Kemm Huwa Sod it-Twemmin Tiegħek fl-Irxoxt?
“Jien hu l-qawmien u l-ħajja. Kull min jemmen fija, ukoll jekk imut, jgħix.”—ĠWANN 11:25.
1, 2. Adoratur taʼ Jehovah jeħtieġ il-fiduċja fit-tama taʼ l-irxoxt?
KEMM hija soda t-tama tiegħek fl-irxoxt? Tqawwik lilek meta tkun beżgħan li se tmut u tfarrġek meta jmutlek xi ħadd li tant tkun tħobb? (Mattew 10:28; 1 Tessalonikin 4:13) Int bħal ħafna qaddejja t’Alla tal-qedem, li ssaportew swat, żebliħ, torturi, u ktajjen fil-ħabs, billi ġew imsaħħin mit-twemmin fl-irxoxt?—Lhud 11:35-38.
2 Iva, adoratur sinċier taʼ Jehovah m’għandu jkollu ebda dubju li se jkun hemm irxoxt, u l-fiduċja tiegħu għandha teffettwa l-mod kif jgħix ħajtu. Kemm tibqaʼ mmeraviljat x’ħin tirrifletti fuq il-fatt li fiż-żmien xieraq t’Alla, il-baħar, il-mewt, u Ħades se jroddu l-mejtin li hemm fihom, u dawn li jiġu rxoxtati se jkollhom il-prospett li jgħixu għal dejjem fuq art magħmula ġenna.—Apokalissi 20:13; 21:4, 5.
Dubji dwar Ħajja Futura
3, 4. Liema twemmin għad għandhom ħafna dwar il-ħajja wara l-mewt?
3 Il-Kristjaneżmu ilu jgħallem li hemm ħajja oħra wara l-mewt. Artiklu fir-rivista U.S. Catholic qal: “Mal-milja tas-snin, il-Kristjani għamlu ħilithom biex jaċċettaw u jkampaw mad-diżappunti u s-sofferenzi taʼ din il-ħajja billi ħarsu ’l quddiem lejn ħajja oħra, waħda taʼ paċi u kuntentizza, taʼ sodisfazzjon u hena.” Avolja f’ċerti pajjiżi tal-Kristjaneżmu n-nies saru ssekularizzati u kemxejn ċiniċi dwar ir-reliġjon, ħafna għadhom iħossu li bilfors irid ikun hemm xi ħaġa wara l-mewt. Imma hemm ħafna affarijiet li m’humiex ċerti dwarhom.
4 Artiklu fir-rivista Time għamel din l-osservazzjoni: “In-nies għadhom jemmnu f’[ħajja wara l-mewt]: imma l-konċett tagħhom taʼ x’inhi din eżattament qed isir iktar u iktar imċajpar, u qed jisimgħu ferm inqas dwarha mill-qassisin tagħhom.” Il-ministri reliġjużi għala m’għadhomx isemmuha daqs qabel, il-ħajja taʼ wara l-mewt? L-istudjuż reliġjuż Jeffrey Burton Russell jgħid: “Naħseb li [l-membri tal-kleru] jridu jevitaw is-suġġett minħabba li jħossu li jkollhom jegħlbu l-ostaklu taʼ xettiċiżmu popolari.”
5. Ħafna llum kif iqisuha d-duttrina tan-nar taʼ l-infern?
5 F’ħafna reliġjonijiet, il-ħajja wara l-mewt tinkludi s-sema u n-nar taʼ l-infern. U jekk il-membri tal-kleru ma tantx jieħdu gost jitkellmu dwar is-sema, aħseb u ara kemm iktar ma jiħdux gost jitkellmu dwar l-infern. Artiklu f’gazzetta qal: “Dan iż-żmien anki l-knejjes li jemmnu fil-kastig etern fin-nar taʼ l-infern . . . jipprovaw li dan il-konċett ma tantx jenfasizzawh. Tabilħaqq, il-biċċa l-kbira tat-teologi moderni m’għadhomx jemmnu fl-infern bħala post litterali taʼ turment, bil-mod li kien jiġi mgħallem fil-Medju Evu. Huma pjuttost jiffavorixxu verżjoni iktar “ħanina” taʼ x’inhu l-infern. Skond ħafna modernisti, il-midinbin fl-infern m’humiex qed jiġu ttorturati litteralment, imma qed ibatu minħabba “s-separazzjoni spiritwali [tagħhom] minn Alla.”
