibbenefikaw minnha? Avukat li hu Xhud jgħid: “Id-dritt li nipprattikaw ir-reliġjon tagħna bil-libertà mingħajr biżaʼ li se jkollna restrizzjonijiet mhux ġusti jippermettilna . . . biex illum naqsmu messaġġ taʼ tama m’oħrajn fil-komunitajiet fejn ngħixu.”
Ixewxu kontra l-gvern—Jew ixandru l-verità?
Il-fuljett Quebec’s Burning Hate for God and Christ and Freedom Is the Shame of All Canada
11. Ħutna fil-Kanada x’kampanja kellhom, u għala?
11 Matul is-snin 40, ix-Xhieda taʼ Ġeħova fil-Kanada ħabbtu wiċċhom m’oppożizzjoni ħarxa. L-aħwa riedu juru lin-nies li l-Istat ma kienx qed iħallihom jeżerċitaw id-dritt tal-libertà tar-reliġjon. Għalhekk, fl-1946, kellhom kampanja li damet 16-il ġurnata u li fiha qassmu fuljett t’erbaʼ paġni. Dan il-fuljett kixef bid-dettall rewwixti mxewxin mill-kleru, ħruxija min-naħa tal-pulizija, u attakki vjolenti minn marmalji fuq ħutna fi Quebec. “L-arresti illegali tax-Xhieda taʼ Ġeħova dejjem qed jiżdiedu,” qal il-fuljett. “Hemm xi 800 kawża kontra x-Xhieda taʼ Ġeħova f’Montreal.”—Quebec’s Burning Hate for God and Christ and Freedom Is the Shame of All Canada.
12. (a) L-opponenti kif irreaġixxew għall-kampanja bil-fuljett? (b) Ħutna biex ġew akkużati? (Ara wkoll in-nota addizzjonali.)
12 Il-Kap tal-gvern fi Quebec, Maurice Duplessis, kien qed jaħdem id f’id mal-Kardinal Kattoliku Villeneuve. Meta ħareġ il-fuljett, Duplessis rreaġixxa billi ħabbar “gwerra bla ħniena” kontra x-Xhieda. It-800 kawża malajr irdoppjaw u saru 1,600 kawża. Oħt pijuniera qalet: “Tlifna l-kont taʼ kemm-il darba l-pulizija arrestawna.” Ix-Xhieda li nqabdu jqassmu l-fuljett ġew akkużati li qed jippubblikaw “malafama kontra l-gvern.”b
13. Min kienu l-ewwel uħud li ttellgħu l-qorti fuq l-akkuża li kienu qed ixewxu kontra l-gvern, u l-qorti kif qatgħet il-każ?
13 Fl-1947, Ħuna Aimé Boucher u wliedu Gisèle, li kellha 18-il sena, u Lucille, li kellha 11-il sena, kienu l-ewwel uħud li ttellgħu l-qorti fuq l-akkuża li kienu qed ixewxu kontra l-gvern. Kienu qassmu l-fuljetti tal-kampanja ħdejn ir-razzett tagħhom fl-għoljiet barra l-belt taʼ Quebec, imma żgur li ma kinux uħud li jaqilgħu l-inkwiet u li jiksru l-liġi. Ħuna Boucher kien raġel umli u ġwejjed li ħa ħsieb ir-razzett żgħir tiegħu u li kultant żmien kien jidħol il-belt biż-żiemel u l-karettun. Xorta waħda, il-familja tiegħu kienet ġarrbet ftit mill-abbużi li ssemmew fil-fuljett. L-imħallef tal-qorti, li ma kienx jaħmel lix-Xhieda, irrifjuta li jaċċetta evidenza li wriet biċ-ċar li l-familja Boucher kienet innoċenti. Minflok, aċċetta l-akkuża li l-fuljett qanqal l-ostilità u li b’hekk il-familja Boucher kienet ħatja. Mela l-ħarsa tal-imħallef bażikament kienet din: Hu att kriminali jekk tgħid il-verità! Aimé u Gisèle instabu ħatjin li kienu qed iqassmu letteratura li timmalafama l-gvern, u anke Lucille qattgħet jumejn il-ħabs. L-aħwa appellaw lill-Qorti Suprema tal-Kanada, l-iktar qorti superjuri fil-pajjiż, u din aċċettat li tismaʼ l-każ.
