Artal lil Divinità bla Isem
L-APPOSTLU Pawlu żar Ateni, fil-Greċja, madwar is-sena 50 E.K. Hemm hu ra artal dedikat lil alla mhux magħruf u iktar tard semmieh meta kien qed jagħti xiehda mill-aqwa dwar Jehovah.
Meta beda d-diskors tiegħu fuq l-Għolja taʼ Marte, jew l-Arjopagu, Pawlu qal: “Rġiel taʼ Ateni, qiegħed nara li intom f’kollox nies mill-aktar reliġjużi. Jien u għaddej u nħares lejn ix-xbihat qaddisa tal-qima tagħkom, sibt ukoll artal b’din il-kitba fuqu, ‘Lil Alla Mhux Magħruf.’ Għalhekk, dak li intom tqimuh bla ma tagħrfuh, nħabbarhulkom jien.”—Atti 17:22-31.
Għalkemm dak l-artal t’Ateni qatt ma nstab, artali simili kienu jeżistu f’partijiet oħra tal-Greċja. Per eżempju, Pawsanja, il-ġeografu Grieg tat-tieni seklu, semma l-artali taʼ “allat li jisimhom Mhux Magħruf” ġewwa Falero, mhux ’il bogħod minn Ateni. (Description of Greece, Attika I, 4) Skond l-istess xogħol, f’Olimpja kien hemm “artal taʼ l-allat Mhux Magħrufin.”—Eleia I, XIV, 8.
Fix-xogħol tiegħu The Life of Apollonius of Tyana (VI, III), Filostratu, il-kittieb Grieg, (ċ. 170-ċ. 245 E.K.) qal li f’Ateni “l-artali jitwaqqfu anki f’ġieħ l-allat mhux magħrufin.” U Dijoġene Lertju (ċ. 200-250 E.K.), f’Lives of Philosophers (1.110), kiteb li “artali bla isem” kont issibhom f’partijiet differenti t’Ateni.
Ir-Rumani wkoll waqqfu artali lil divinitajiet bla isem. F’din l-istampa hemm wieħed li jmur lura għall-ewwel jew it-tieni seklu Q.E.K. u jinsab preservat fl-Antikwarju Palatin f’Ruma, fl-Italja. L-iskrizzjoni bil-Latin li hemm fuqu tindika li dan l-artal kien konsagrat jew lil “alla raġel jew lil alla mara”—frażi “misjuba spiss f’talb u ġo formuli tad-dedikazzjoni kemm f’iskrizzjonijiet kif ukoll f’kitbiet letterarji.”
Ħafna għadhom ma jafuhx lil “Alla, li għamel id-dinja u kull ma fiha.” Iżda bħalma qal Pawlu lin-nies t’Ateni, dan Alla—Jehovah—“m’huwiex ’il bogħod minn kull wieħed minna.”—Atti 17:24, 27.
[Sors tal-Istampa f’paġna 32]
Artal: Soprintendenza Archeologica di Roma