6. Xi wħud kif isibu li l-fidi tagħhom m’hijiex qawwija biżżejjed meta jiġu wiċċ imb’wiċċ maʼ xi traġedja?
6 Il-fatt li jżejnu xi duttrina tal-knisja b’dan il-mod, biex ma joffendux is-sensibilità moderna, għandu mnejn jgħin lil xi wħud jevitaw in-nuqqas taʼ popolarità, imma lil miljuni taʼ nies sinċieri li jmorru l-knisja dan iħallihom bid-dubju dwar x’jemmnu u x’ma jemmnux. Għaldaqstant, meta dawn jiġu wiċċ imb’wiċċ mal-mewt, spiss isibu li huma neqsin mill-fidi. L-attitudni tagħhom hija bħal dik taʼ waħda mara li tilfet diversi membri tal-familja f’aċċident traġiku. Meta ġiet mistoqsija jekk il-fidi li kienet tħaddan kinitx ġabitilha faraġ, hi wieġbet bit-tlaqliq, “Hekk naħseb.” Imma anki kieku wieġbet bil-fiduċja kollha li l-fidi li kienet tħaddan kienet għenitha, x’vantaġġ kienet se tikseb fil-futur jekk it-twemmin tagħha ma kienx imsejjes fuq is-sod? Din hija ħaġa importanti li taʼ min wieħed iqisha, għaliex, attwalment, dak li jgħallmu l-biċċa l-kbira tar-reliġjonijiet dwar ħajja futura huwa ferm differenti minn dak li tgħallem il-Bibbja.
Kif il-Kristjaneżmu Jħares lejn il-Ħajja wara l-Mewt
7. (a) Il-biċċa l-kbira tar-reliġjonijiet liema twemmin komuni għandhom? (b) Wieħed teologu kif iddeskrivieha d-duttrina tar-ruħ immortali?
7 Minkejja d-differenzi tagħhom, kważi d-denominazzjonijiet kollha tal-Kristjaneżmu jaqblu li l-bnedmin għandhom ruħ immortali li tibqaʼ ħajja wara l-mewt tal-ġisem. Ħafna jemmnu li meta xi ħadd imut, ruħu tistaʼ tmur fis-sema. Xi wħud jibżgħu li ruħhom tistaʼ tmur jew fin-nar taʼ l-infern jew fil-purgatorju. Imma l-idea taʼ ruħ immortali hija ċentrali għal dak li huma jemmnu dwar il-ħajja futura. It-teologu Oscar Cullmann ikkummenta dwar dan f’esej ippubblikat fil-ktieb Immortality and Resurrection. Hu kiteb: “Li kieku kellna nistaqsu lil Kristjan kwalunkwe llum . . . x’jaħseb li hu t-tagħlim tat-Testment il-Ġdid dwar id-destin tal-bniedem wara l-mewt, b’eċċezzjoni taʼ xi ftit, għandu jkollna din it-tweġiba: ‘L-immortalità tar-ruħ.’” Madankollu, Cullmann żied: “Din l-idea, li hija aċċettata kullimkien, hija waħda mill-akbar interpretazzjonijiet żbaljati tal-Kristjanità.” Cullmann irrimarka li meta kien qal dan għall-ewwel darba qajjem pandemonju sħiħ. Madankollu, hu kien korrett.
8. Jehovah liema tama poġġa quddiem l-ewwel raġel u mara?
8 Alla Jehovah ma ħalaqx lill-bnedmin biex wara li jmutu jmorru fis-sema. Ma kienx l-iskop oriġinali tiegħu li jkollhom għalfejn imutu. Adam u Eva ġew maħluqin perfetti u mogħtijin l-opportunità li jimlew l-art b’nisel ġust. (Ġenesi 1:28; Dewteronomju 32:4) Lill-ewwel ġenituri tagħna ntqalilhom li huma kienu se jmutu biss jekk ma jobdux lil Alla. (Ġenesi 2:17) Li kieku baqgħu jobdu lil Missierhom tas-sema, kienu se jibqgħu jgħixu fuq l-art għal dejjem.