14. L-aħwa fi Quebec x’għamlu matul is-snin taʼ persekuzzjoni?
14 Sadattant, ħutna kuraġġużi fi Quebec baqgħu jippritkaw il-messaġġ tas-Saltna avolja kellhom iħabbtu wiċċhom m’attakki vjolenti bla waqfien—u spiss kellhom riżultati impressjonanti talli għamlu hekk. Matul l-erbaʼ snin wara li bdiet il-kampanja bil-fuljett fl-1946, l-għadd taʼ Xhieda fi Quebec żdied minn 300 għal 1,000 Xhud!c
15, 16. (a) Il-Qorti Suprema tal-Kanada kif qatgħet il-każ tal-familja Boucher? (b) Din ir-rebħa x’impatt kellha fuq ħutna u fuq oħrajn?
15 F’Ġunju tal-1950, il-Qorti Suprema tal-Kanada, magħmula minn disaʼ mħallfin, semgħet il-każ taʼ Aimé Boucher. Sitt xhur wara, fit-18 taʼ Diċembru 1950, il-Qorti qatgħet il-każ favur tagħna. Għala? Ħuna Glen How, avukat għax-Xhieda, spjega li l-qorti qablet mal-argument tad-difiża li biex wieħed jinstab ħati li qed ixewwex kontra l-gvern irid ikun qanqal il-vjolenza jew irvell kontra l-gvern. Imma l-fuljett “ma kien fih ebda tixwix minn dan u għaldaqstant kien tip taʼ diskors ħieles li hu legali.” Ħuna How żied jgħid: “Stajt nara b’għajnejja stess kif Ġeħova tana r-rebħa.”d
16 Id-deċiżjoni tal-Qorti Suprema tabilħaqq kienet rebħa kbira għas-Saltna t’Alla. Minħabba fiha, il-122 każ taʼ tixwix kontra l-gvern li kienu għadhom pendenti kontra x-Xhieda taʼ Ġeħova fi Quebec waqgħu. Iktar minn hekk, is-sentenza tal-Qorti fissret li ċ-ċittadini tal-Kanada u tal-Commonwealth (jiġifieri, il-Britannja u l-pajjiżi li qabel kienu maħkumin minnha) issa kellhom il-libertà li jitkellmu meta ma jaqblux mal-gvern. Minbarra dan, din ir-rebħa tat daqqa taʼ ħarta lill-knisja u l-istat taʼ Quebec li flimkien kienu qed jattakkaw il-libertà tax-Xhieda taʼ Ġeħova.e
Jinnegozjaw—Jew iħabbru b’żelu s-Saltna t’Alla?
17. Xi gvernijiet kif jipprovaw jikkontrollaw l-ippritkar tagħna?
17 Bħall-Kristjani tal-bidu, il-qaddejja taʼ Ġeħova llum ‘ma jagħmlux negozju mill-kelma t’Alla.’ (Aqra t-2 Korintin 2:17.) Minkejja dan, xi gvernijiet jipprovaw jikkontrollaw l-ippritkar tagħna permezz taʼ liġijiet li għandhom x’jaqsmu mal-kummerċ. Ejja nikkunsidraw żewġ każijiet tal-qorti li kienu dwar jekk ix-Xhieda taʼ Ġeħova humiex negozjanti jew predikaturi.
18, 19. L-awtoritajiet fid-Danimarka kif ipprovaw iwaqqfu l-ippritkar?