9. (a) X’inhi l-verità dwar ir-ruħ umana? (b) Ir-ruħ x’jiġrilha meta tmut?
9 B’sogħba, iżda, Adam u Eva naqsu li jobdu lil Alla. (Ġenesi 3:6, 7) Dawn il-konsegwenzi traġiċi huma deskritti mill-appostlu Pawlu: “Kien permezz taʼ bniedem wieħed li fid-dinja daħal id-dnub, u permezz tad-dnub il-mewt, u hekk il-mewt laħqet il-bnedmin kollha għax kollha dinbu.” (Rumani 5:12) Minflok ma għexu fuq l-art għal dejjem, Adam u Eva mietu. X’ġara dakinhar? Kellhom huma ruħ immortali li setgħet issa tiġi ttrasferita lejn l-infern tan-nar minħabba d-dnub tagħhom? Għall-kuntrarju, il-Bibbja tgħid li iktar kmieni, meta ġie maħluq, Adam “sar ħlejqa [“ruħ,” KŻ] ħajja.” (Ġenesi 2:7) Il-bniedem ma ġiex mogħti ruħ; hu sar ruħ, persuna ħajja. (1 Korintin 15:45) Iva, Adam mhux talli kien “ruħ ħajja” imma, kif muri fil-lingwa Ebrajka, il-lingwa li biha nkiteb il-ktieb taʼ Ġenesi, anki l-annimali iktar baxxi mill-bniedem kienu “ħlejjaq [“erwieħ,” NW] ħajja”! (Ġenesi 1:24) Meta Adam u Eva mietu, huma saru erwieħ mejtin. Eventwalment, ġralhom preċiżament bħalma Jehovah kien qal lil Adam: “Bl-għaraq taʼ ġbinek tiekol ħobżok, sakemm terġaʼ lura lejn l-art, għax minnha int meħud. Għax trab int, u fit-trab terġaʼ tmur.”—Ġenesi 3:19.
10, 11. In-New Catholic Encyclopedia x’tammetti dwar it-tagħlim tal-Bibbja dwar ir-ruħ, u dan kif jidher meta jiġi mqabbel maʼ dak li tgħid il-Bibbja?
10 Fis-sustanza, in-New Catholic Encyclopedia taqbel maʼ dan. Fl-artiklu tagħha “Soul (in the Bible) [Ir-ruħ (fil-Bibbja)],” din tgħid: “M’hemm ebda dikotomija [frid f’żewġ partijiet] tal-ġisem u r-ruħ fit-TQ [“Testment il-Qadim,” jew l-Iskrittura Ebrajka].” Din iżżid li fil-Bibbja l-kelma “ruħ” “qatt ma tfisser ruħ bħala li hija distinta mill-ġisem jew mill-persuna individwali.” Tabilħaqq, ir-ruħ taʼ spiss tfisser “l-esseri individwali nnifsu kemm jekk inhu annimal u kemm jekk bniedem.” Sinċerità bħal din hija rrifreskanti, però xi ħadd b’mod loġiku jistaʼ jistaqsi għala lin-nies in ġenerali li jmorru l-knisja ħallewhom fl-għama dwar dawn il-fatti.
11 Min jaf kemm kienu jiffrankaw inkwiet u biżaʼ dawn in-nies li kieku kienu jafu l-verità sempliċi tal-Bibbja: “Ir-ruħ li tidneb, tmut,” mhux tbati fin-nar taʼ l-infern! (Eżekjel 18:4, KŻ) Waqt li dan hu differenti ħafna minn dak li jiġi mgħallem fil-Kristjaneżmu, huwa assolutament konsistenti maʼ dak li qal l-għaref Salamun waqt li kien taħt ispirazzjoni: “Il-ħajjin, għallinqas, jafu li għad imutu, iżda l-mejtin ma jafu xejn; lanqas ħlas ma baqaʼ għalihom għax imqar it-tifkira tagħhom intesiet. Kull ma ssib x’tagħmel, agħmlu b’ħiltek kollha għax ma jkunx hemm ħidma jew ħsieb, xjenza jew għerf, f’Art l-Imwiet [Xeol, il-qabar komuni tal-bnedmin] fejn inti sejjer.”—Koħèlet 9:5, 10.
12. Il-Kristjaneżmu minn fejn ġabu t-tagħlim tiegħu dwar l-immortalità tar-ruħ?
12 Il-Kristjaneżmu għala jgħallem xi ħaġa li hi daqshekk differenti minn dak li tgħid il-Bibbja? In-New Catholic Encyclopedia, fl-artiklu tagħha “Soul, Human, Immortality Of (L-Immortalità tar-Ruħ Umana),” tgħid li l-Missirijiet bikrin tal-knisja sabu l-appoġġ għat-twemmin f’ruħ immortali, mhux fil-Bibbja, imma fil-“poeti u l-filosfi u t-tradizzjoni ġenerali tal-ħsieb Grieg . . . Iktar tard, l-iskolastiċi ppreferew jagħmlu użu minn Platone jew xi prinċipji minn Aristotele.” Din tistqarr li “l-influwenza tal-ħsieb Platoniku u Neoplatoniku”—inkluż it-twemmin fir-ruħ immortali—eventwalment ġiet miżjuda “fl-istess qalba tat-teoloġija Kristjana.”
13, 14. Għala m’huwiex raġonevoli li wieħed jittama li jiġi mdawwal mill-filosfi pagani Griegi?
13 Għamlu sew dawn l-hekk imsejħin Kristjani li qabdu u daru lejn il-filosfi pagani Griegi biex jitgħallmu dwar xi ħaġa daqshekk bażika bħalma hi t-tama taʼ ħajja wara l-mewt? Dażgur li le. Meta Pawlu kiteb lill-Kristjani li kienu jgħixu f’Korintu, il-Greċja, hu qal: “L-għerf taʼ din id-dinja hu bluha quddiem Alla. Għax hemm miktub: ‘Hu li jaqbad l-għorrief fil-ħażen tagħhom’; u terġaʼ: ‘Il-Mulej jaf li fiergħa huma l-ħsibijiet taʼ l-għorrief’.” (1 Korintin 3:19, 20) Il-Griegi tal-qedem kienu jqimu lill-idoli. Allura, kif setgħu jkunu sors taʼ verità? Pawlu staqsa lill-Korintin: “X’rabta hemm bejn it-tempju taʼ Alla maʼ l-idoli? Aħna t-tempju taʼ Alla l-ħaj. Kif jgħid Alla: ‘Ngħammar f’nofshom u nimxi magħhom. Nkun Alla tagħhom; u huma jkunu l-poplu tiegħi.’”—2 Korintin 6:16.
14 Ir-rivelazzjoni taʼ veritajiet sagri ngħatat l-ewwel permezz tal-ġens taʼ Iżrael. (Rumani 3:1, 2) Wara s-sena 33 E.K., ngħatat permezz tal-kongregazzjoni Kristjana midluka taʼ l-ewwel seklu. Pawlu, waqt li tkellem dwar il-Kristjani taʼ l-ewwel seklu, qal: li dak li hemm imħejji għal dawk li jħobbuh “Alla rrivelahulna permezz taʼ l-Ispirtu.” (1 Korintin 2:10; ara wkoll Apokalissi 1:1, 2.) Id-duttrina tal-Kristjaneżmu dwar l-immortalità tar-ruħ hija mnissla mill-filosofija Griega. Ma ġietx irrivelata permezz tar-rivelazzjonijiet t’Alla lil Iżrael jew permezz tal-kongregazzjoni taʼ Kristjani midlukin taʼ l-ewwel seklu.
It-Tama Vera għall-Mejtin
15. Skond Ġesù, x’inhi t-tama vera għall-mejtin?
15 La m’hemm ebda ruħ immortali, x’inhi t-tama vera għall-mejtin? Hija, m’għandniex xi ngħidu, l-irxoxt, duttrina ċentrali tal-Bibbja u wegħda verament taʼ l-għaġeb mingħand Alla. Din it-tama taʼ l-irxoxt offra Ġesù lill-ħabiba tiegħu Marta meta qalilha: “Jien hu l-qawmien u l-ħajja. Kull min jemmen fija, ukoll jekk imut, jgħix.” (Ġwann 11:25) Li wieħed jemmen b’Ġesù jfisser li jemmen fl-irxoxt, mhux f’xi ruħ immortali.