18 Id-Danimarka. Fl-1 t’Ottubru 1932, daħlet liġi li għamlitha illegali li wieħed ibigħ letteratura stampata mingħajr ma jkollu liċenzja biex ibigħ. Iżda, ħutna m’applikawx għal-liċenzja. L-għada, ħames pubblikaturi qattgħu l-ġurnata jippritkaw f’Roskilde, raħal xi 30 kilometru lejn il-Punent taʼ Kopenħagen, il-belt kapitali. Fl-aħħar tal-ġurnata, wieħed mill-pubblikaturi, August Lehmann, kien nieqes. Kien ġie arrestat talli biegħ affarijiet mingħajr liċenzja.
19 Fid-19 taʼ Diċembru 1932, August Lehmann deher quddiem il-qorti. Hu xehed li kien mar għand in-nies u offrielhom letteratura Biblika, imma qal li ma kienx qed jinnegozja. Il-qorti qablet miegħu. Qalet: “L-akkużat . . . kapaċi jmantni lilu nnifsu finanzjarjament, u ma rċieva l-ebda benefiċċju ekonomiku u lanqas mhu beħsiebu jirċievi xi benefiċċju bħal dan, anzi l-attivitajiet tiegħu jirrikjedu li joħroġ il-flus.” Il-qorti kienet favur ix-Xhieda u qatgħetha li l-attività taʼ Lehmann ma setgħetx “titqies bħala negozju.” Imma l-għedewwa tan-nies t’Alla kienu determinati li jwaqqfu l-ippritkar fil-pajjiż. (Salm 94:20) Il-prosekutur pubbliku baqaʼ jappella sakemm il-każ wasal għand il-Qorti Suprema tal-pajjiż. L-aħwa kif irreaġixxew?
20. Il-Qorti Suprema tad-Danimarka għal liema deċiżjoni waslet, u ħutna kif irreaġixxew?
20 Fil-ġimgħa taʼ qabel is-smigħ tal-każ quddiem il-Qorti Suprema, ix-Xhieda fid-Danimarka żiedu fl-ippritkar tagħhom. It-Tlieta, 3 t’Ottubru 1933, il-Qorti Suprema ħabbret id-deċiżjoni tagħha. Qablet mal-qorti l-oħra li August Lehmann ma kienx kiser il-liġi. Din id-deċiżjoni fissret li x-Xhieda setgħu jibqgħu jippritkaw bil-libertà. Biex jesprimu l-gratitudni tagħhom lejn Ġeħova għal din ir-rebħa legali, l-aħwa żiedu saħansitra iktar fl-ippritkar. Minn dakinhar s’issa, ħutna fid-Danimarka setgħu jwettqu l-ministeru tagħhom mingħajr ma jindaħal il-gvern.
Xhieda kuraġġużi fid-Danimarka fis-snin 30
21, 22. X’kienet id-deċiżjoni tal-Qorti Suprema tal- Istati Uniti fil-każ taʼ Ħuna Murdock?
21 L-Istati Uniti tal-Amerika. Nhar il-Ħadd, 25 taʼ Frar 1940, il-pijunier Robert Murdock, Jr., u sebaʼ Xhieda oħra ġew arrestati waqt li kienu qed jippritkaw f’Jeannette, belt ħdejn Pittsburgh, fl-istat taʼ Pennsylvania. Instabu ħatjin talli ma kinux xtraw liċenzja biex joffru l-letteratura. Meta appellaw, il-Qorti Suprema tal-Istati Uniti aċċettat li tismaʼ l-każ.