16. Għala huwa raġonevoli li wieħed jemmen fl-irxoxt?
16 Ġesù kien diġà tkellem dwar l-irxoxt meta qal lil xi Lhud: “Tistagħġbux b’dan: tiġi siegħa meta dawk kollha li jkunu fl-oqbra jisimgħu leħnu u joħorġu.” (Ġwann 5:28, 29) Dak li Ġesù qed jiddeskrivi hawnhekk hu ferm differenti minn xi ruħ immortali li tibqaʼ ħajja wara l-mewt tal-ġisem u li tibqaʼ sejra dritt fis-sema. Dan hu ‘ħruġ’ li se jsir fil-futur taʼ nies li jkunu ilhom fil-qabar, xi wħud minnhom għal sekli sħaħ jew saħansitra għal eluf taʼ snin. Ifisser li l-erwieħ mejtin se jerġgħu jieħdu l-ħajja. Impossibbli? Mhux għal Alla “li jagħti l-ħajja lill-mejtin, u li jsejjaħ fl-eżistenza lil dak li ma jeżistix.” (Rumani 4:17) Nies xettiċi għandhom mnejn iwaqqgħuha għaċ-ċajt l-idea li n-nies jerġgħu lura mill-imwiet, imma dan jaqbel perfettament mal-fatt li “Alla hu mħabba” u hu dak li “jagħti l-ħlas xieraq lil dawk li jfittxuh.”—1 Ġwann 4:16; Lhud 11:6.
17. Alla x’se jwettaq permezz taʼ l-irxoxt?
17 Wara kollox, kif jistaʼ Alla jagħti ħlas xieraq lil dawk li jkunu taw prova li kienu ‘fidili sal-mewt’ jekk ma jerġax iġibhom lura għall-ħajja? (Apokalissi 2:10) L-irxoxt jagħmilha possibbli wkoll għal Alla biex iwettaq dak li kiteb dwaru l-appostlu Ġwanni: “Kien għalhekk li deher l-Iben taʼ Alla, biex iħott kull ma għamel ix-Xitan.” (1 Ġwann 3:8) Lura fil-ġnien taʼ Għeden, Satana sar il-qattiel tar-razza umana kollha kemm hi meta wassal lill-ewwel ġenituri tagħna għad-dnub u l-mewt. (Ġenesi 3:1-6; Ġwann 8:44) Ġesù beda jħott ix-xogħlijiet taʼ Satana meta ta l-ħajja perfetta tiegħu bħala r-rahan li jikkorrispondi, li fetaħ it-triq biex l-umanità tiġi meħlusa mill-jasar li wirtet għad-dnub li huwa r-riżultat tad-diżubbidjenza taʼ Adam minn jeddu. (Rumani 5:18) L-irxoxt taʼ dawk li jmutu minħabba dan id-dnub taʼ Adam se jkun ħaġa oħra li tinħatt mill-għemejjel tax-xitan.
Il-Ġisem u r-Ruħ
18. Xi filosfi Griegi kif irreaġixxew għall-istqarrija taʼ Pawlu dwar li Ġesù kien ġie rxoxtat, u għala?
18 Meta l-appostlu Pawlu kien f’Ateni, ippriedka l-aħbar tajba lil folla li kienet tinkludi lil xi filosfi Griegi. Huma semgħu d-diskussjoni tiegħu dwar dak Alla veru wieħed u s-sejħa tiegħu għall-indiema. Imma mbagħad x’ġara? Pawlu kkonkluda d-diskors tiegħu, billi qal: “[Alla] għażel jum li fih għandu jagħmel ħaqq ġust mid-dinja permezz taʼ bniedem li ħatru hu; u taʼ dan kollu ta prova quddiem kulħadd billi lilu qajjmu mill-imwiet.” Dak il-kliem qajjem polemika sħiħa. “Malli semgħu kliemu fuq il-qawmien mill-imwiet, xi wħud minnhom bdew jidħku.” (Atti 17:22-32) It-teologu Oscar Cullmann jagħmel din l-osservazzjoni: “Jistaʼ jkun li għall-Griegi li kienu jemmnu fl-immortalità tar-ruħ kien iktar iebes li jaċċettaw l-ippridkar Kristjan dwar l-irxoxt milli kien għal oħrajn. . . . It-tagħlim tal-filosfi kbar Sokrate u Platone bl-ebda mod ma jistaʼ jinġieb f’konsonanza [fi qbil] maʼ dak tat-Testment il-Ġdid.”
19. It-teologi tal-Kristjaneżmu kif ipprovaw iġibu t-tagħlim taʼ l-irxoxt f’armonija mad-duttrina tar-ruħ immortali?
19 Xorta waħda, wara l-apostasija l-kbira li segwiet il-mewt taʼ l-appostli, it-teologi stinkaw biex iħalltu t-tagħlim Kristjan taʼ l-irxoxt mat-twemmin taʼ Platone fir-ruħ immortali. Maż-żmien, xi wħud qablu dwar soluzzjoni oriġinali: Mal-mewt, ir-ruħ tissepara (“tiġi lliberata,” bħalma jpoġġuha xi wħud) mill-ġisem. Imbagħad, skond l-Outlines of the Doctrine of the Resurrection, minn R. J. Cooke, f’Jum il-Ġudizzju “kull ġisem se jerġaʼ jingħaqad mar-ruħ tiegħu stess, u kull ruħ maʼ ġisimha stess.” Din il-ġrajja futura meta jingħaqdu flimkien il-ġisem u r-ruħ immortali tiegħu jingħad li hi l-irxoxt.
20, 21. Min huma dawk li b’mod konsistenti għallmu l-verità dwar l-irxoxt, u dan kif kien taʼ ġid għalihom?
20 Din it-teorija għadha d-duttrina uffiċjali tal-knejjes prinċipali. Waqt li konċett bħal dan għandu mnejn jidher loġiku għal xi teologu, il-biċċa l-kbira taʼ dawk li jattendu l-knisja m’humiex familjari miegħu. Huma sempliċement jemmnu li meta jmutu se jmorru dritt is-sema. Għal din ir-raġuni, fil-ħarġa taʼ Commonweal tal-5 taʼ Mejju, 1995, il-kittieb John Garvey għamel din l-akkuża: “It-twemmin taʼ ħafna mill-Kristjani [fuq il-kwistjoni taʼ ħajja wara l-mewt] jidher li hu eqreb lejn in-Neoplatoniżmu milli lejn kwalunkwe ħaġa li hi verament Kristjana, u dan m’għandu ebda bażi Biblika.” Tabilħaqq, billi partu l-Bibbja maʼ Platone, il-kleru tal-Kristjaneżmu ġagħlu lill-merħliet tagħhom jitilfu l-fidi fit-tama tal-Bibbja dwar l-irxoxt.
21 Mill-banda l-oħra, ix-Xhieda taʼ Jehovah jirrifjutaw il-filosofija pagana u jżommu mat-tagħlim tal-Bibbja dwar l-irxoxt. Huma jsibu li dan it-tagħlim jibnihom, jissodisfahom u jfarraġhom. Fl-artikli li ġejjin, se naraw preċiżament kemm għandu sisien sodi u kemm hu loġiku t-tagħlim tal-Bibbja dwar l-irxoxt, kemm għal dawk li għandhom tama li jgħixu fuq l-art u kemm għal dawk li għandhom il-prospett taʼ rxoxt għal ħajja fis-sema. Bħala preparazzjoni biex tikkunsidra dawn l-artikli, nirrikkmandawlek li taqra b’attenzjoni kapitlu 15 taʼ l-ewwel ittra lill-Korintin.
Tiftakar Int?
◻ Għala għandna nikkultivaw fiduċja soda fl-irxoxt?
◻ Jehovah liema prospett poġġa quddiem Adam u Eva?
◻ Għala m’huwiex loġiku li nfittxu l-verità fil-filosofija Griega?
◻ L-irxoxt għala huwa tama raġonevoli?
[Stampa f’paġna 10]
Meta dinbu, l-ewwel ġenituri tagħna tilfu t-tama taʼ ħajja taʼ dejjem fuq l-art
[Stampa f’paġna 12]
L-istudjużi tal-Knisja bdew jiġu influwenzati mit-twemmin taʼ Platone dwar l-immortalità tar-ruħ
[Sors]
Musei Capitolini, Roma