22 Fit-3 taʼ Mejju 1943, il-Qorti Suprema ħabbret id-deċiżjoni li ħadet favur ix-Xhieda. Il-Qorti ma qablitx mal-liġi lokali li wieħed għandu jikseb liċenzja għax dan fisser li għandu “jħallas biex igawdi dritt li hu fil-Kostituzzjoni tal-Istat.” Il-Qorti ġabet fix-xejn din il-liġi għax din kienet qed “toħnoq il-libertà tal-istampa u tillimita l-libertà li wieħed jipprattika r-reliġjon tiegħu.” Meta kien qed jgħid x’kienet l-opinjoni tal-maġġoranza tal-Qorti, l-Imħallef William O. Douglas qal li l-attività tax-Xhieda taʼ Ġeħova “tinvolvi iktar minn xogħol tal-ippritkar; iktar minn tqassim tal-letteratura. Hi taħlita taʼ dawn iż-żewġ affarijiet.” Żied: “Din l-attività reliġjuża għandha titqies bħala sagra daqs . . . il-qima fil-knejjes u l-ippritkar minn fuq il-pulpti.”
23. Ir-rebħiet fil-qorti tal-1943 għala huma importanti għalina llum?
23 Din id-deċiżjoni tal-Qorti Suprema fissret rebħa legali kbira għan-nies t’Alla. Ikkonfermat li tassew aħna predikaturi Kristjani u mhux negozjanti kummerċjali. F’dak l-istess jum memorabbli, ix-Xhieda taʼ Ġeħova rebħu 12 mit-13-il każ li kellhom, inkluż dak taʼ Ħuna Murdock, quddiem il-Qorti Suprema. Dawn id-deċiżjonijiet tal-qorti servew bħala eżempju mill-aħjar f’każijiet iktar reċenti fil-qorti li fihom l-opponenti tagħna reġgħu sfidaw id-dritt li nippritkaw il-messaġġ tas-Saltna b’mod pubbliku u minn dar għal dar.
“Jeħtieġ li aħna nobdu lil Alla bħala ħakkiem u mhux lill-bnedmin”
24. Kif nirreaġixxu meta gvern jipprojbixxi l-ippritkar tagħna?
24 Bħala l-qaddejja taʼ Ġeħova, aħna tassew napprezzaw meta l-gvernijiet jagħtuna d-dritt legali biex nippritkaw il-messaġġ tas-Saltna bil-libertà. Madanakollu, meta gvern jipprojbixxi l-ippritkar tagħna, aħna sempliċement naġġustaw il-metodi tagħna u nkomplu bix-xogħol b’kull mezz li nistgħu. Bħall-appostli, “jeħtieġ li aħna nobdu lil Alla bħala ħakkiem u mhux lill-bnedmin.” (Atti 5:29; Mt. 28:19, 20) Fl-istess waqt, nappellaw lil qrati biex il-projbizzjoni fuq xogħolna titneħħa. Ikkunsidra żewġ eżempji.
25, 26. X’wassal biex jinfetaħ każ fil-Qorti Suprema tan-Nikaragwa, u x’kien ir-riżultat?
25 In-Nikaragwa. Fid-19 taʼ Novembru 1952, Donovan Munsterman, li kien missjunarju u l-qaddej tal-fergħa, daħal fl-Uffiċċju tal-Immigrazzjoni f’Managua, il-belt kapitali. Kien ġie ordnat jidher quddiem il-Kaptan Arnoldo García, li kien imexxi l-uffiċċju. Il-kaptan qal lil Donovan li x-Xhieda taʼ Ġeħova fin-Nikaragwa kienu “projbiti milli jkomplu jippritkaw dwar it-twemmin tagħhom u milli jressqu ’l quddiem l-attivitajiet reliġjużi tagħhom.” Meta ġie mitlub raġuni, il-Kaptan García spjega li x-Xhieda ma kellhomx permess mill-ministru tal-gvern biex iwettqu l-ministeru tagħhom u li kienu ġew akkużati li huma komunisti. Min kien akkużana? Il-kleru tal-Knisja Kattolika Rumana.
Aħwa fin-Nikaragwa matul il-projbizzjoni
26 Ħuna Munsterman minnufih appella lill-Ministeru tal-Gvern u tar-Reliġjonijiet kif ukoll lill-President Anastasio Somoza García, imma kollu għalxejn. Allura l-aħwa aġġustaw il-metodi tagħhom. Għalqu s-Sala tas-Saltna, iltaqgħu fi gruppi iżgħar, u waqfu jagħtu xhieda fit-toroq, imma xorta xandru l-messaġġ tas-Saltna. Fl-istess waqt, talbu lill-Qorti Suprema tan-Nikaragwa biex iġġib fix-xejn il-projbizzjoni. Il-gazzetti rrapportaw mal-pajjiż kollu dwar il-projbizzjoni u t-talba tal-aħwa, u l-Qorti Suprema aċċettat li tismaʼ l-każ. X’kien ir-riżultat? Fid-19 taʼ Ġunju tal-1953, il-Qorti Suprema ppubblikat id-deċiżjoni unanima tagħha favur ix-Xhieda. Il-Qorti sabet li l-projbizzjoni marret kontra l-liġi tal-pajjiż dwar il-libertà tal-espressjoni, tal-kuxjenza, u taʼ li wieħed jipprattika r-reliġjon tiegħu. Ukoll, ordnat biex ir-relazzjonijiet li kien hemm bejn il-gvern tan-Nikaragwa u x-Xhieda jerġgħu għal li kienu.
27. In-nies tan-Nikaragwa għala stagħġbu bid-deċiżjoni tal-Qorti, u l-aħwa kif qiesu din ir-rebħa?
27 In-nies tan-Nikaragwa stagħġbu li l-Qorti Suprema kienet favur ix-Xhieda. Sa dak iż-żmien, il-kleru tant kellu influwenza li l-Qorti ma kinitx tissogra tħaqqaqha miegħu. Anke l-uffiċjali tal-gvern kellhom influwenza kbira, tant li l-Qorti rari kienet tmerihom. Ħutna kienu fiduċjużi li kellhom din ir-rebħa għax kienu rċivew protezzjoni mis-Sultan tagħhom u kienu baqgħu jippritkaw.—Atti 1:8.
28, 29. Madwar l-1985, liema bidla mhix mistennija seħħet fiz-Zaire?
28 Iz-Zaire. Madwar l-1985, kien hemm xi 35,000 Xhud fiz-Zaire (issa r-Repubblika Demokratika tal-Kongo). Biex tlaħħaq mat-tkabbir kontinwu li kien hemm fl-attivitajiet tas-Saltna, il-fergħa kienet qed tibni bini ġdid. F’Diċembru tal-1985, saret konvenzjoni internazzjonali fil-belt kapitali, Kinshasa, u 32,000 delegat minn ħafna pajjiżi differenti mlew l-istejdjum tal-belt. Imma mbagħad il-kundizzjonijiet għall-qaddejja taʼ Ġeħova bdew jinbidlu. X’ġara?
29 Ħuna Marcel Filteau, missjunarju minn Quebec, il-Kanada, li kien esperjenza l-persekuzzjoni taħt il-ħakma taʼ Duplessis, kien qed jaqdi fiz-Zaire f’dak iż-żmien. Hu rrakkonta dak li kien ġara: “Fit-12 taʼ Marzu 1986, l-aħwa responsabbli ngħataw ittra li qalet li l-assoċjazzjoni tax-Xhieda taʼ Ġeħova fiz-Zaire kienet illegali.” Din il-projbizzjoni kienet iffirmata mill-president tal-pajjiż, Mobutu Sese Seko.
30. Il-membri tal-Kumitat tal-Fergħa liema deċiżjoni importanti kellhom jieħdu, u xi ddeċidew li jagħmlu?
30 L-għada stess, ir-radju nazzjonali ħabbar: “Qatt mhu se nerġgħu nisimgħu bix-Xhieda taʼ Ġeħova [fiz-Zaire].” Mill-ewwel faqqgħet il-persekuzzjoni. Xi Swali tas-Saltna nqerdu, ħutna ġew misruqin, arrestati, mitfugħin il-ħabs, u msawtin. Anke t-tfal li kienu Xhieda ġew mitfugħin il-ħabs. Fit-12 t’Ottubru 1988, il-gvern ħa taħt idejh l-affarijiet li kienu tal-organizzazzjoni tagħna, u l-Gwardja Ċivili, grupp tal-armata, ħadet taħt idejha l-proprjetà tal-fergħa. L-aħwa responsabbli bagħtu ittra lill-President Mobutu biex ineħħi l-projbizzjoni, imma baqgħu bla risposta. F’dak il-punt, il-Kumitat tal-Fergħa kellhom jieħdu deċiżjoni importanti: “Se nappellaw lill-Qorti Suprema, jew nistennew?” Timothy Holmes, li kien missjunarju u l-koordinatur tal-Kumitat tal-Fergħa tal-pajjiż f’dak iż-żmien, jiftakar: “Dorna lejn Ġeħova għall-għerf u l-gwida.” Wara li talbu dwar il-kwistjoni u ddiskutewha bejniethom, il-membri tal-kumitat ħassew li ma kienx il-waqt biex jieħdu xi azzjoni legali. Minflok, iffokaw fuq li jieħdu ħsieb lill-aħwa u fuq li jsibu modi kif jistgħu jkomplu jippritkaw.
“Matul il-każ, rajna kif Ġeħova jistaʼ jbiddel l-affarijiet”
31, 32. (a) Liema deċiżjoni rimarkevoli ħadet il-Qorti Suprema taz-Zaire? (b) Dan x’effett kellu fuq ħutna?
31 Għaddew diversi snin. Il-pressjoni fuq ix-Xhieda naqset, u r-rispett lejn id-drittijiet umani żdied fil-pajjiż. Il-Kumitat tal-Fergħa kkonkluda li issa kien wasal il-waqt biex jappella lill-Qorti Suprema tal-Ġustizzja fiz-Zaire ħalli titneħħa l-projbizzjoni. Ħaġa tal-iskantament, il-Qorti Suprema aċċettat li tismaʼ l-każ. Imbagħad, fit-8 taʼ Jannar 1993, kważi sebaʼ snin wara l-projbizzjoni mill-president, il-Qorti ddeċidiet li l-azzjoni li l-gvern kien ħa kontra x-Xhieda kienet illegali, u b’hekk il-projbizzjoni nġiebet fix-xejn. Aħseb ftit x’kien ifisser dan! L-imħallfin issograw ħajjithom stess u ġabu fix-xejn deċiżjoni li kien ħa l-president tal-pajjiż! Ħuna Holmes jgħid: “Matul il-każ, rajna kif Ġeħova jistaʼ jbiddel l-affarijiet.” (Dan. 2:21) Din ir-rebħa saħħet il-fidi taʼ ħutna. Huma ħassew li s-Sultan, Ġesù, kien iggwida lin-nies tiegħu biex ikunu jafu meta u kif għandhom jaġixxu.
Xhieda fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo jifirħu għax għandhom il-libertà li jqimu lil Ġeħova
32 Issa li kienet tneħħiet il-projbizzjoni, l-uffiċċju tal-fergħa setaʼ jġib il-missjunarji, jibni bini ġdid tal-fergħa, u jdaħħal letteratura tal-Bibbja.f Kemm hu sors taʼ ferħ meta l-qaddejja t’Alla madwar id-dinja jaraw kif Ġeħova jipproteġi l-benesseri spiritwali tan-nies tiegħu!—Is. 52:10.
“Ġeħova hu dak li jgħinni”
33. X’nitgħallmu minn din il-ħarsa fuq fuq taʼ xi każijiet tal-qorti?
33 Din il-ħarsa fuq fuq taʼ xi każijiet fil-qorti turi biċ-ċar li Ġesù wettaq il-wegħda tiegħu: “Nagħtikom fomm u għerf, li dawk kollha li jopponukom ma jkunux jistgħu jiqfulhom jew imeruhom.” (Ara Luqa 21:12-15.) Kultant, Ġeħova milli jidher uża wħud fi żmienna li bħal Gamaljel jipproteġu lill-poplu tiegħu jew qanqal lil imħallfin u avukati kuraġġużi biex jieħdu waqfa għall-ġustizzja. Ġeħova ġab fix-xejn l-armi tal-opponenti tagħna. (Aqra Isaija 54:17.) L-oppożizzjoni ma tistax twaqqaf ix-xogħol t’Alla.
34. Ir-rebħiet legali tagħna għala huma tant rimarkevoli, u taʼ xiex jagħtu prova? (Ara wkoll il-kaxxa “Rebħiet sinifikanti fil-qorti superjuri li avvanzaw l-ippritkar tas-Saltna.”)
34 Ir-rebħiet legali tagħna għala huma tant rimarkevoli? Ikkunsidra dan: Ix-Xhieda taʼ Ġeħova mhumiex uħud prominenti jew taʼ influwenza. Ma nivvotawx, ma nappoġġawx kampanji politiċi, u lanqas ma nipprovaw ninfluwenzaw lill-politikanti. Ukoll, ħafna minn dawk fostna li jittellgħu l-qorti superjuri fuq xi każ, ġeneralment jitqiesu bħala wħud “komuni u taʼ ftit skola.” (Atti 4:13) Għalhekk, minn ħarsa umana, ma tantx jagħmel sens li l-qrati jgħinu lilna minflok ma jieħdu deċiżjoni favur l-opponenti reliġjużi u politiċi tagħna li għandhom ħafna poter. Minkejja dan, il-qrati għal darba wara l-oħra ddeċidew li jaqtgħu l-każ favurina! Ir-rebħiet legali tagħna juru biċ-ċar li qed nimxu “quddiem Alla, u fi sħubija maʼ Kristu.” (2 Kor. 2:17) Għaldaqstant, bħall-appostlu Pawlu, niddikjaraw: “Ġeħova hu dak li jgħinni; m’iniex se nibżaʼ.”—Ebr. 13:6.
a Dan il-każ (Cantwell v. State of Connecticut) kien l-ewwel minn 43 każ quddiem il-Qorti Suprema tal-Istati Uniti li fihom Ħuna Hayden Covington iddefenda lill-aħwa. Dan il-ħu miet fl-1978. Martu, Dorothy, qdiet bʼmod leali sakemm mietet fl-2015 fl-età taʼ 92 sena.
b Din l-akkuża kienet ibbażata fuq liġi li saret fl-1606. Din ippermettiet li l-membri tal-ġurija jiddikjaraw li persuna tkun ħatja jekk iħossu li din tkun qalet xi ħaġa li tqanqal l-ostilità—anke jekk dak li ntqal kien veru.
c Fl-1950, 164 ministru fultajm qdew fi Quebec—inkluż 63 li ggradwaw minn Gilegħad u li minn rajhom aċċettaw l-inkarigu tagħhom avolja kienu jafu li kienu se jħabbtu wiċċhom maʼ oppożizzjoni ħarxa.
d Ħuna W. Glen How kien avukat kuraġġuż li mill-1943 sal-2003 bis-sengħa ġġieled mijiet taʼ każijiet fil-qorti għax-Xhieda taʼ Ġeħova fil-Kanada u f’pajjiżi oħra.
e Għal iktar dettalji dwar dan il-każ, ara l-artiklu “It-Taqbida M’Hijiex Tagħkom, imma taʼ Alla” fil-ħarġa taʼ Stenbaħ! tat-8 taʼ Mejju 2000, paġni 18-24.
f Il-Gwardja Ċivili eventwalment telqet mill-proprjetà tal-fergħa, imma l-bini l-ġdid tal-fergħa nbena f’post ieħor.